13.7.22

Il-Ħajja tikber fil-Ħniena.

 

1.      F’liema żmien qed ngħixu, illum il-ġurnata?  Liema valuri u prinċipji nħaddmu u nħaddnu fis-soċjeta tagħna?  X’inhuwa moda u x’inhuwa aċċettabbli?  Dawn huma d-domandi li, mingħajr ma trid tagħmel waqt li taqra l-aħbarjiet, jew wara li tidħol lura d-dar wara jum ta’ xogħol mal-bnedmin.  Għadu parti mill-ħajja li l-bniedem iħenn għall-ieħor?  Għadha parti minnu l-ħniena, jew li jkun iebes miegħu?  Ma’ kull żball uman isib min jipprova jwaqqgħu għaċ-ċajt.  Min iżeblaħ bih u jirredikolah.  Min irid isikktu u jafferma fih il-ħsieb li huwa superjuri għal ħaddieħor.  Li għandu hu biss id-dritt li jgħix, li jitkellem, li jirbaħ, li jiddomina, mentri hu, għax ħanin, huwa suppost “dgħajjef”.

 

X’linja titħaddem

 

2.      Ninnota iktar kemm is-soċjetà qed issir intolleranti f’isem kunċett stramb ta’ tolleranza: tkun illiberali f’isem il-libertà.  Kemm mhix lesta tisma’ vuċijiet differenti minn tagħha.  Kemm tħares li għandha d-dritt li ssawwat u ssikket lil dawk li tarahom “barra mis-soltu”.  Lil dawk li, bi kliemhom, iridu jew ma jridux, iniggżu l-kuxjenza tal-oħrajn.  Sew bl-imġieba tagħhom, kif ukoll bil-ħsibijiet tagħhom iċaqilqu fejn ħaddieħor ma jridx imur.  Anzi, kif ilna naraw, dawn l-aħħar snin kiber iktar il-kunċett li biex wieħed iħossu aħjar għandu bżonn li jċekken lill-oħrajn.  Għandu bżonn iwaqqagħhom għar-redikolu.  Għandu bżonn ukoll li jkissirhom.

 

Jaslu għal ħafna

 

3.      Qrajt numru ta’ kotba tal-Cardinal Robert Sarah.  Kull ktieb huwa minjiera ta’ għerf, għaqal u gwida.  Fil-volumi ftit sibt traċċi dwar l-imrar li għadda f’ħajtu, salv ftit sentenzi li jimmeritaw attenzjoni.  F’mument, jgħid hekk: “Your heart must not have enemies, either.  I speak from personal experience.  I painfully experienced assassination by gossip, slander and public humiliation, and I learned that when a person has decided to destroy you, he has no lack of words, spite, and hypocrisy; falsehood has an immense capacity for constructing arguments, proofs and truths out of sand.”  Dawn il-kliem, kif sibthom, indur lejhom u drabi wkoll nikkonsla oħrajn bihom.  Kull bniedem imiss dan mill-oħrajn.  Minn dawk li jiżirgħu l-krudeltà, il-mibgħeda, drabi wkoll taħt għajta stramba ta’ ġustizzja.

 

Bħal mirja

 

4.      Għandna, f’dan, għażliet f’idejna li għandna nieħdu.  Għax kull ħaġa fil-ħajja, sew jekk tajba, sew jekk le li nwettqu, tiddependi mil-libertà tagħna.  Imma dawn iġibu fuqna dak li jidher fil-mirja.  Kif jgħid San Girgor ta’ Nissa: “For mirrors show the faces they reflect precisely as they are, cheerful of those who are cheerful, gloomy of those who look sad.  Yet no one would hold the nature of the mirror responsible for the gloom of the face reflected, if the original itself shows depression.”  Dak li nagħżlu li nagħmlu f’ħajjitna jkun dak li jidher barra.  Nagħmlu x’nagħmlu, ma nistgħux nidhru li qed niżirgħu s-sewwa, meta nkunu s-sikrana tal-imrar u tal-ħsieb żbaljat.

 

Fl-Unjoni Ewropea

 

5.      Ġibt dan kollu lura quddiemi jumejn ilu.  Il-Ħadd li għadda ftakart li fid-19 ta’ Ġunju 2011, pajjiżna kien iffirma l-ftehim sabiex ikollna aġenzija Ewropea taħdem hawn.  Aġenzija Ewropea li stinkajna sew għaliha bħala Gvern Nazzjonalista.  Waħda li rnexxielna nipperswadu ‘l-membri li aħna l-aqwa għażla għal varjetà ta’ raġunijiet.  Ftit jafu li f’dik il-ġurnata bdiet topera hawn magħna dak li kienet qabel il-European Asylum Support Office (EASO), li li llum saret il-European Union Agency for Asylum (EUAA).  Kien hemm raġunijiet varji għala għażilna li jkollna din l-aġenzija prestiġġjuża hawn.  Għażilna, għax ridna nibgħatu messaġġ li aħna poplu li nagħtu valur lill-ħniena, lit-tolleranza vera, lid-drittijiet umani, u f’dan, lid-dinjità umana.

 

Soda sew

 

5.      Fil-perkors ta’ dawn is-snin, żammejt kemm stajt attenzjoni lejn ħidmietha.  Ma kienx hemm sena li ma mxietx ‘il quddiem fiha.  Li ma żiditx l-esperjenza u li ġiebet iktar ordni.  Settur li kellu bżonn jiġi kkultivat sabiex jonqos l-aġir żbaljat lejn dawk li, għal xi raġunijew oħra, jaħarbu minn pajjiżhom.  Iktar bnedmin li jikkuraw lill-oħrajn.  Iktar ħidma umana għas-sewwa, li tant tagħti frott.  Fi proċess lejn iktar umanità u inqas diżumanità.  Fejn kull persuna, ġejja minn fejn hi ġejja, hija importanti, m’hijiex oġġett.  Fejn ħajjitha għandha tiġi protetta.  Kibret tant sew, li llum hija għodda essenzjali fl-Unjoni Ewropea, u hija ta’ kontribut qawwi lill-ekonomija tagħna.

 

Għadu fid-dell

 

6.      Din il-ħidma għadha, però, fid-dell.  Mhix magħrufa biżżejjed fil-ġid li qegħda twettaq.  Għax illum nifhem iktar dak li rajt isir snin ilu.  Meta kien hemm min iddeċieda li biex jinbidel il-Gvern Nazzjonalista, kien hemm bżonn kampanja qawwija li ċċekken u tkasbar dak kollu li twettaq.  Meta kien hemm min, nagħmlu x’nagħmlu, ried ipinġih ikrah ħafna.  Joħloq, f’dan, falsitajiet (fake-news), jivvinta provi u fatti ineżistenti.  Jipprova jġib il-ħsieb li fi żmien il-Partit Nazzjonalista, kollox kien ħażin.  U, kif nafu, meta jkun hemm min irid ikisser lil ħaddieħor, ma hemmx limitu għal azzjonitu.  U f’ħafna, kif nara, irnexxielu, għax hemm min għadu jemmen dawn il-falsitajiet, u anzi, xi drabi lanqas ma tista’ tfendi kelma li ma jaqbżux fuqek.

 

Id-dinja ddur

 

7.      Imma d-dinja ddur.  Dak li ħaddieħor jurih bħala żbaljat, meta ma jkunx, maż-żmien jerġa’ joħroġ lura għad-dawl.  Jiġi stmat fl-għarfien li ttieħdu passi tajba.  Passi li kienu ispirati minn valuri etiċi umani, Insara, li għadhom gwida.  Għadhom hemm għad-dispożizzjoni tal-poplu, jwettqu l-ġid fis-silenzju umli tagħhom.  Biss, għal dawk li raw, għal dawk li ġarrbu, anki jekk jibqgħu jsibu lil min jipprova jċekkinhom, għandhom dmir jiktbu u juru.  Ifakkru li sar ħafna sewwa.  Ħafna li għamel, u għadu jagħmel il-ġid.  Ifakkru li l-atti t-tajba jkattru proprju għax il-ħajja umana tikber fil-kwalità tal-ħniena.

 

 

  

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...