7.7.22

Enigmi f’Ħal Tarxien

 


 

1.      Nikteb dan l-artiklu bi skop wieħed u ċar.  Dak li minnu nittama li jseħħ il-ġid.  L-iktar, huwa appell fuq widnejn il-Gvern sabiex il-proġetti li ġew imwegħda, jsiru.  Kif ukoll li dawk li jinbnew ma jdumux għaddejja x-xhur.  Hemm bżonn aktar attenzjoni għal dak li r-residenti f’Ħal Tarxien qegħdin imissu kontinwament magħhom.  Jixirqilhom li jingħataw aktar widen f’dak li qegħdin imissu jum wara jum.

 

Urbs Antiqua Fuit

 

2.      Virġilju hekk irrefera u kiteb fl-Enejde.  Ħal Tarxien hekk huwa: raħal antik sew, li għandu l-evidenza ta’ dan.  Nafu lkoll bit-tempji preistoriċi tiegħu, fejn kull sena jiġu kwantità ta’ turisti.  Proprju dan il-post, li fih il-bniedem ilu jgħix, wieħed jippretendi li jkun hemm din l-attenzjoni.  Illum hemm ‘il fuq minn tmint’elef persuna jgħixu.  F’post fejn bil-permessi tal-bini li ħarġu, qiegħed issa jitlef mill-karattru veru tiegħu.

 

Servizzi bankarji

 

3.      F’dawn l-aħħar xhur, speċjalment għall-anzjani, kibret id-diffikultà.  Ingħalaq bank li kien iservi ħafna bżonnijiet tar-residenti.  Illum, anqas ATM ma hemm li jistgħu jużaw.  Ressaqt domandi parlamentari dwar dan biex inġib għall-attenzjoni tal-Ministru tal-Finanzi din il-pożizzjoni.  Ir-risposta kienet[1] li ma jista’ jsir xejn, għax hija “deċiżjoni kummerċjali”.  Nifhem, però nippretendi li almenu l-Gvern iġibilhom għall-attenzjoni kemm hemm bżonn dan is-servizz sabiex inaqqas mit-tbatija.  Kuljum, biex wieħed jinqeda jrid imur f’lokalità oħra.

 

Għassa

 

4.      L-istess diffikultà qed isibu r-residenti fl-Għassa tal-Pulizija, għax din ma tkunx miftuħa.  Hemm servizz ta’ ‘intercom’, però ma hemmx min huwa preżenti, u jekk wieħed irid jagħmel rapport irid jinżel Raħal Ġdid.  F’domanda li ressaqt[2], it-tweġiba ċara kienet li hemm lok li l-Għassa tiġi miftuħa u tinfetaħ “skont l-esiġenzi tas-servizz”.  Nifhem dan, imma ftit jirrealizzaw kemm żdiedu r-residenti u l-bżonn, għalhekk, ta’ iktar pulizija li jafu l-post sew u ‘l-bnedmin li jgħixu fih.

 

Pjazza u zuntier

 

5.      Infakkar li fl-14 ta’ Mejju 2019 kienet saret konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza u fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali.  Diversi ministri kienu preżenti, u hemm ħabbru li ser issir riġenerazzjoni taz-zuntier u pavimentar ġdid tal-Pjazza.  Proġett ċertament tajjeb.  Biss, wieħed naħseb li ma jiżbaljax jekk jippretendi li wara tmienja u tletin (38) xahar skorruti kellna naraw il-bidu tax-xogħol.  Mhux qed ngħid ilestuh, imma almenu jibdewh.  Minflok, wara żewġ domandi parlamentari[3] jirriżulta li Infrastructure Malta tinsab “fil-proċess li tagħmel id-diżinn tal-pjazza u z-zuntier”.  Jiġifieri għadha trid tibda biex tfassal il-pjani tekniċi u li terġa’, kif qaluli, “għaż-żmien li ġej ser jiġu finalizzati”.  Il-post jixraq li jkun hemm konsultazzjoni vera dwar dak li għandu jsir, u ma nsibux wieħed li ħadd ma jaqbel miegħu.  Però, aktar minn hekk, jixraqlu li jsir u li jsir b’iktar veloċità.

 

Toroq varji

 

6.      Dan huwa wkoll il-pass, mhux proprju ħafif, li biha saru jew qed isiru t-toroq f’Ħal Tarxien.  Ħafna jafu kemm toroq prinċipali kienu u damu magħluqa, bid-diffikultajiet varji u nkonvenjent għar-residenti.  Ħafna drabi, sfortunatament, mingħajr kordinazzjoni.  Mingħajr pjan tingħalaq triq użata sew mir-residenti u mit-traffiku mingħajr ma tinfetaħ.  Fl-istess ħin, l-inkonvenjent għall-anzjani li jridu jimxu jikber sew fl-art li ma tkunx proprju livell.  Ftit pjanar jgħin, imma dan mhuwiex isir.

 

Triq il-Knisja

 

7.      Bħalissa Triq il-Knisja, fil-fatt tinsab magħluqa.  Wieqfa.  Beda jsir ix-xogħol, però dan kellu jieqaf għal raġunijiet tekniċi.  Jidher li qabel inbeda ma sarux il-preparazzjonijiet li jsiru s-soltu, u għalhekk kellu jieqaf.  Ma kienx hemm kordinazzjoni mal-aġenzija kollha, u dan fisser li hemm arterja importanti magħluqa.

 

F’toroq oħra

 

8.      L-istess jidher li seħħ f’numru ta’ toroq prinċipali.  Bħal fi Triq Birżebbugia, li ġiet maqlugħa u magħluqa diversi drabi.  Daqqa għal raġuni, u daqqa għal oħra.  Fejn kelli wkoll ministri li jgħiduli li l-ieħor huwa responsabbli[4] sakemm forsi tkun lesta.  Biss, fil-frattemp it-triq ingħalqet regolarment, b’inkonvenjent lir-residenti.  U dan, l-istess seħħ fi Triq Paola, fejn ix-xogħol beda wkoll fil-bidu tas-sena u baqa’ għaddej għal xhur sħaħ.  Kif ukoll fi Triq Xintill, li hija wkoll sabet ruħha daqqa fuq naħa, u daqqa fuq oħra, magħluqa.

 

Futur

 

9.      Ħal Tarxien jixraqlu ferm aħjar.  Jixraqlu li jkollu aktar attenzjoni u li x-xogħol li jinbeda jsir b’attenzjoni u fl-inqas żmien possibbli.  Nafu li hemm toroq oħra li għad iridu jsiru, u oħrajn li beda x-xogħol fihom.  Nittama li jittieħdu l-passi tal-inqas inkonvenjent.  Ċertament, il-proġett taz-zuntier u tal-Pjazza hemm iktar lok li jinbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni dwaru, jiġi ppreżentat għall-pubbliku u jinbeda.  Nittama li dan l-artiklu jservi għall-ġid.  Iservi sabeix dan l-appell favru ir-residenti tarxiniżi ma jaqax fuq widnejn torox, imma jitqiegħed fis-seħħ.



[1] Domanda 22219

[2] Domanda 20365

[3] Domandi 22148 u 22147.

[4] Domandi 19007 u 19008

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...