19.11.19

ĦAL TARXIEN – FONDI ALLOKATI GĦAT-TOROQ





11898. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’fondi ġew allokati għal toroq fir-raħal ta’ Ħal Tarxien tul is-sena li ġejja u ċjoè min-Novembru 2019 sa Novembru 2020?

04/11/2019

 ONOR. IAN BORG: Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ilha minn meta twaqqfet li bdiet twettaq bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali, toroq rurali kif ukoll ħafna xogħol ta’ manuntenzjoni u tiswijiet f’toroq oħrajn. Imbagħad f’Jannar varat l-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin li bih se jsiru wkoll it-toroq residenzjali f’Ħal Tarxien.

Fil-fatt, iż-żewġ listi li tħabbru din is-sena tal-ewwel 290 triq li se jsiru jinkludu sitt toroq residenzjali li jinsabu f’din il-lokalità. Dawn huma Triq iż-Żejtun u Triq Santa Marija li diġà tlestew, Triq is-Sorijiet li qed issir bħalissa, kif ukoll diġà hemm ippjanati biex jinbdew xogħlijiet għall-bini mill-ġdid ta’ Triq Marjanu Gerada, Triq it-Tempji Neolitiċi u Triq Paola.

Seduta  279
18/11/2019

AMBAXXATURI TA’ PAJJIŻNA - KREDENZJALI


   


11897. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ambaxxaturi ta’ pajjiżna li kienu qed jistennew sabiex jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom sal-aħħar ta’ Ottubru 2019 u jista’ jindika liema huma?

04/11/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Ottubru 2019 kien għad hemm erba (4) Ambaxxaturi jistennew sabiex jippreżentaw l-ittri tal-kredenzjali tagħhom. Dawn huma kif ġej:

Ambaxxatur Frank Galea                 Argentina
Ambaxxatur Frank Galea                 Ċili
Ambaxxatriċi Mary Scicluna           Maċedonja ta’ Fuq
Ambaxxatur Paul Mifsud                 Oman

Fil-każ tal-Ambaxxatur Paul Mifsud, dan diġà preżenta l-Copie d’Usage tiegħu lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Oman.

18/11/2019

NSO – CITTADINI MALTIN ROMOL





11896. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li huma mniżżla u indikati bħala romol li huma taħt l-età ta’ 50 sena u li huma ċittadini Maltin skont l-NSO sal-aħħar ta’ Ottubru 2019?

04/11/2019

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar informazzjoni li għandu l-NSO f’dan ir-rigward toħroġ miċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni tal-2011. Skond dan iċ-Ċensiment kien hemm 595 persuna ta’ ċittadinanza Maltija li kellhom anqas minn 50 sena u li kienu romol (nisa u rġiel). Informazzjoni akar aġġornata tista’ tinkiseb mid-database tas-Sigurtà Soċjali.

Seduta  279
18/11/2019

NSO – PERSUNI LI HUMA ĊITTADINI MALTIN




11895. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid f’pajjiżna kemm hawn  persuni li għandhom 62 sena u li huma ċittadini Maltin skont l-NSO sal-aħħar ta’ Ottubru 2019?

04/11/2019

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-31 ta’ Diċembru 2018, l-istima ta’ persuni li għandhom 62 sena u li huma ċittadini Maltin hija ta’ 5,809 persuni, li minnhom 2,899 huma nisa u 2,910 huma rġiel. Din hija l-aktar stima riċenti u hija bbazata fuq metodoloġija armonizzata ma’ dik tal-UE.

Seduta  279
18/11/2019

IL-FGURA – TRIQ WIED BLANDUN – TISBIĦ U MANUTENZJONI




11894. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu tul is-sena li ġejja sabiex ikun hemm tisbiħ u rijabilitazzjoni taż-żona mhux mibnija li hemm il-Fgura bejn Triq Wied Blandun sa fuq nett ta’ Triq il-Foss kif kien ġie indikat f’diskorsi preċedenti tal-baġit?

04/11/2019

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena d-dieħla, għal din iż-żona, ser issir investigazzjoni dettaljata tas-sit. Dan l-istudju, li ser isir minn fondi nazzjonali, ser jagħti stampa ċara tal-interventi ta’ riabilitazzjoni li jistgħu jsiru f’dan is-sit. Eventwalment ser iservi biex tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal permessi neċessarji biex isir ir-restawr tal-wied

Seduta  279
18/11/2019

17.11.19

Fir-raġuni l-vuċi tagħna




1. F’dinja fejn ix-xenarju politiku qiegħed jinbidel, f’wieħed fejn hemm taħlit ta’ ideat, f’dinja fejn irridu naraw il-populariżmu, jitħallat mal-populiżmu nazzjonali, mal-popolarizmu nazzjonali irridu nifhmu li l-politika hija soda meta tkun ibbażata fuq ir-raġuni. Meta tiġi stabbilità fil-kalma tal-ħsieb, tal-ideat u tal-proposti allura tmexxi ruħha ‘l-quddiem. Meta tkun nieqsa minn dawn l-elementi tista’ tidher li qed twieġeb għal realtà għal sitwazzjoni partikolari mentri tkun qed tmur ‘l kontra.

Nifhmu dak li jiġri

2. Ma hix sempliċement forza li b’xi mod tinġabar wara għajtiet marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni rregolari. Din f’postijiet hija parti mill-elementi fil-borma, f’oħrajn m’hix. Hemm reazzjonijiet varji li qed jitwieldu proprju mill-ħsieb li hemm partijiet mill-poplu li qed iħossu li m’ humiex rappreżentati fis-soċjetà libertarja li qed ngħixu fiha. Saru diversi tibdiliet li mhux dejjem kellhom il-kunsens nazzjonali. Ħafna saru u huma liġijiet fi stati varji fuq il-bażi li min imexxi jaf “iktar” minn min jiġi mmexxi. Dawn terġa qed jibnu l-kunċett li hemm stati li huma “mudelli” li jridu jiġu segwiti, li l-popli ma jarawx li huma adatti għalihom. Jekk ftit snin ilu Christopher Lasch kien tkellem u kiteb fuq ir-rivoluzzjoni ta’ dawk li jħarsu lejn lilhom infushom bħala “elites” illum qed naraw movimenti ‘l kontra.

Post populiżmu

3. Jekk dan m’huwiex ċar biżżejjed, huwa evidenti mill-fatt li diversi stati qed jaraw elettorat li qiegħed jitlaq mill-vot tradizzjonali lejn oħrajn. Jekk jista’ jkun hemm xi mument storiku partikolari jew xi raġuni, soċjali, ekonomika jew kulturali li xi ħadd jista’ jaħseb li għandu jibdel din id-direzzjoni politika għad irridu naraw. Jekk ukoll nistgħu nibdew naħsbu li ser ikun hemm hin fejn ngħidu għadda l-populiżmu, Ewropew, Amerikan jew li trid u sar post-populiżmu xorta hemm żmien fejn qiegħed u ser ikompli jopera. Għax dan m’huwiex mument partikolari, li daqt ser jgħaddi imma ser jibqa iktar magħna. Kemm f’dan il-perjodu ta’ prova ser nifhmu ż-żminijiet. Kemm ukoll ser nidħlu f’djalogu ma min m’aħniex. Kemm ser nibdlu l-ideat u l-ħidma politika. Kemm ser inkunu preparati li politikament nieqfu pass lura mill-proposti tagħna biex nifhmu aħjar. Dawn kollha jinġabru f’soluzzjoni sabiex wieħed jibqa rilevanti u strument ta’ bidla għas-sewwa.

Kif tifhem dan

4. Numru ta’ drabi nara min idum biex jifhem li hemm f’pajjiżna min huwa fil-Gvern li ma jistgħax jiġi mċekken. Anqas ma jista’ jiġi ridott għal formula waħda. Ċertament anqas linja li tinbena fil-ħsieb li aħna nafu iktar minnhom. Jew aħna nafu naħdmu u għandna proposti aqwa minnhom. Naħseb li huwa żball li wieħed jitlaq jiġri mingħajr ma jara kollox fil-perspettiva ġenerali tal-affarijiet. Jara ukoll dak li seħħ fil-passat reċenti. Kif kienu r-reazzjonijiet u kif irnexxielhom ineħħu dak li kien jidher bħala żvantaġġ politiku għalihom. Hemm vantaġġi meta l-politika ssir bid-domandi lill-elettorat fuq il-mobile. Tista’ tifhem minn fuq, x’hemm isfel. Biss dan ma jfissirx li qed issir il-politika sħiħa u dan kif wieħed jifhem li hemm dawk li ma jwieġbux u dawk li jistennew domandi oħra. Il-politika t-tajba trid tibqa ssir minn taħt għal fuq.

Ir-rappreżentant tal-poplu

5. Id-deputat jibqa f’dan il-punt ċentrali. Jibqa dak li għandu d-dmir jitkellem u jaġixxi fil-linja li jifhem aħjar dak li għaddej. Għandu r-responsabbilità li jressaq nterpellanzi, mozzjonijiet u ideat biex il-politika tmur lura f’idejn l-poplu. L-interessi tal-pajjiz huma varji. Hafna qed jbgħatu ingustizzji soċjali li ma nitkelmux jew ma nindirizzawx proprju għax nahsbu li xi gazzetta partikolari mhux ser tirraporta. Imma r-realta hija li ħafna jridu lil min jirrapresenthom jifhmuhom fil-problemi partikolari tagħhom. Nittraskuraw ma għandniex f’din il-linja kull klassi fil-posizzjonijiet tagħhom. L-abbilità tal-Partit Nazzjonalista kien kostantement li jżomm kuntatt mal-poplu, li jifhem dak li għaddej għax iħares li jkollu l-polz tal-poplu f’idejh.

Proċess uniku

6. Fil-Kamra tad-Deputati l-partit għandu opportunijiet u vuċi unika. Waħda li mingħajr ma ngħarfu tingħata importanza mid-diversi li jisimgħuha. Biss din trid tkun waħda li tħares lejn il-linja tan-nofs. Waħda li tibni lilha innifsha fuq il-moderazzjoni, ir-raguni u l-kalma. Waħda li tassigura li tinstema’ u tkun żerriegħa sabiex tinġieb il-bidla. Irridu nfehmu li jekk wieħed irid jibdel dak li qiegħed jdejjqu jrid jissoda l-vuċi tal-Partit Nazzjonalista. Dan għal numru ta’ raġunijiet. L-ewwel sabiex il-Gvern jifhem u jaċċetta fejn huwa żbaljat. It-tieni sabiex il-programm ta’ ħidma għall-leġislatura nazzjonalista jwettaq.  It-tielet sabiex jibda l-proċess ta’ persważjoni fuq il-punti ta’ bidliet li għandhom isiru.

Raguni u forza

7. Il-linja ċentrali f’dan tibqa li r-raguni ma għandhiex bżonn forza. Hija forza fiha nnifisha li tissoda iktar ma jkun hemm bnedmin li jagħtuha forza u importanza. Proprju għalhekk li l-vuċi tagħna trid tibqa soda fir-raġuni.     

14.11.19

AMERIKA LATINA - AMBAXXATA




11887. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid fejn se ssir ambaxxata ta’ pajjiżna fl-Amerika Latina?

04/11/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li deċiżjoni finali ta’ fejn għadha ma tteħdietx.

Seduta  277
12/11/2019

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...