16.12.13

Rigali ma jonqsux



1.            Ma kull jum toħroġ waħda ġdida.  Waħda dejjem ikbar u qawwija minn ta’ qabilha.  Dan il-Gvern li qed jagħmlilna pjaċir jgħid li huwa ġdid għadu ma waqafx iwettaq dak li m’għandux jitwettaq.  L-ispiża nazzjonali tielgħa  mingħajr kontroll.  Il-ħatriet bla sens għaddejjin biex jagħtu rigali lil tal-qalba.  Il-lista tal-konsulenzi għal dawk li m’għandhomx speċjalizzazzjoni għaddejja.  Iħallas il-prezz ta’ gvern li ma jixraqx lil dan il-pajjiż.

2.            Gvern li moħħu biex jaħrab minn dawn il-problemi m’huwiex jifhem kemm dak li ġieb fis-seħħ  diġà għamel ħafna ħsara llum.  Din il-ġimgħa kellna, l-ewwel, il-Ministru tal-Finanzi jitkellem mhux b’tant attenzjoni jew preċiżjoni u wara l-gazzetta “Financial Times” tqattagħna biċċiet, it-tnejn fuq il-liġi bla bidu jew tmiem taċ-ċittadinanza.  Qed nitilfu mit-teżor tal-kredibilità li għandna fix-xejn u l-Gvern komdu iħalli l-affarijiet għaddejjin.

3.            Mhux ser ngħid li qed niftakar f’dak l-Imperatur Ruman li beda jdoqq l-arpa waqt li l-belt kienet qed tinħaraq, biss is-sitwazzjoni sejra lura iktar milli wieħed jimmaġina.  Imma, ngħidu x’ngħidu, jidhru minflok determinati biex dak li fasslu f’moħħhom qabel l-elezzjoni jseħħ.  L-isbaħ waħda kienet din tal-aħħar, marbuta mal-proprjetà tal-poplu fl-Australia Hall.  Ma hemmx deskrizzjoni aqwa minn dik ta’ skandaluża.

4.            Kemm għamlu biċċa xogħol tajba l-Moviment Żgħażagħ tal-Partit.  Ksew il-bini b’ċoff aħmar kbir.  Dekorazzjoni li nafu lkoll nużaw fil-festi tal-Milied.  Aġir li kixef, b’sempliċità mill-aqwa u diretta li l-Gvern Laburista għadda lill-Partit Laburista rigal.  Post li huwa stmat li jiswa l-miljuni tneħħietlu kawża minn fuqu.

5.            Il-Partit Laburista kien jaf li ma kellux ċans jirbaħ din il-kawża.  Kien jaf li għandu tort u skont il-liġi l-poplu kien ser jieħu lura f’idejh dak li ġie abbandunat, traskurat u mkisser minnhom.  Post mill-isbaħ ħallewh hekk għal snin twal.  Dmir il-Gvern serju kellu jkun dak li ma jindaħalx u jħalli l-proċeduri għaddejja.  Minflok, uża l-poter b’mod mill-iktar arbitrarju.

6.            Ġej iż-żmien tal-Milied, meta verament nagħtu lil xulxin rigali ġenwini u  mill-qalb.  Biss il-Gvern, flok għadda ħwejjeġ tajba, qed jgħaddi dak li m’għandux.  Flok jamministra sewwa f’isem il-poplu qiegħed jagħmel dan għall-vantaġġ partiġġjan tiegħu.  Dak li qed isir qed jiġi  nnutat.  Il-poplu jaf.  Pajjiżi  oħra żgu li raw u fl-aħħar tal-jum huwa l-pajjiż li jrid iħallas.  Ir-rigali ma jonqsux, imma mhux il-poplu qed jeħodhom iżda ħaddieħor.


Mill-Parti ta’ Fuq*



1.          Trid tiġi fil-parti ta’ fuq tal-Unjoni Ewropeja biex tmiss ma’ realtà kompletament differenti minn tagħna. Id-dinja ta’ hemm fuq għandha illum lezzjonijiet li jekk ma tmissx sewwa magħha mhux neċċessarjament tifhimhom jew teħodhom. Kelli din l-opportunità din il-gimgħa waqt li kont ġewwa l-belt ta’ Talinn fl-Estonja, ndur fi ftit siegħat l-irkejjen u t-toroq akkumpanjat minn storiku Estoni Juri Kuuskumaa li huwa il-Kuratur tal-Mużew ta’ l-Arti Kadriorg nara l-influwenzi varji li il-poplu Estoni, prevalentement luteran, ra b’għajnejh.

2.          Bejn post storiku u ieħor intlift niddibatti diversi punti. Il-perjodu tat-Tieni Gwerra Mondjali bil-preżenza tal-Ġermanja Nażista sabet ruħha komparata f’diversi mumenti ma’ dik tar-Russja Sovjetika.  Kemm qatlu Estoni n-Nażisti u kemm il-komunisti, x’kienet l-attitudni ta’ wieħed fil-konfront ta’ l-ieħor. Bnedmin li sabu ruħhom iridu jgħixu ma’ min kien deċiż li ma tantx jittollerahom. Sibtni quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru, li aktar tard kelli l-opportunità niltaqa’ miegħu wkoll, u hemm mal-ħitan esterni hemm lista twila  ta’ Ministri tar-Repubblika libera Estoni li nqatlu ffuċillati, jew minn naħa jew minn oħra.

3.          Illum iħossuhom liberati, poplu li għandu t-tmun tal-pajjiż f’idejh preparat sabiex jaffronta sfidi ġodda. Il-bandiera bil-faxxex blu, suwed u bojod tperper minn fuq il-bjut qisu ma huwa xejn, biss taħt Josef Stalin (li ddeskriva lil Estoni bħala problema li tista’ tiġi solvuta billi jittneħħew minn wiċċ id-dinja) kont teħel ħamsa u għoxrin sena ħabs u ħamsa minnhom fis-Siberja jekk kemm–il darba ittellagħha.  Beda jidħak waqt li ddeskriva l-perjodu ta’ Nikita Kruschev bħala aħjar għax kont teħel għaxar snin biss! Il-bandiera tperper bir-raġun fl-ogħla istituzzjonijiet tfakkar ma’ kull radda tas-salib f’dak li kienu u f’dak li huma.

4.          Waqt li tgħaddi mit-toroq tara li l-belt qegħda tipprova terġa’ tieħu r-ruħ. Miżgħuda bi knejjes, palazzi, lukandi u ristoranti hemm ħajja differenti. Jidher ċar li t-turiżmu qiegħed jikber b’rata interessanti. F’kull stabiliment tara li hemm qabża li qegħda issir minn dan il-poplu paċifiku li għamel wisq snin iddominat. Hemm rabtiet storiċi li jmorru minn naħa mill-preżenza tal-Kżari Russi jidwu minn Pietru il-Kbir u Katarina l-Kbira u dan flimkien mad-diversi djar u mħażen tan-negozjanti f’parti mill-bliet hansejatici li kienu tant b’saħħithom sew fil-kummerċ. Hemm passat magħġun ukoll f’influwenza Ġermaniża li tkabbar iktar.  Dan Juri qalli li jaf il-Ġermaniż u r-Russu tajjeb u dawn servewh għar-riċerki varji fl-istorja ta’ pajjiżu.

5.          Biss, minn kelma għal oħra, stajt nara kemm quddiemi kelli persuna li għadda minn mumenti iebsa. Stajt napprezza dak li għadda minnu hu u l-poplu. Ħelsu minn poter politiku estrem, ma hemmx dubbju, imma meta tara l-idejat li huwa jħaddan tinduna li l-influwenza kulturali ta’ dak l-perijodu hemm għada. Il-liġijiet, in-normi, ir-regoli li huwa jħaddan ġewwa fih issawru minn żmien il-materjaliżmu stoiku.  Il-kunċett tal-bniedem, l-identità tiegħu, il-bilanċ intern bejn dak li huwa moralment konvint u dak li huwa kundannabli għadu taħt il-ħakma ta’ ideat oħra.

6.          Waqt li konna mexjin fuq is-swar tal-parti ta’ fuq tal-belt appena titlaq il-knisja ta’ Santa Marija, urieni fil-bogħod blokk kbir ta’ djar barra l-parti ċentrali li fhimt li ġiet imtellgħa mis-Sovjetiċi għas-suldati tagħhom. Hemm il-maġġoranza tagħhom baqgħet b’diffikultajiet illum ta’ integrazzjoni. Ippreferew jgħixu ma’ l-Estoni minflok imorru lura. Sfida verament kbira għall-futur meta wieħed jara kif rajt ġewwa Narva li l-fruntiera mar-Russja qegħda hemm. Ir-rapport ta’ dominaturi ma’ dominati qed jaqbad toroq li għad irridu naraw kemm u sa fejn ser ikun hemm għaġna sħiħa.

7.          Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, mhux dawk ta’ Juri li għad għandhom wisq feriti fil-memorja tagħhom, iridu jibnu dan. Mhux ser ikun faċli. F’mumenti tista’ tmiss l-ateiżmu komunista jaħdem id f’id ma’ dak tal-liberaliżmu ta’ llum. F’oħrajn hemm min qiegħed jipprova jiddistingwi ruħu. Din hija l-qabża l-kbira, l-isfida li dawk li għexu taħt reġim fejn kien aċċettabli li tkun ateu sabiex tidħol fix-xogħol mal-istat, u anzi li ġew magħġuna minn dan il-kunċett tal-ħajja li jippruvaw jibnu stat u kunċetti tal-ħajja kompletaent differenti. Hemm sinjali ta’ bidla. Hemm ċar diversi li jridu juru li biex tibni soċjeta’ differenti trid tibbaża fuq normi, liġijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li l-materjaliżmu storiku, l-ateiżmu kienu kapaċi jagħtu. Prinċipji li jħarsu lejn il-ħajja u li jitilqu mill-bżonn li jiġi.

 *Dan l-artikolu kien deher fil-Mument fil-21 ta Lulju 2009.

Fejn spiċċa s-soċjaliżmu?*



1.         Ma hemmx bżonn ħafna trattati twal fuq kitbet Karl Marx u s-segwaċi tiegħu.  Ninsab żgur fl-aħħar ta’ l-iskaluna biex nazzarda din it-triq però llum, wara tant snin, naħseb li tajjeb li wieħed jipprova jagħmel ftit riflessjonijiet ġenerali.  Ma rridx ngħid li huwa żbaljat li wieħed jerġa’ jara mill-ġdid kitbet Marx, Engels, Lenin, Rosa Luxemburg u l-oħrajn kollha.  Dan anzi huwa tant parti mill-istorja tad-dinja li nistgħu nifhmuha aħjar jekk naqrawhom u naraw x’qalu u x’effetti ħolqu kitbiethom.  Għalhekk, għalkemm jidher mill-iktar ċar li s-soċjaliżmu m’għadux ileqq ħafna, xorta huwa parti minn ħsieb, forza li l-bniedem ivvinta sabiex jipprova jibdel.  Kemm dan irnexxielu rridu naraw u titkellem l-istorja.

2.         It-tlugħ u l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin immarkaw il-bidu u tmiem id-dominanza Sovjetika, ma hemmx dubju, però rridu naċċettaw li l-marksiżmu kien diġà spiċċa qabel.  Fil-ħidma ta’ kull ġurnata, minn forza ta’ progress fir-realtà saret waħda ta’ rigress.  Minn forza ta’ qawmien mill-ġdid saret waħda ta’ distruzzjoni.  Anzi, wara r-rivoluzzjoni, dawk li ħadu l-poter f’idejhom assiguraw li jsiru forza konservattiva.  Ma riedu jbiddlu xejn u rajna, anzi, kif il-poter tant beda tielgħa għal rashom li kienu saru theddida għad-dinja.  Kultura differenti ta’ kif tittratta l-poter ta’ l-Istat.  Waħda li għad għandha l-effetti tagħha.

3.         Is-sabiħ ta’ kollox kien li tul l-eżistenza ta’ l-Unjoni Sovjetika, l-pajjiżi l-oħra fl-Ewropa kellhom partiti soċjalisti u komunisti b’saħħithom.  Kif spiċċa kollox, spiċċaw huma wkoll.  Iddisintegraw ruħhom, kważi sparixxew f’numru ta’ Stati.  Biss dan ma fissirx li kitbet is-soċjalisti ma baqgħetx tinfluwenza lil politiċi oħra f’irkejjen oħra tad-dinja.  Dak baqa’ hemm, b’manifestazzjonijiet varji li huma stess sabu ruħhom suġġetti ta’ studji varji.

4.         Għax għalkemm ma hemmx dubju li huma l-prinċipji li l-partit iħaddan li għandhom jagħtuh direzzjoni l-ewwel, u wara jservu ta’ kalamiti għal bnedmin oħra sabiex jinġabru u jingħaqdu fih, hawn għandna iktar x’nifhmu.  Jekk il-mexxejja ta’ materjaliżmu storiku jew anti-storiku huwa parti mill-iżvilupp “naturali” ta’ soċjetà mmexxija mill-bnedmin, irridu naraw iktar ‘il quddiem.  Biss, irridu naċċettaw li s-soċjaliżmu ser jibqa’ mmarkat bl-abbiltà tiegħu li jinqasam f’biċċiet li wara jikkuntrastaw lil xulxin.  Il-varjetà ta’ soċjaliżmi u komuniżmi li d-dinja rat u għadha tara huwa verament interessanti.

5.         Ngħid dan għax apparti l-istorja politika fl-Ewropa sħiħa hawn ukoll ċirkostanzi oħra li jimmeritaw attenzjoni.  Laqatni reċentement dak li qiegħed jiġri ġewwa n-Nepal, dak il-pajjiż mgħaffeġ bejn tant kulturi.  Hawn għandna żewġ ulied il-komuniżmu jikkumbattu kontra xulxin bħala Gvern u Oppożizzjoni.  Mhux biss, imma hemm akkużi reċiproċi ta’ vjolenza fuq membri tal-partiti opposti.  F’dan l-Istat hemm partit marksista-leninista li huwa fil-gvern immexxi minn Kumar Nepal u fl-oppożizzjoni wieħed marxista mmexxi minn Prachanda.  Ftit xhur ilu kienu t-tnejn fil-gvern f’koalizzjoni, biss iġġieldu meta l-partit Maosta ried idaħħal fil-forzi armati tletin elf persuna li kienu gwerillieri.  Dak allarma l-maoisti-leninisti u spiċċa kollox.  Qed jiġġieldu ġlied kbir li l-futur biss irid jgħidilna fejn ser jaslu.

6.         Ideoloġikament fuq il-karta jidher li ma hemmx xi punti li ma jistgħux jaqblu fuqhom u l-bandieri tagħhom it-tnejn huma ħomor bil-falċi u l-martell, imma l-ġlied bejn il-bnedmin ma jistax jinġabar.  Min huwa llum il-veru soċjalist ġewwa dak il-pajjiż ftit jafu.  It-tnejn jgħidu li huma ulied veri.   Ir-realtà hija li s-soċjaliżmu spiċċa f’sempliċi ġlied għall-poter, mingħajr ebda forma ta’ prinċipji ta’ xejn.  Anzi, l-ideoloġija tidħol biss sakemm hija parti mit-tgħajjir ta’ naħa lejn l-oħra, il-bqija poter għal wiċċ il-poter.

7.         Id-dinja rat ħafna esperjenzi bħal dawn.  Il-kitbiet tas-soċjaliżmu llum sejrin lejn din id-direzzjoni inevitabbli.  Dik li fiha tispiċċa r-relevanza politika u tikber iktar dik storika.  L-istorja ta’ l-umanità ma tistax tiċħad l-eżistenza ta’ dan il-moviment politiku u anzi m’għandhiex għax hemm ħafna lezzjonijiet x’wieħed jista’ jieħu.  Dan għax serva għal ħaġa u tilef l-importanza għal oħra.  Ma hemmx dubju li llum ġie destinat li jingħalaq darba għal dejjem mill-possibilità li jibqa’ kkunsidrat bħala soluzzjoni tal-problemi li l-bniedem jiffaċċja.  Biss xorta m’għandux jiġi njorat minn min irid jaħrab l-iżbalji li saru.


 *Dan l-artikolu kien deher fl-Illum fil-21 ta Lulju 2009.

Għaddiet is-Sena Pawlina *


1.         Ftit jiem ilu kellna magħna l-Kardinal Ennio Antonelli, mibgħut speċjali mill-Papa Benedittu XVI.  Kelli x-xorti li niltaqa’ miegħu appena niżel f’pajjiżna.  Laqatni l-mod miftuħ, preparat, li bih jersaq lejn l-argumenti, huma x’inhuma.  Tiskanta kif fi ftit mumenti jfehmek mill-ewwel l-abbiltà tiegħu.  Ma tantx issib persuni bħalu.  Konna ilna ma naraw Kardinal li, mingħajr ma trid, jiġbdek bit-tbissima u bid-diskors intelliġenti tiegħu.  Kien verament f’waqtu li resaq f’Malta u fl-aħħar tas-sena li ddedikajna lil Missierna San Pawl.

2.         Id-29 ta’ Ġunju ta’ din is-sena ser jibqa’ mfakkar għaċ-ċelebrazzjonijiet sbieħ li seħħew.  Kien hemm parteċipazzjoni attiva ħafna min-naħa tal-pajjiż kollu.  Mhux biss f’festi esterni, imma f’diversi riflessjonijiet u diskussjonijiet fuq kitbet u ħidmet San Pawl.  Ħarġu diversi aspetti li ssoltu ma narawx.  Rajna mill-ġdid din ir-rabta speċjali li bniedem ta’ intelliġenza kbira u superjuri kellu magħna.  Rapport li nbena proprju b’fatt sekondarju, dak li fid-dinja legali jissejjaħ “act of God”.  Dak li seħħ snin ilu f’maltempata fil-Mediterran jitlob riflessjoni kif mill-gżejjer kollha li fihom seta’ mar, spiċċa proprju hawn.

3.         Dan il-jum ħabat ukoll mal-aħbar li l-Papa ta li ġewwa l-Knisja ta’ San Paolo fuori le Mura hemm żgur midfun l-Appostlu.  Hemm l-għadam tiegħu proprju f’din il-knisja li, oriġinarjament kienet intenzjonata sabiex tagħti ġieħ lilu daqskemm dik dedikata lil San Pietru, li bdiet tinbena lejn is-sena 384 WK mill-Imperatur Valentinianu II.  Dan l-Imperatur ried li qabel kull bidu ta’ kostruzzjoni sija s-Senat kif ukoll il-poplu Ruman jiġu konsultati u llum għandna monument li ppreservawh għalina.  Il-ħidma metikoluża għal dan saret taħt is-sorveljanza tal-Kardinal Andrea Cadero Lanza di Montezemolo, l-Arċipriet li huwa perit speċjalizzat fit-teknika u x-xjenza tal-kostruzzjoni.

4.         Dawn iż-żewġ eventi jixirqilhom attenzjoni partikolari fl-iżvilupp sħiħ ta’ dak li nafu fuq dan il-persuna eżemplari u dak li għad fadlilna niskopru.  Hemm diversi biċċiet li l-arkeoloġija moderna kapaċi tagħti u għadhom għad-disposizzjoni tagħna fil-fdal li Ruma għadha kapaċi tagħti.  Jiġi mill-ewwel quddiemi l-wiċċ li għad għandna ppriservat fil-Katakombi ta’ Santa Tecla f’Ruma.  Dik l-immaġini ta’ persuna b’wiċċ ta’ paċi interna kapaċi jifhem u jaħdem b’ħiltu kollha lejn għan wieħed – dak tat-tixrid tal-messaġġ Nisrani.  Qegħda hemm immortalizzata għalina lkoll.  Xiehda ċara li l-bniedem għex u uża tajjeb il-ħin li ġie lilu misluf.

5.         Pajjiżna għandu diversi punti wkoll x’jiskopri u jivverifika fuq dan.  Għax bejn il-leġġenda u l-preżenza hemm numru ta’ fatti li nittama li għada pitgħada l-arkeoloġija tagħna ssib iktar informazzjoni għalina.  Għax ma hemmx dubju li San Pawl wasal f’Malta – dan illum huwa aċċertat, biss hemm postijiet fuq din il-gżira marbuta miegħu fuq dak li ngħad minn ġenerazzjonijiet twal bħal, per eżempju, li wasal f’San Pawl il-Baħar u li wara telaq minn Bormla li forsi għada pitgħada nsibu aktar messaġġi mill-passat li jgħinu lilna napprezzaw dak li għandna.

6.         Hu x’inhu, dawn il-gżejjer huma fortunatament marbuta miegħu.  Din is-sena żgur servietna biex nidħlu f’dan il-proċess li permezz tiegħu stajna niskopru aħjar l-għeruq tagħna.  Il-kitba tiegħu hija parti mill-patrimonju tad-dinja, mhux biss dak Nisrani.  Jifforma parti mill-proċess ta’ l-iżvilupp taċ-ċiviltà fl-Ewropa u fid-dinja li pajjiżna huwa pass importanti fiha.  Iċ-ċerimonja ta’ l-għeluq għalhekk iċċelebrat b’mod qawwi dan il-messaġġ li ma għandniex ikunu boloh u narmu jew b’xi mod inċekknu.


 *Dan l-artikolu kien deher fil-Mument fit-12 ta Lulju 2009. 

Il-bniedem u l-invenzjonijiet*



1.         Laqatni l-artikolu xi ġimgħat ilu fil-Herald Tribune li kellu bħala suġġett il-kriżi ekonomika preżenti fid-dinja.  F’parti minn dan, Thomas L. Friedman jgħid: “Therefore, the country that uses this crisis to make its population smarter and more innovative – and endows its people with more tools and basic research to invent new goods and services – is the one that will not just survive but thrive down the road.  We might be able to stimulate our way back to stability, but we can only invent our way back to prosperity.  We need everyone at every level to get smarter.

2.         Dan l-argument fih ħafna sens.  Il-bniedem jivvinta strumenti ġodda, mezzi differenti għax isib lilu nnifsu fil-bżonn.  Mhux kull persuna jkollha fiha t-talent li tmur lejn toroq ġodda, anke jekk ma hemmx forzi esterni ta’ neċessità.  Biss dawk li għandhom dan il-melħ konċentrat fihom jispikkaw f’mumenti bħal dawn.  Ikunu huma, diversi drabi, l-ewwel li jiftħu l-bibien għal soluzzjonijiet li jwieġbu għar-realtà li pajjiż, poplu, komunità jkunu qed jiffaċċjaw.

3.         Il-punt tat-tluq huwa kemm soċjetà tagħti importanza lill-istudju.  Il-prijorità trid tkun l-edukazzjoni u l-għarfien li mingħajrha ma nistgħux nimxu ‘l quddiem.  L-investiment determinanti f’dawn l-aħħar għoxrin sena f’pajjiżna kien proprju dan.  L-abbiltà li f’sitwazzjoni fejn l-infrastruttura ta’ l-Istat Malti kienet qed titlob flejjes u attenzjoni, xorta waħda rajna li strateġikament jagħmel il-ġid li mmexxu t-tagħlim ‘il quddiem.

4.         Mhux biżżejjed, b’danakollu, li tibgħat persuni fil-bank ta’ l-istudju, imma huwa għaqli li tassigura li l-kwalità ta’ dak li jingħad jogħla huwa wkoll.  Illum nużaw il-kliem “eċċellenza”, “state of the art” u oħrajn simili u sewwa nagħmlu, biss fir-realtà qegħdin sempliċement nerġgħu naffermaw li hemm lok għat-tagħlim mingħajr ma hemm wkoll rabta ekonomika magħha.  Ma hemmx x’wieħed jiddibatti fuq dan.  Huwa magħruf li ħafna ġenji ta’ l-arti żviluppaw dan għad-dinja għax ġew injorati fuq proġetti kbar minn persuni li kellhom il-mezzi ekonomiċi biex jidħlu għal dan il-“kapriċċ”.
5.         Il-“kapriċċi” ta’ l-antik urew lin-nies ta’ żmienhom is-saħħa politika tagħhom, manifestazzjoni pubblika tal-importanza ta’ dak li twettaq, jew aħjar ta’ dak li huma.  Suġġett verament interessanti li reċentement l-Avukat Mark Micallef kiteb dwaru fit-tul fil-ktieb tiegħu “The Politics of Art” li jimmerita attenzjoni żgur.  Il-politika, l-espressjoni pubblika ta’ l-invenzjonijiet tal-bniedem jgħaddi minn fuqhom iż-żmien.  Il-pendlu jibdel l-iskop tagħhom, jew aħjar, fuq naħa jħalli u fuq oħra tiżdiedlu l-importanza f’setturi oħra.  Dak li meta sar kien “biss” dikjarazzjoni politika, illum sar iktar wieħed marbut ma’ kemm jirnexxilu jkun kreattiv il-bniedem.

6.         Persuni fl-ekonomija mhux dejjem japprezzaw dan il-fenomenu fl-iżvilupp uman u jkunu iktar disposti li janalizzaw biss x’invenzjonijiet ser iqallgħu flus u jħaddmu r-rota tal-kummerċ.  Imma naħseb li meta jikkunsidraw kemm l-opri ta’ l-arti huma mogħtija valur, u anzi huma kalamiti għal kummerċ ieħor, jistgħu jibdlu fehmithom.  Id-dinja tgħallima fuq dan.  Reċentement rajna numru ta’ każijiet ta’ diffikultajiet ta’ natura diplomatika li twieldu proprju mill-għarfien tal-potenzjal tal-prodott li l-invenzjoni tal-ġenju tal-bniedem irnexxielu joħloq.  Ta’ kemm opri ta’ l-arti għandhom saħħa ekonomika.

7.         Hemm, biex ngħidu hekk, żewġ każijiet klassiċi li ġejjin mid-dinja antika.  L-ewwel, it-talba ta’ l-Eġittu sabiex il-Ġermanja tagħti lura l-bust ta’ Nefertiti.  Ma nafx min wettaq din l-opra verametn sabiħa.  Nafu biss li fl-1912, Ludwig Borchart sabu fl-iskavi tiegħu fl-Eġittu u ħadu miegħu f’Berlin fejn jinsab.  Zahri Hawass, li llum huwa magħruf u aċċettat bħala awtorità, ddikjara li dan ittieħed illegalment (b’mezzi frodoloenti) u allura hemm bażi sabiex dan jingħata lura.  L-istess, u dan huwa t-tieni każ, jista’ jingħad fil-kontroversja interminabbli bejn l-Ingilterra u l-Greċja fuq ‘l hekk imsejħa “Elgin Marbles”, il-biċċiet tal-Parthenon li meta tmur fl-Akropoli tapprezzahom ferm iktar milli fuq l-istampi, ser jibqgħu żgur ballun ta’ kontestazzjoni bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

8.         Ir-realtà ta’ dawn l-eżempji hija li ħadd ma huwa dispost li jċedi dak li l-invenzjoni umana rnexxielha tagħmel.  Dak li jsir fl-arti, fil-kultura, dak li l-bniedem kapaċi jivvinta għad-diversi raġunijiet li l-ħajja u ż-żmien jagħtu, jibqa’ hemm.  Iktar ma jkun tajjeb, iktar ma jkollu elementi ta’ invenzjoni, ta’ kreattività, iktar jispikka u jibqa’ hemm fis-sekli li jista’ jkun hemm għad-disposizzjoni tal-bniedem.  Fortunatament għalina t-talenti li għandu l-bniedem ma jintilfux f’perjodu wieħed, imma jibqgħu għalina biex nużawhom.  Aktar ma dan jiġi apprezzat mill-politiċi, iktar nimxu ‘l quddiem.  Dan għax nistgħu nistimulaw lura l-ekonomija lejn l-istabilità imma nistgħu wkoll naslu għal prosperità bl-abbiltà ta’ l-invenzjoni.


*Dan l-artikolu kien deher fl-Illum fit-12 ta Lulju 2009.

15.12.13

L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern jiċċara l-fatti dwar it-traġedja ta' Lampedusa


Fid-dawl ta’ dak li ġie irrapurtat illum f’The Malta Independent on Sunday, rigward dak li seħħ fil-lejl tal-11 ta’ Ottubru li għadda ftit ‘l barra minn Lampedusa, il-Partit Nazzjonalista jappella u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiċċaraw il-fatti kif seħħew fid-data imsemmija u dan bil-għan illi ma tiġix imtappna r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-PN qed jagħmel din is-sejħa fl-interess nazzjonali u sabiex ikun żgurat li pajjiżna jibqa’ dejjem u f’kull ċirkostanza jaqdi d-dmirijet tiegħu skond il-liġi u d-dritt internazzjonali.


Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

L-Oppożizzjoni qed tkun il-katalist għal kunsens nazzjonali fuq l-iskema taċ-ċittadinanza

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tkun hi l-katalist għal kunsens nazzjonali fuq l-iskema kontroversjali taċ-ċittadinanza, u dan biex jintlaħaq ftehim biex din l-iskema ma tibqax waħda ta’ bejgħ tal-identità tagħna iżda tkun skema ta’ investiment f’pajjiżna.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista fuq Radio 101 illum il-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2014. Wara ġimgħatejn ta’ diskussjonijet weqfin dwar din il-kwistjoni, in-negozjati reġgħu tkomplew din il-ġimgħa fejn l-għan ta’ dawn id-diskussjonijiet huma li jintlaħaq ftehim dwar l-iskema mgħaġġla u mnedija b’nuqqas ta’ ħsieb mill-Gvern ta’ Muscat.

Minkejja l-kritika ta’ Muscat li l-Oppożizzjoni qed tkun negattiva, kella tkun l-Oppożizzjoni li ssejjaħ għall-dawn in-negozjati, u b’hekk bdiet ħidma biex ittaffi l-impatt negattiv ta’ din l-iskema kemm fuq sfond lokali kif ukoll f’dak internazzjonali. Tant hu hekk, spjega Simon Busuttil fl-intervista, li anke l-Ministru Laburista Edward Scicluna kellu kliem iebes għall din l-iskema f’diskors li għamel fil-Parlament Ewropew il-ġimgħa l-oħra.

B’rabta ma’ dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeplora l-mod ta’ kif il-PBS qed tinsulta l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi meta għażlet li ma tirrapurtax aħbar bħal m’hija l-istorja ta’ dak li qal Edward Scicluna fuq l-iskema taċ-ċittadinanza. Il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS qal li dawn ma kellhom l-ebda valur t’aħbar, u qed jagħżel li jiċċensura dak kollu li jista jambarazza lill-Gvern Laburista. Dwar dan il-Partit Nazzjonalista qeda dmiru u ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir, liema ilment ser jinstema nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2014.

Simon Busuttil spjega kif din l-iskema taċ-ċittadinanza ngħatat prominenza tant li l-Parlament Ewropew ser jiddiskuti dan is-suġġett b’mod speċifiku x-xahar id-dieħel, fejn diġa qed jidher li kulħadd huwa kontra din l-iskema – b’konsegwenza li r-reputazzjoni ta’ Malta kull ma jmur qed titnaqqar. Busuttil qal ukoll li jistenna li l-Prim Ministru Muscat jirritorna mis-Summit Ewropew ta’ tmiem din il-ġimgħa, liema summit ser jittratta fost l-oħrajn il-problema tal-immigrazzjoni rregolari – b’risposti ċari u miżuri konkreti biex itaffi din il-kwistjoni. Dan għaliex issa wasal żmien fejn flok kliem u theddid, il-Maltin iridu jaraw riżultati u fatti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta wkoll l-emendi li qed tipproni l-Oppożizzjoni dwar l-unjonijiet ċivili u l-addozzjoni bejn koppji tal-istess sess. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja l-unjoni ċivili, jixtieq wkoll li dwar il-pass li jmiss, jiġifieri tal-addozzjoni bejn koppji tal-istess sess, isir studju ta’ impatt soċjali, fejn b’hekk inkunu nistgħu nieħdu deċiżjoni iktar infurmata u konċiża dwar din il-kwistjoni. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ kif Joseph Muscat kien kompletament kontra addozzjoni bejn koppji tal-istes sess sa sentejn ilu, u issa biddel fhetmu u jrid idaħalla fis-seħħ bl-ikbar għaġla.

Fuq nota differenti, Simon Busuttil laqa’ t-talba tal-President George Abela li l-President li jmiss għandu jintgħażel b’kunsens wiesa. Busuttil spjega kif n-nominazzjoni tal-President Abela mnifsu kienet wirja ta’ maturità u b’hekk jistenna li l-President li jmiss ikun nominat mill-kamp Nazzjonalista.

Simon Busuttil għalaq billi rringrazzja lill-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, li ressqet suġġerimenti biex jiġgu kkunsidrati u approvati fil-Kunsill Ġenerali ta’ Jannar li ġej. Fost dawn hemm il-klawżola li l-Kapijiet u Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista jiġu magħżula mit-tesserati kollha tal-Partit, kif ukoll jingħata iżjed spazju lin-nisa, professjonisti u eks-deputati u kandidati biex jagħtu sehmom fi ħdan il-Partit. Dan juri biċ-ċar kif il-Partit Nazzjonalista irid jiftaħ il-bibien lin-nies u jerġa jsir il-Partit viċin tal-poplu Malti u Għawdxi.


Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...