16.12.13

Rigali ma jonqsux



1.            Ma kull jum toħroġ waħda ġdida.  Waħda dejjem ikbar u qawwija minn ta’ qabilha.  Dan il-Gvern li qed jagħmlilna pjaċir jgħid li huwa ġdid għadu ma waqafx iwettaq dak li m’għandux jitwettaq.  L-ispiża nazzjonali tielgħa  mingħajr kontroll.  Il-ħatriet bla sens għaddejjin biex jagħtu rigali lil tal-qalba.  Il-lista tal-konsulenzi għal dawk li m’għandhomx speċjalizzazzjoni għaddejja.  Iħallas il-prezz ta’ gvern li ma jixraqx lil dan il-pajjiż.

2.            Gvern li moħħu biex jaħrab minn dawn il-problemi m’huwiex jifhem kemm dak li ġieb fis-seħħ  diġà għamel ħafna ħsara llum.  Din il-ġimgħa kellna, l-ewwel, il-Ministru tal-Finanzi jitkellem mhux b’tant attenzjoni jew preċiżjoni u wara l-gazzetta “Financial Times” tqattagħna biċċiet, it-tnejn fuq il-liġi bla bidu jew tmiem taċ-ċittadinanza.  Qed nitilfu mit-teżor tal-kredibilità li għandna fix-xejn u l-Gvern komdu iħalli l-affarijiet għaddejjin.

3.            Mhux ser ngħid li qed niftakar f’dak l-Imperatur Ruman li beda jdoqq l-arpa waqt li l-belt kienet qed tinħaraq, biss is-sitwazzjoni sejra lura iktar milli wieħed jimmaġina.  Imma, ngħidu x’ngħidu, jidhru minflok determinati biex dak li fasslu f’moħħhom qabel l-elezzjoni jseħħ.  L-isbaħ waħda kienet din tal-aħħar, marbuta mal-proprjetà tal-poplu fl-Australia Hall.  Ma hemmx deskrizzjoni aqwa minn dik ta’ skandaluża.

4.            Kemm għamlu biċċa xogħol tajba l-Moviment Żgħażagħ tal-Partit.  Ksew il-bini b’ċoff aħmar kbir.  Dekorazzjoni li nafu lkoll nużaw fil-festi tal-Milied.  Aġir li kixef, b’sempliċità mill-aqwa u diretta li l-Gvern Laburista għadda lill-Partit Laburista rigal.  Post li huwa stmat li jiswa l-miljuni tneħħietlu kawża minn fuqu.

5.            Il-Partit Laburista kien jaf li ma kellux ċans jirbaħ din il-kawża.  Kien jaf li għandu tort u skont il-liġi l-poplu kien ser jieħu lura f’idejh dak li ġie abbandunat, traskurat u mkisser minnhom.  Post mill-isbaħ ħallewh hekk għal snin twal.  Dmir il-Gvern serju kellu jkun dak li ma jindaħalx u jħalli l-proċeduri għaddejja.  Minflok, uża l-poter b’mod mill-iktar arbitrarju.

6.            Ġej iż-żmien tal-Milied, meta verament nagħtu lil xulxin rigali ġenwini u  mill-qalb.  Biss il-Gvern, flok għadda ħwejjeġ tajba, qed jgħaddi dak li m’għandux.  Flok jamministra sewwa f’isem il-poplu qiegħed jagħmel dan għall-vantaġġ partiġġjan tiegħu.  Dak li qed isir qed jiġi  nnutat.  Il-poplu jaf.  Pajjiżi  oħra żgu li raw u fl-aħħar tal-jum huwa l-pajjiż li jrid iħallas.  Ir-rigali ma jonqsux, imma mhux il-poplu qed jeħodhom iżda ħaddieħor.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...