14.12.13

Id-direzzjoni importanti, mhux l-uċuħ.*




1.       Id-diskorsi ta’ din il-ġimgħa jixirqu riflessjoni.  Dak tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni t-Tnejn, u t-tweġiba ta’ l-Erbgħa tal-Prim Ministru fihom x’wieħed janalizza.  OvVjament, dak ta’ kap ta’ partit, l-ieħor kien l-ewwel wieħed tiegħu.  Ma kien faċli xejn għalih, iktar u iktar meta daħal daqshekk tard fil-Parlament bħala Membru.  L-intelliġenza jista’ jkollok, ħażen ukoll, però l-esperjenza ma ġġibha b’xejn jekk mhux bit-trapass taż-żmien.

2.       Għax jidher ċar li kien hemm il-ħeġġa li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jagħżel toroq ġodda, li però mhuwiex jaqbad.  Ħafna sustanza minn diskorsu, deher mill-iktar ċar f’partijiet minnhom, li kienu miktuba minn ħaddieħor.  Deher li kien diskors li jipprova jogħġob lil kull persuna ġewwa l-partit.  Bilanc, xi ħadd qalli.  Forma stramba ta’ poeżija, bejn dak li kellu l-poter, dak li hu llum u dak li jixtieq li jkun.  Nammetti, mhux faċli li jirnexxilek iġġib dan kollu f’daqqa.  Il-linja politika kienet tidher li taqleb il-ħin kollu minn linja għal fuq oħra.

3.       Però dan nifhmuh għax hemm proċess twil intern li għad iridu jgħaddu minnu sabiex jinċanaw l-iskaldi, apparti mill-arja li ċerti elementi jidhru li diġà għandhom u beħsiebhom iżommu.  Iktar ma taqra u tisma’, iktar tifhem id-diffikultajiet, li r-riedni għadhom mhux f’idejh u li mhux kulħadd qiegħed japprova din il-ħidma tal-“ġenerazzjoni rebbieħa”.

4.       Il-kuntrasti hawn huma iktar evidenti meta wieħed jikkonsidra l-Prim Ministru.  Ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li wieħed irid jagħti iktar żmien sabiex persuna ta’ età żgħira timxi l quddiem għal dak li huwa mistenni minnha.  L-esperjenza u s-sens ta’ l-Istat u t-tmexxija tiegħu dehru mill-ewwel.  Id-diskors kien ċar u dirett sabiex ikun hemm spjegazzjoni ta’ dak kollu li ngħad.  Naħseb li l-iktar messaġġ ċar kien li l-attakki personali ma jagħmlu sens ta’ xejn.  Għalkemm, ma hemmx dubju li hemm disparità li tħossha l-ħin kollu, f’ebda mument ma pprova jieħu vantaġġ, jew b’xi mod iċekken lill-avversarju.  Il-linja politika hija diretta għall-argument għax il-poplu dak li jrid.

5.       Il-wiċċ taż-żewġ mexxejja deher il-ħin kollu fuq il-mezzi tax-xandir.  Ma kienx hemm uċuh doppji, anzi kien ċar kristall li dak li kien qiegħed isir kien indikat sabiex jikkonvinċi.  Wieħed ħares iktar biex iġib il-kunsens tal-partit u l-ieħor kellu l-vantaġġ li jrid iġib dak tal-poplu.  Fl-aħħar tal-ġurnata, deher ċar li l-Gvern qiegħed fuq it-triq li jfassal il-programm elettorali tiegħu.  Din hija r-raġuni, l-iskop li aħna fil-Gvern.  Għalhekk determinati li naħdmu sabiex ħames snin oħra nagħtu lura pajjiż aħjar milli ġie f’idejna.

*Dan l-Artikolu kien deher fil-Mument fis-16 ta Novembru 2008.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...