16.12.13

Fejn spiċċa s-soċjaliżmu?*



1.         Ma hemmx bżonn ħafna trattati twal fuq kitbet Karl Marx u s-segwaċi tiegħu.  Ninsab żgur fl-aħħar ta’ l-iskaluna biex nazzarda din it-triq però llum, wara tant snin, naħseb li tajjeb li wieħed jipprova jagħmel ftit riflessjonijiet ġenerali.  Ma rridx ngħid li huwa żbaljat li wieħed jerġa’ jara mill-ġdid kitbet Marx, Engels, Lenin, Rosa Luxemburg u l-oħrajn kollha.  Dan anzi huwa tant parti mill-istorja tad-dinja li nistgħu nifhmuha aħjar jekk naqrawhom u naraw x’qalu u x’effetti ħolqu kitbiethom.  Għalhekk, għalkemm jidher mill-iktar ċar li s-soċjaliżmu m’għadux ileqq ħafna, xorta huwa parti minn ħsieb, forza li l-bniedem ivvinta sabiex jipprova jibdel.  Kemm dan irnexxielu rridu naraw u titkellem l-istorja.

2.         It-tlugħ u l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin immarkaw il-bidu u tmiem id-dominanza Sovjetika, ma hemmx dubju, però rridu naċċettaw li l-marksiżmu kien diġà spiċċa qabel.  Fil-ħidma ta’ kull ġurnata, minn forza ta’ progress fir-realtà saret waħda ta’ rigress.  Minn forza ta’ qawmien mill-ġdid saret waħda ta’ distruzzjoni.  Anzi, wara r-rivoluzzjoni, dawk li ħadu l-poter f’idejhom assiguraw li jsiru forza konservattiva.  Ma riedu jbiddlu xejn u rajna, anzi, kif il-poter tant beda tielgħa għal rashom li kienu saru theddida għad-dinja.  Kultura differenti ta’ kif tittratta l-poter ta’ l-Istat.  Waħda li għad għandha l-effetti tagħha.

3.         Is-sabiħ ta’ kollox kien li tul l-eżistenza ta’ l-Unjoni Sovjetika, l-pajjiżi l-oħra fl-Ewropa kellhom partiti soċjalisti u komunisti b’saħħithom.  Kif spiċċa kollox, spiċċaw huma wkoll.  Iddisintegraw ruħhom, kważi sparixxew f’numru ta’ Stati.  Biss dan ma fissirx li kitbet is-soċjalisti ma baqgħetx tinfluwenza lil politiċi oħra f’irkejjen oħra tad-dinja.  Dak baqa’ hemm, b’manifestazzjonijiet varji li huma stess sabu ruħhom suġġetti ta’ studji varji.

4.         Għax għalkemm ma hemmx dubju li huma l-prinċipji li l-partit iħaddan li għandhom jagħtuh direzzjoni l-ewwel, u wara jservu ta’ kalamiti għal bnedmin oħra sabiex jinġabru u jingħaqdu fih, hawn għandna iktar x’nifhmu.  Jekk il-mexxejja ta’ materjaliżmu storiku jew anti-storiku huwa parti mill-iżvilupp “naturali” ta’ soċjetà mmexxija mill-bnedmin, irridu naraw iktar ‘il quddiem.  Biss, irridu naċċettaw li s-soċjaliżmu ser jibqa’ mmarkat bl-abbiltà tiegħu li jinqasam f’biċċiet li wara jikkuntrastaw lil xulxin.  Il-varjetà ta’ soċjaliżmi u komuniżmi li d-dinja rat u għadha tara huwa verament interessanti.

5.         Ngħid dan għax apparti l-istorja politika fl-Ewropa sħiħa hawn ukoll ċirkostanzi oħra li jimmeritaw attenzjoni.  Laqatni reċentement dak li qiegħed jiġri ġewwa n-Nepal, dak il-pajjiż mgħaffeġ bejn tant kulturi.  Hawn għandna żewġ ulied il-komuniżmu jikkumbattu kontra xulxin bħala Gvern u Oppożizzjoni.  Mhux biss, imma hemm akkużi reċiproċi ta’ vjolenza fuq membri tal-partiti opposti.  F’dan l-Istat hemm partit marksista-leninista li huwa fil-gvern immexxi minn Kumar Nepal u fl-oppożizzjoni wieħed marxista mmexxi minn Prachanda.  Ftit xhur ilu kienu t-tnejn fil-gvern f’koalizzjoni, biss iġġieldu meta l-partit Maosta ried idaħħal fil-forzi armati tletin elf persuna li kienu gwerillieri.  Dak allarma l-maoisti-leninisti u spiċċa kollox.  Qed jiġġieldu ġlied kbir li l-futur biss irid jgħidilna fejn ser jaslu.

6.         Ideoloġikament fuq il-karta jidher li ma hemmx xi punti li ma jistgħux jaqblu fuqhom u l-bandieri tagħhom it-tnejn huma ħomor bil-falċi u l-martell, imma l-ġlied bejn il-bnedmin ma jistax jinġabar.  Min huwa llum il-veru soċjalist ġewwa dak il-pajjiż ftit jafu.  It-tnejn jgħidu li huma ulied veri.   Ir-realtà hija li s-soċjaliżmu spiċċa f’sempliċi ġlied għall-poter, mingħajr ebda forma ta’ prinċipji ta’ xejn.  Anzi, l-ideoloġija tidħol biss sakemm hija parti mit-tgħajjir ta’ naħa lejn l-oħra, il-bqija poter għal wiċċ il-poter.

7.         Id-dinja rat ħafna esperjenzi bħal dawn.  Il-kitbiet tas-soċjaliżmu llum sejrin lejn din id-direzzjoni inevitabbli.  Dik li fiha tispiċċa r-relevanza politika u tikber iktar dik storika.  L-istorja ta’ l-umanità ma tistax tiċħad l-eżistenza ta’ dan il-moviment politiku u anzi m’għandhiex għax hemm ħafna lezzjonijiet x’wieħed jista’ jieħu.  Dan għax serva għal ħaġa u tilef l-importanza għal oħra.  Ma hemmx dubju li llum ġie destinat li jingħalaq darba għal dejjem mill-possibilità li jibqa’ kkunsidrat bħala soluzzjoni tal-problemi li l-bniedem jiffaċċja.  Biss xorta m’għandux jiġi njorat minn min irid jaħrab l-iżbalji li saru.


 *Dan l-artikolu kien deher fl-Illum fil-21 ta Lulju 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...