3.12.13

Ma jridx jinduna.



1.            Diġà qiegħed iberraq waħda u sew.  Iktar u iktar f’ġimgħa fejn bibien is-smewwiet infetħu sew.  Biss, il-Gvern ma jridx jagħti każ.  Qiegħed idawwar  wiċċu l-bgħid minn dak li huwa għaddej.  Flok jaffrontah qiegħed jaħrab minnu.  Safar, konsulenzi, ħidma indirizzata sabiex tagħti dak li m’huwiex isir.  Il-problemi tal-poplu ma jissolvewx waħedhom jew billi jiġu injorati imma billi jipu konfrontati. 

2.            Bħalissa għaddejjin żewġ kurrenti kuntrarji li ma jwasslu lejn xejn ħlief lejn iktar beraq u sajjetti.  Il-Gven qiegħed jonfoq iktar milli jmissu fuq dak li ma jmissux.  Il-konsulenzi mingħajr skop, bidu jew tmiem għaddejjin mingħajr ebda forma ta’ regola ta’ xejn.  La linji ta’ speċjalizzazzjoni, anqas xi forma ta’ kriterju ta’ ħlas.  Kollox miftuħ għall-proċess ta’ konfużjoni.  Ħaġa waħda hemm ċara: li flus il-poplu qed jitberbqu mingħajr ebda forma ta’ kontroll.

3.            Fl-aħħa ta’ kull erba’ ġimgħat, il-kont tal-pajjiż fir-rikorrent żdied konsiderevolment.  Fil-bidu jista’ jkun li ma jidhrux dawn l-ispejjeż fil-baħar, però maż-żmien ser jakkumulaw għad-dannu tagħna lkoll.  Mhux biss imma l-Gvern, li b’dan qiegħed  jipperikola l-istabbiltà tagħna, is-sistema soċjali tagħna, qiegħed jaħrab mill-fatt li ċ-ċifri tal-qagħad telgħin.  Ma’ kull xahar għandek fuq naħa ħruġ ikbar u fuq in-naħa l-oħra għandek ċavetta vitali tal-ekonomija sejra lura. 

4.            Meta jibda jkollok iktar bnedmin jirreġistraw tkun qiegħed tiftaħ bieb għal inkwiet futur.  Illum il-ġurntata nafu Ii meta l-ekonomija timxi, l-istat soċjali jibqa’ għaddej tajjeb skont kemm ikollu persuni jaħdmu u kemm iżomm mill-inqas l-indiċi tan-nies bla xogħol.  Gvern Nazzjonalista kien fehem tajjeb dan il-mekkaniżmu vitali u assiguah, minkejja kull difett ieħo li kellu u li ħallas sew għalih: dak li jżomm ix-xogħol bħala prijorità.  Dan il-Gvern Laburista minflok, f’dan il-perjodu m’huwiex fuq l-istess linja. 

5.            Minflok, moħħu biex jidħol għal ħwejjeġ oħra li m’humhiex prijoritajiet nazzjonali, imma sempliċement prijoritajiet personali.  Prijoritajiet li ġejjin minn dak li l-Gvern kontinwament jiddikjara.  Flok qed niddibattu l-ekonomija, flok qed nieħdu miżuri ta’ bidla u korrezzjoni, qed naħirbu fuq liġijiet oħra.  Diġà għandna diskors tal-budget li minnu ma nistgħux nieħdu tarf tal-linja li qed jieħu biss li jkollna liġijiet immirati biss biex iqassmu lil dak u lill-ieħor huwa viċin it-traġedji.

6.            Diġà kellna liġi qabel is-sajf immirata sabiex numru ta’ membri parlamentari min-naħa tal-Gvern immirati sabiex jappuntaw lil dak u lill-ieħor f’pożizzjonijiet fejn ikunu jistgħu jdaħħlu ferm iktar.  Wara morna għan-nomina ta’ ambaxxaturi bla esperjenza jew kompetenza.  Wara morna għall-iżball tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.  Issa bdejna dik tal-ordnijiet tal-mertu.  Gvern li jqiegħed dan bħala l-ordni tal-ġurnata huwa wieħed li għadu ma sabx id-direzzjoni.  Wieħed li għadu ma fehemx kemm huwa diffiċli biex tmexxi dan il-pajjiż.  Wieħed li jekk jibqa’ sejjer hekk ser ikun qabad ir-roadmap tal-preċipizzju.

7.            Il-Gvern ma jridx jinduna li diġà żera’ ż-żerriegħa ta’ inkwiet futur.  Jekk ser ikompli jaħrab mill-problemi ser ikollna iktar nuqqasijiet milli diġà għandna.  Ix-xogħol, l-ekonomija u l-istat soċjali huma katina.  Waħda li ma tgħaddix mingħajr l-oħra.  Iktar ma jiddritta malajrr, tant aħjar għall-pajjiż.  Iktar ma jdum, iktar ser jeħduna lura.  Il-maġġoranza hija qawwija f’idejh.  Dmirna jibqa’ li niġbdulu l-attenzjoni, forsi fl-aħħar jinduna.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...