Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
15.12.13
Muscat jammetti żball wara l-ieħor u jaħbi r-rigal li rċieva l-Partit Laburista
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li fid-diskors tiegħu dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat ingħaqad mall-Ministru tal-Finanzi tiegħu Edward Scicluna meta ammetta pubblikament li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza hija żball.
Waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Laburista u li xxandret dalgħodu, il-Prim Ministru ammetta wkoll li bl-għaġla li kellu biex ibigħ iċ-ċittadinanza Maltija, la sema’ mill-Oppożizzjoni, la sema’ mill-istakeholders, u wisq anqas sema’ mill-poplu Malti u Għawdxi. Quddiem dan kollu il-Prim Ministru xorta waħda għadu qiegħed iwebbes rasu fil-pjan tiegħu biex ibigħ iċ-ċittadinanza.
L-intervista ta’ dalgħodu kienet ikkaraterrizata minn ammissjonijiet ta’ żbalji li qed isiru mill-Gvern Laburista. Fost oħrajn rigward is-settur tas-saħħa, Joseph Muscat ammetta li r-roadmap li kellu qabel id-9 ta’ Marzu ma ħalliet ebda riżultati, għaliex hu stess għadu jirċievi sensiela ta’ emails, ittri u telefonati b’garr mill-pazjenti minħabba s-sitwazzjoni diżastruża li jinsab fiha l-Isptar Mater Dei. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li sad-9 ta’ Marzu, Joseph Muscat kien jgħid b’mod kontinwu li għandu roadmap dwar is-settur tas-saħħa li se tiġi implimentata sa mill-ewwel ġurnata li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh.
Minkejja li għaddew disa’ xhur mill-elezzjoni ġenerali, il-Gvern ta’ Muscat injora għall-kollox l-isfidi li għandu quddiemu f’dan is-settur għad-detriment tal-pazjenti u l-qraba tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-Prim Ministru huwa kuntent li t-Task Force li twaqqfet mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni rregolari ppreżentat rapport bi 38 punt. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-poplu Malti u Għawdxi mhux 38 punt irid iżda deċiżjonijiet favur li l-piż tal-immigrazzjoni rregolari jinqasam bejn kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Dan hu dak li wiegħed l-istess Joseph Muscat qabel l-aħħar Summit tal-Unjoni Ewropea f’Ottubru li għadda. Il-Partit Nazzjonalista jistenna li matul il-laqgħat importanti tal-Unjoni Ewropea li ser isiru l-ġimgħa d-dieħla Joseph Muscat iġib r-riżultati tant meħtieġa għal pajjiżna fir-rigward tal-immigrazzjoni rregolari.
Waqt li Joseph Muscat tkellem dwar il-każ li qed jiġi investigat b’rabta max-xiri taż-żejt f’pajjiżna, l-istess Joseph Muscat għażel li jaħbi l-fatt li xehed dwaru Geroge Farrugia u ċjoè li l-Partit Laburista rċieva karozza bħala rigal mingħand in-negozju tal-familja Farrugia. Dan ir-rigal moħbi jiżdied ma’ rigal ieħor ta’ aktar minn €10 miljun Ewro li l-Partit Laburista rċieva mingħand il-Gvern Labursita b’rabta mal-proprjetà ta’ valur storiku, l-Australia Hall f’Pembroke.
--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IMTIEĦEN - RAPPORTI
29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment