1. Dħalna
issa fit-tmien xahar ta’ dan il-Gvern, ta’ din l-amministrazzjoni mmexxija
mill-Partit Laburista. Fihom,
sfortunatament, rajna nuqqas ta’ preparazzjoni, ebda forma ta’ esperjenza u
linji politiċi żbaljati. Ma’ kull ġurnata
qed jonqsu dawk il-ministeru li qed jiġu mmexxija kif il-poplu jippretendi li
għandhom. Fi ftit xhur verament rajna
l-pożizzjonijiet varji li konna lħaqna joħorġu minn idejhom.
2. L-Oppożizzjoni,
li qed tara dan isir quddiemha, għandha triq waħda. Dik li ssemma’ leħinha kif u skont
iċ-ċirkostanti li tħoss li għandha.
Għalkemm niġu kkonfrontati minn żewġ vuċijiet, dawk li jriduna nkunu
aktar qawwija u dawk li l-kontra jriduna ngħidu inqas, dmirna xorta għandna
nwettquh. Xorta rridu ngħidu li l-affarijiet
m’humiex isiru kif għandhom. M’humiex
isiru sewwa.
3. Ir-risposti
tal-Gvern lejna huma varji. Daqqa
jgħidulna li għandna nistennew għax il-pjan għadu ġej. Daqqa jippruvaw iċekknuna billi jgħidu li qed
nattakkaw ġieħ il-pajjiż. Biss, l-iktar li
qed jagħmlu huwa li jibgħatulna l-messaġġ li ma nistgħux nitkellmu jew
nikkritikawhom. Fuq dan l-aħħar punt
tisma’ diversi drabi membri tal-Partit Laburista jgħidulna li billi l-poplu
biddel il-gvern u billi ta maġġoranza kbira lilhom, allura tlifna kull dritt li
nagħmlu dmirna bħala Oppożizzjoni.
4. Iddur
fejn iddur tara li, meta jiġu f’pożizzjoni fejn ma jistgħux iwieġbu, jduru
fuqna u jgħidulna li ma nistgħux nitkellmu.
Il-verità hija li, f’diversi mumenti, dan il-Gvern qiegħed jinduna li
l-pożizzjonijiet li konna ħadna u li tant kien ikkritika kienu fil-fatt
tajbin. Id-diffikultà prinċipali
tal-amministrazzjoni preżenti hija dik li taċċetta li dak li kien qiegħed isir
qabel f’ħafna setturi kien, fir-realtà politika, li jagħmel il-ġid lil
pajjiżna. Biss, kif nafu, ma ħadux ħsieb
jaraw li l-ilma li jridu jixorbu minnu llum iżommuh pur.
5. Is-settur
tal-finanzi beda juri lilun nifsu b’saħħa f’din id-direzzjoni. Id-dokumenti pubblikati f’dawn il-jiem juru
proprju: l-ewwel, li dak li konna qed nagħmlu kien tajjeb; it-tieni,
d-deċiżjonijiet li ħadu f’dawn ix-xhur ġiebhom fil-bżonn li jammettu li s-sena
li ġejja ser iżidu t-taxxi f’pajjiżna b’ħamsin miljun. L-istess f’dak tal-immigrazzjoni irregolari. Tant kollox ħiereġ minn idejhom
bid-deċiżjonijiet żbaljati li ħadu li m’għandhomx direzzjoni ċara fejn sejrin.
6. Fiż-żewġ
setturi importanti għal pajjiżna tilfu ħafna mill-vantaġġi li konna
stabbilejna. Tilfu, għax flok raw
x’konna għamilna, qabdu u mxew f’toroq li ser iwassluhom fi sqaqien li kull ma jistgħu
jagħmlu huwa li jmorru lura minn fejn bdew.
Dmirna jibqa’ xorta dak li nitkellmu u nikkritikaw kostruttivament. Jekk il-Gvern iridx jisma’ jew le, dik hija
ħaġa oħra. Jekk kliemna qiegħed idejqu,
allura jrid jara x’ser jagħmel.
7. Żgur
mhux forsi, però, ma jistax jibqa’ jgħidilna li għax għandu maġġoranza daqshekk
kbira, allura ma nistgħux nitkellmu.
Id-demokrazija b’saħħitha li għaddejnilhom ser nibqgħu nagħmlu ħilitna
biex inżommuha. Nassiguraw li minkejja
l-messaġġi negattivi tagħhom fil-konfront tagħna, aħna nibqgħu xorta waħda
pożittivi u diretti. Dak hu li jrid
il-poplu minna, u dak hu li aħna sejrin inkomplu nagħmlu.
No comments:
Post a Comment