1. Il-bnedmin
fil-politika ħafna drabi jaħsbu li kull darba li jitkellmu, kull mument li
jidhru, l-pajjiż jieqaf jaħseb u jixtarr dak li jkunu qalu. Fortunatament, ir-realtà hija kompletament
il-kontra. Anzi, iktar ma jgħaddu
s-snin, iktar bnedmin qed inaqqsu milli jħarsu lejn il-politika bħala xi forma
ta’ prijorità assoluta. Qegħda hemm,
hija importanti, imma għandha postha u ma taqbiżx dik tal-familja, ix-xogħol u
r-reliġjon.
2. Dawn huma
jiem meta d-dinja terġa’ tagħraf lilha nfisha għal dak li sewwasew hi u mhux
dak li ħoloq minnha l-bniedem. Dak li
huwa permanenti, dak li ma jintilifx, dak li fis-sewwa jeħodna lejn eternità
jikkuntrasta ma’ dak li huwa temporanju, jitkisser malajr u m’għandux
fit-tul. Bil-bniedem jibqa’ jfittex
f’qalbu x’inhuwa verament importanti u x’ħaqqu li qiegħed jaħdem u jiġġieled
għalih dawn il-jiem għandhom diversi risposti għalih.
3. Għal dawk
li jippruvaw jieqfu mir-rutina ta’ kull ġurnata. Joħorġu aktar mis-soltu. Jiltaqgħu mill-ġdid ma’ dawk li jridulhom
il-ġid, tal-familja, il-ħbieb li ma jintesewx.
Għal diversi oħra li jsibu l-ħin jaħsbu fir-rabta tagħhom ma’ Min
ħalaqhom. Hemm l-okkażjoni ta’ tiġdid. Ta’ bidla interna f’viżjoni tal-ħajja. Lura b’iktar saħħa lejn il-verità. Lura għas-servizz tal-forza tas-sewwa.
4. F’dinja
li tidher minn barra li qegħda titlef ruħha, għadni nara li dan m’huwiex
minnu. F’dawn is-snin għas-servizz
tal-bniedem nibqa’ mmiss b’idejja li aħna għandna soċjetà li moħħha ċar. Nafu x’inhuwa tajjeb u dak li m’huwiex. X’inhuwa ġust minn dak li m’huwiex. Hemm żerriegħa tal-mustarda li tnibbet il-ħin
kollu. Hemm proċess li ma jridx jieqaf. Irid biss jiġġedded. Dawn huma l-jiem l-iktar fertili, dawk li
jħabbtulna fuq qalbna lejn id-direzzjoni t-tajba.
5. Kull min
jersaq lejn is-soċjetà u jitkellem bil-kontra tal-valuri li ilna nħaddnu jibda
jagħraf li l-vuċi tiegħu hija temporanja, iktar min-natura tagħna stess. F’dawn il-gżejjer għad hawn il-kuxjenzi ta’
ħafna f’posthom. Hawn min tkaxkar
b’eżempji ħżiena imma jifhem u jrid il-ħin kollu jerġa’ lura. Ifittex il-boxxla interna u vera tal-ħajja li
Sidna Ġesù Kristu ġieb miegħu għalina.
6. Tbaskatt
f’din it-triq tal-ħajja, biss dan ma jfissirx li ma nibqax nagħraf dak li huwa
minnu minn dak li m’huwiex. Kull persuna
jgħaddi u jara iktar ta’ madwaru jgħaddu, imma dak li huwa sewwa jibqa’ hekk u
ebda messaġġ ma jċajpru jew jibdlu. Hemm
ser jibqa’: ċar, permanenti, għad-dispożizzjoni tagħna lkoll. F’din il-ġimgħa dediktata lit-Twelid
tas-Salvatur tagħna, mill-qalb nawgura l-Milied it-Tajjeb lilek, Sur Editur,
lill-ħaddiema tiegħek kif ukoll lil dawk li jibqgħu jixtru, jiflu din
il-gazzetta u dawk li baqgħu madwarna jsostnuna mill-qalb.
No comments:
Post a Comment