Stqarrija
maħruġa mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici
Il-Partit
Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, li qed
tmur għall-agħar jum wara l-ieħor. Fil-ġimgħa li għaddiet, reġa’ żdied
it-tensjoni wara li l-Gvern tal-Ukrajna introduċa liġi ġdida li tipprova
tillimita d-dritt leġittimu tal-pubbliku li jipprotesta. Ilbieraħ, il-mezzi
tax-xandir internazzjonali rrappurtaw li minn tal-inqas erba’ persuni nqatlu
fil-protesti, filwaqt li mijiet ta’ persuni oħra sfaw midruba.
Il-Partit
Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha l-vjolenza u miżuri oħra
anti-demokratiċi li qed jirrikorri għalihom il-Gvern tal-Ukrajna kontra l-poplu
tiegħu stess. Il-poplu tal-Ukrajna, bħal kull poplu ieħor fi stat demokratiku,
għandu jingħata l-libertà kollha li jesprimi lilu nnifsu fejn ma jaqbilx
mal-Gvern tiegħu.
Filwaqt li
jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, il-Partit Nazzjonalista
jappella lill-Gvern tal-Ukrajna biex iwarrab il-miżuri ripressivi li qed juża u
jdur għad-djalogu sinċier mal-partiti tal-Oppożizzjoni u mal-poplu tal-Ukrajna
kollu kemm hu, biex isib triq ’il quddiem.
--
Uffiċċju
Informazzjoni
Partit
Nazzjonalista
No comments:
Post a Comment