Il-Partit
Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proċess li bih miexi l-iżvilupp
tal-power station tal-gass. Il-fatt li l-Gvern Laburista ma ppreżenta
ebda studji ta’ vijabilità dwar l-għażla li għamel għall-ġenerazzjoni żejda
tal-elettriku f’pajjiżna, l-għaġla li bih miexi mingħajr ma jsiru l-istudji
neċessarji, kif ukoll il-faqar ta’ studji ambjentali b’mod partikolari fejn
jidħlu r-riskji, qed joħolqu tħassib serju fuq il-kompetenza tal-awtoritajiet
Maltin f’dan is-settur tant importanti. Minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni li
teżisti u minkejja r-riskji kbar li dan il-proġett ħa joħloq għar-residenti u
l-faċilitajiet strategiċi kollha madwar il-bajja ta’ Marsaxlokk, liema riskji
għadhom lanqas biss ġew indirizzati, il-Gvern Laburista diġà għandu qbil ma’
konsorzju biex jibni din il-faċilità u joperaha għal 18-il sena sħaħ.
Il-Partit
Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern sabiex jieqaf juża l-partiġjaniżmu politiku
fejn tidħol is-saħħa tan-nies u jikkonsidra b’serjetà dak li kellu xi jgħid
l-espert Olandiż b’aktar minn 40 sena esperjenza fis-settur, il-Prof Hans
Pasman, dwar il-Qualitative Risk Assessment li sar mill-Gvern bħala
parti mill-Environmental Impact Assessment (EIA). Il-Prof Pasman u
esperti tekniċi oħra bħall-Inġ Arthur Ciantar, li qegħdin jitkellmu f’isem
il-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, tkellmu b’mod ċar li r-rapport
dwar ir-riskji mhuwiex eżawrenti u li jeħtieġ li jkun hemm studji aktar
dettaljati sabiex wieħed ikun f’pożizzjoni aħjar li jiddeċiedi jekk għandux
jinħareġ il-permess meħtieġ jew le.
Il-Prof
Pasman qal ċar u tond li wieħed irid joqgħod attent ħafna kemm jagħmel ħażna
ta’ LNG ġewwa port ristrett bħalma hu dak ta’ Marsaxlokk. Hu qal li mhuwiex
ideali li jkollok ħażna ta’ 140,000 metru kubu ta’ gass ħdejn l-akbar power
station f’pajjiżna. Wieħed ma jridx jinsa li qabel l-elezzjoni, Joseph
Muscat kien stqarr li l-ħażna tal-gass kellha tkun ta’ 60,000 metru kubu.
Il-Partit Laburista kien stqarr li l-Partit Nazzjonalista kien żbaljat meta qal
li din il-figura ma kinitx realistika. Issa jidher ċar min kien qed iqarraq
qabel l-elezzjoni!
Il-Prof
Pasman qal ukoll li l-aħjar għażla biex jitħaddem power station bil-gass
hi dik li jinbena pipeline bejn Malta u Sqallija, li jiżgura livell ta’
riskju ferm aktar baxx, jew ħażna fuq vapur ’il barra mill-port. Hans Pasman
stqarr li hu prużuntuż li wieħed jassumi li bis-sistema ta’ ħażna kif proposta
mill-Gvern mhux se jkun hemm effetti fuq l-inħawi abitati, kif qed jingħad
fir-rapport li ħejja l-Gvern. Dan qalu fid-dawl tal-fatt li ma sarx risk
assessment marittimu u li t-trasferiment tal-gass minn fuq il-vapur
tal-ħażna tal-gass għal ġor-regasification unit fil-power station
mhix soluzzjoni komuni għall-ħażna.
Il-Partit
Nazzjonalista jtenni li f’pajjiżna jeżisti kunsens dwar id-direzzjoni politika
li jibda jiġi ġġenerat l-elettriku bil-gass, u li pajjiżna għandu jaħdem biex
jiżviluppa l-aktar soluzzjonijiet cost effective biex ikollna l-orħos
prezzijiet possibbli għall-ġenerazzjoni tad-dawl u l-ilma. Fl-istess waqt,
irridu niżguraw li dan isir b’mod li ma jpoġġix perikli bla bżonn fuq
il-komunitajiet li jgħixu viċin il-power stations u fuq l-ekonomija
tagħna. Il-fatt li l-power station tal-gass u l-faċilitajiet għall-ħażna
tal-gass kif proposti mhumiex kumplimentari biswit xulxin jista’ jipperikola
l-ġenerazzjoni tal-elettriku u jagħmel ħsara irreparabbli lil pajjiżna.
Għaldaqstant
il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex imur għall-għażla ppreferuta
minn 91% tan-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, li meta ġew mistoqsijin, stqarru
li jemmnu li l-gass għandu jiġi maħżun barra mill-port. B’din id-deċiżjoni biss
jista’ jiġi żgurat is-serħan il-moħħ u s-sigurtà tar-residenti tan-naħa t’isfel
ta’ Malta, kif ukoll is-sigurtà tal-provvista għall-pajjiż kollha kemm hu.
--
Uffiċċju
Informazzjoni
Partit
Nazzjonalista
No comments:
Post a Comment