Il-Partit
Nazzjonalista jinnota b'diżappunt id-deċiżjoni tal-Gvern li l-Iskola Nazzjonali
tal-Isport ġiet trasferita mill-Kumpless tal-Isport tal-Kulleġġ San Benedittu
f’Ħal Kirkop għal skola oħra li mhijiex attrezzata bl-istess mod f’Pembroke.
L-Iskola
Nazzjonali tal-Isport, li ġiet inawgurata f'Settembru 2012, għandha l-iskop
ewlieni li tagħti taħriġ speċjalizzat lil studenti li għandhom talent speċjali
fl-isport. Dawn l-istess studenti qegħdin jingħataw l-aqwa opportunità biex
jirnexxu kemm fl-istudju akkademiku tagħhom kif ukoll fl-isport. Dan isir
billi l-ħinijiet tal-lezzjonijiet, li jinkludu kemm suġġetti akkademiċi u
oħrajn dedikati għall-isport, huma flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw
it-taħriġ sportiv li jkun qed isir ukoll waqt il-ħin tal-iskola f’qafas ta’
ċentru ta’ eċċellenza għall-attività sportiva. It-taħriġ sportiv jiġi
kkoordinat mill-assoċjazzjonijiet sportivi u l-kowċis tagħhom, biex l-atleti
żgħażagħ ikollhom pjan wieħed ta’ taħriġ b’oġġettivi komuni, kemm waqt il-ħin tal-iskola
kif ukoll wara.
Biex
pajjiżna jkun jista’ joffri l-opportunitajiet ta’ taħriġ speċjalizzat lil tfal
u żgħażagħ li għandhom talent fl-isport, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern
investa f’kumpless ġdid b’faċilitajiet state-of-the-art u attrezzati għall-ħtiġijiet
speċifiċi tal-istudenti. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem li l-Gvern
issa beħsiebu jagħti aktar awtonomija lill-Iskola Nazzjonali tal-Isport, xorta
jibqa’ l-fatt li l-iskola issa se timxi mill-post oriġinali u ideali tagħha,
deċiżjoni li żgur mhix se tgħin biex l-istudenti jkomplu mexjin fl-istudju
tagħhom fl-istess kumdità li kellhom fejn setgħu faċilment jipprattikaw
id-dixxiplini sportivi tagħhom, inkluż il-basketball, il-futbol,
il-ġinnastika, il-karate u r-rugby fost dixxiplini oħrajn.
Il-Partit
Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex jirrikonsidra d-deċiżjoni mgħaġġla
tiegħu li jmexxi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport mill-post li hu attrezzat
speċifikament għaliha. Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-Gvern biex
jagħmel konsultazzjoni sinċiera mal-partijiet kollha involuti u jittama li din
id-deċiżjoni mgħaġġla u nieqsa minn viżjoni ma tagħmilx ħsara lil dawk
l-istudenti kollha effettwati fil-mixja tagħhom biex itejbu l-kwalitajiet
tagħhom fil-qasam akkademiku u dak sportiv.
--
Uffiċċju
Informazzjoni
Partit
Nazzjonalista
No comments:
Post a Comment