Il-Partit
Nazzjonalista jagħmel referenza għad-deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju tal-Prim
Ministru li juża l-ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta biex iwassal
lill-Membru Parlamentari Justyne Caruana mill-helipad tal-Isptar
Ġenerali ta’ Għawdex, li jinsab ftit minuti mixi biss mid-dar privata tagħha,
sal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex taqbad titjira għal konferenza
tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.
Dan il-każ
mhu xejn għajr każ ieħor ta’ abbuż ta’ poter sfaċċat li sfortunatament qed
isiru l-ordni tal-ġurnata taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Fi
ftit xhur, il-forzi tal-ordni ta’ pajjiżna ġew trasformati f’għodda li jservu
l-interess partiġġjan tal-partit fil-Gvern u mhux lill-Istat. Dan ġara fil-każ
tal-Pulizija li ntalbu jservu ta’ waiters mill-Ministru Manuel Mallia,
fil-każ tas-suldati tal-FAM li ntalbu jnaddfu l-għelieqi ħdejn il-heliport
ta’ Għawdex mill-Ministru Anton Refalo, kif ukoll fil-każ tal-Kummissarju
tal-Pulizija li involva ruħu direttament biex jiddefendi l-interessi
partiġġjani tal-Gvern fi kwistjonijiet bħall-każijiet ta’ John Dalli, Norman
Vella u Daryll Luke Borg.
Kull darba
li tfeġġ storja dwar abbuż ta’ poter il-Prim Ministru u l-kelliem tiegħu jippruvaw
jgħaddu lin-nies biż-żmien billi jgħawġu l-fatti, kif fil-fatt ġara fl-iktar
każ riċenti tal-Membru Parlamentari Justyne Caruana u kif inkixef darba
darbtejn mill-ġurnali lokali. Hu inkredibbli kif il-Prim Ministru qed jipprova
jiġġustifika l-imġiba ta’ Membru Parlamentari billi jpoġġiha fuq l-istess
livell ta’ Prim Ministru. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq
mozzjoni sabiex il-Parlament Malti jkollu Kummissarju u Kumitat dwar
l-Istandards, l-Etika u l-Imġiba Xierqa fil-Ħajja Pubblika.
Il-Partit
Nazzjonalista jappella mill-ġdid biex il-forzi tal-ordni ta’ pajjiżna jiġu
rispettati u jintużaw għas-servizz tal-Istat u mhux għall-interessi partiġġjani
tal-Partit Laburista fil-Gvern.
--
Uffiċċju
Informazzjoni
Partit
Nazzjonalista
No comments:
Post a Comment