1. Is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta’
pajjiżna nafu li ma hiex mill-aqwa.
Diversi li jqidu dak li qed iseħħ jafu li f’dawn l-aħħar xhur il-Gvern
qabad diversi toroq Ii huma għal kollox żbaljati. Nafu lkoll li l-pajjiż m’huwiex wisq
interessat fil-politika u moħħu iktar biex jaqla’ u jgħix il-ħajja tiegħu. Imma jrid jingħad dak li għandu. Aħna fl-Oppożizzjoni qegħdin u bil-vuċi li
għandna rridu nibqgħu nużawha biex is-sens komun jirbaħ fuq ir-ras iebsa u
s-suppervja esaġerata li rajna jimmaturaw b’veloċità mill-amministrazzjoni
preżenti.
2. Wasalna b’dak li għandna
għad-dispożizzjoni tagħna u bil-kumplikazzjonijiet li writna biex infehmu li
l-affarijiet m’humiex kif għandhom ikunu.
Tant li l-istess Prim Ministru, fil-Ħadd li għadda, ħass il-bżonn li
jikteb artikolu f’ġurnal lokali jgħidilna l-kontra. Artikolu li fuq naħa jrid jibgħat messaġġ kemm kollox sejjer
tajjeb, u fuq l-oħra moħħu biex joskura lill-Oppożizzjoni. Ikerraħha għax qed iddejqu waqt li qed
twettaq dmirha. Fil-fatt, iktar ma
taqrah iktar tifhem li hemm min diġà qed iħossu dahru mal-ħajt.
3. Jekk il-Gvern ma fehemx kemm il-liġi
tiegħu fuq iċ-ċittadinanza, proprju dik li webbes rasu fuqha u ġieb fis-seħħ
għamlet ħsara, allura l-problema hija ikbar.
M’huwiex biżżejjed li jipprova jixħet it-tort fuqna. Il-proposta hu għamilha. Hu webbes rasu fuqha. Għamel ħiltu kollha biex jidher aqwa billi
jeskludi l-proposti tal-Oppożizzjoni u jipprova jidħaq bil-pajjiż li s-soċjetà
ċivili hija miegħu. Ħadd ma daħak bih
innifsu kif qed jagħmel il-Gvern.
Il-fatti hemm jibqgħu u ma kienx hawn xi għajta kemm l-iskema tal-bejgħ
inbidlet. Għadna minflok, sal-ġurnata
tal-lum, naraw u nirċievu artikoli ta’ diversi fuq kemm hija żbaljata din
il-liġi.
4. Il-Prim Ministru jrid jifhem li jista’
jipprova jwaħħal fina fuq diversi affarijiet, imma ma jistax jaħrab mill-fatt
li issa huwa qiegħed hemm, ilu x-xhur u dawk il-miżuri huwa wettaqhom u mhux
wirithom. L-agħar sitwazzjoni li jista’
jkollna hija dik ta’ tmexxija li taħrab mill-verità. Waħda li mhix kapaċi
terfa’ r-responsabbiltà li għandha ġġibna agħar. Tul is-snin li ġejjin ser naraw iktar passi
fid-direzzjonijiet żbaljati jekk kemm-il darba ma jkunx hemm bidla
fid-direzzjoni politika tiegħu. Qed diġà
naraw quddiemna kemm it-trasparenza, l-imparzjalità u l-meritokrazija ħadu
lkoll daqqa ta’ ħarta l-isfel. Biss dan
hu ma jridx jikkonfrontah, anzi qed ikompli jaħirbu bil-ħsieb li l-poplu ser
jinsa meta jaslu l-aħħar tal-ħames snin.
5. Il-Partit
Nazzjonalista jaf li għandu triq twila quddiemu biex jorganizza ruħu u jerġa’
jkun vuċi rilevanti wara l-aħħar riżultat elettorali. Għandu ħafna x’jitgħallem. Kif u x’inhuwa sehmu fl-oppożizzzjoni. Biss, tul dawn ix-xhur irnexxielu diġà jagħti
prova li t-tmexxija preżenti għamlet qabżiet kbar. Il-politika tal-partit qatt ma kienet waħda
marbuta mal-assikurazzjoni tal-passat.
Anqas ma kienet waħda li trid tippreserva u ma tiċċaqlaqx. Kienet dejjem waħda progressiva, attenta u
avvanzata. Ma’ kull leġislatura
irnexxielha tibdel ta’ taħt fuq is-soċjetà.
6. Irnexxielna
nkunu l-partit li ssoda sija l-ġustizzja, kif ukoll il-libertà f’demokrazija
Ewropeja. Altru kif konna u altru kif
aħna. Imxejna b’kawtela, drabi verament
żejda. Biss bl-għaqal biddilna bl-inqas
skossi sabiex żammejna l-pedamenti tas-soċjetà f’posthom. Irridu f’dan il-mument induru ma’ dak kollu
li wettaqna. Nifhmuh aħjar u nerġgħu
nħarsu ‘l quddiem lejn dak li ħafna minna xtaqu jwettqu iżda ma
rnexxielhomx. Tul din is-sena ser
ikollna l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, biss dan m’huwiex sejjer
iżommna milli nassiguraw li nibnu ideat u proposti biex inressquhom quddiem
il-poplu. F’dan il-kuntrast huwa
evidenti li l-Gvern, fis-suppervja tiegħu, qabel direzzjoni żbaljata mentri
l-Oppożizzjoni qegħda tibni fuq is-sens komun lejn it-triq it-tajba.
No comments:
Post a Comment