21.7.14

Il-kriżi finanzjarja tkompli



1.         Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex qegħdin nifhmu biżżejjed.  Dak li għaddejja minnu l-Greċja sab ruħu fuq il-faċċati ta’ quddiem tal-gazzetti Ewropej u internazzjonali, barra ta’ pajjiżna.  Wieħed jifhem dan għax mhux normali li pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu s-sistema monetarja tal-ewro, jsib ruħu f’din it-triq.  Il-problemi li dan il-poplu qiegħed jara mhumiex biss tiegħu imma, f’ħafna sens, huma tagħna wkoll.  Dak li l-Griegi għandhom, il-mod ta’ kif ser isolvu l-kriżi hija parti mis-sistema finanzjarja u ekonomika li minnha tagħna tiddependi wkoll.

2.         F’din id-dinja li wieħed jaċċetta li verament ikkumplikat ruħha, t-truf mhux faċli ssibhom sabiex tħoll l-egħqiedi.  Parti ġġib oħra, kawża u effett jidħlu f’xulxin u ħaġa tiġbed u ġġib lill-oħra mingħajr ma wieħed ikun qed jinduna lejn fejn qed jonfoħ ir-riħ.  Tul dawn is-sentejn li għaddew, il-Gvern żamm prijorità importanti u determinanti – dik li hija marbuta max-xogħol.  Il-linja ta’ difiża u kontrattakk għall-kriżi ntrabtet esklussivamnt mal-bżonn li jiġu protetti l-postijiet tax-xogħol.  Fil-fatt, għal dawn l-aħħar xhur irnexxielna nżommu u nirreżistu għall-mewġ iebes, proprju minħabba l-għaqal ta’ ħidmitna.

3.         Il-bieraħ iċċelebrajna Jum il-Ħaddiem, fil-jum ta’ l-1 ta’ Mejju.  Nistgħu nkomplu nagħmlu dan proprju għax dan il-Gvern għażel bħala prijorità li jżomm lil kemm jista’ jkun ħaddiema jaqilgħu l-għixien tagħhom.  Il-bidliet li dħalna għalihom minħabba fid-diffikultajiet finanzjarji huma kollha passi fid-direzzjoni t-tajba, li nipproteġu x-xogħol.  Il-kundizzjonijiet ta’ fuq il-post tal-ħidma llum huma, fil-maġġoranza tagħhom, tajbin.  Il-ħaddiem mhuwiex kalpestat u lanqas iddisprezzat, għadu ġabra ta’ drittijiet li akkumulaw f’dawn is-snin, issa iktar u iktar li dħalna nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea, fejn hemm livelli ogħla.

4.         Il-garanziji li żviluppaw jagħmlu sens għall-ħaddiem, sija jekk ikunx raġel jew mara, għax għandu x-xogħol.  Mingħajr dan l-impenn ta’ kuljum, mingħajr l-opportunità li jagħti s-sehem tiegħu sabiex fuq naħa jikkontribwixxi għall-ġid tal-komunità u fuq in-naħa l-oħra jiżviluppa t-talenti tiegħu bħala bniedem, id-dinja tkun verament differenti.  F’dan il-pajjiż, anke jekk niġu akkużati b’neo-liberaliżmu, jew neo-kapitaliżmu fil-fatt bqajna nies marbuta mal-valuri tal-bniedem, tal-ħajja, dawk insara.  Proprju għax għamilna hekk li rnexxielna nieħdu passi tajba li flok bagħtuna lura mexxewna ʹl quddiem.  U proprju għalhekk li ma żrajniex żerriegħa ħażina imma tajba.

5.         Il-prinċipji etiċi li mexxewna fil-linja politika tagħna żammewna għaddejjin sabiex għażilna t-toroq li, permezz tagħhom, tajna riżultat.  L-għażla li Gvern jieħu meta jiġi sabiex jikkontrasta għawġ, jekk ma jkollux l-ankri tiegħu tajba, jkaxkar il-bastiment.  Ftit ilu ġejna kkritikati fuq il-fatt li aħna tkellimna politikament li l-pajjiż għandu tmexxija tajba, par idejn sodi.  Kien hemm min ħallat l-imħuħ bejn min qiegħed imexxi b’idejn fit-tmun tal-bastiment u l-maltemp innifsu.  Ħadd ma jista’ jikkontrolla l-eventi, dawk jiġu fuqek f’daqqa, imma huwa biss wara li trid turi l-abbiltà tiegħek.  U hemm il-Gvern ma ċediex għar-regoli neo-liberali ta’ dawk li jaħsbu li s-soċjetà ser issib ordni naturali spontanjament.  Anzi, jaf li dan mhuwiex minnu u għalhekk hemm bżonn l-intervent intelliġenti tal-Istat b’liġijiet li jiggarantixxu x-xogħol u l-ġustizzja soċjali.

6.         L-eventi ta’ dawn ix-xhur jagħtu kredtu lill-mod li permezz tiegħu mxejna.  Il-Gvern iħares lejn li jipprovdi l-ġid lil kull persuna fis-soċjetà.  Inħarsu lejn kulħadd, hi x’inhi l-pożizzjoni soċjali jew ekonomika tiegħu bħala parteċipant, ħaddiem fis-soċjetà, fl-Istat Malti tagħna.  Il-ġid komuni jitwettaq, jasal fil-port meta tara li l-attività lavorattiva tibqa’ għaddejja.  Ix-xogħol jgħolli d-dinjità tal-persuna umana.  Fih huwa jirrealizza aktar lilu nnifsu.  Dan il-Gvern Nazzjonalista, b’diffikultajiet xejn żgħar, irnexxielu jmexxina lkoll ʹil quddiem.  Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem għalhekk kienet għalija iktar importanti din is-sena minn snin oħrajn proprju għax iġġilidna għal dan id-dritt u rnexxielna nibqgħu niggarantuh.


Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tat-2 ta Mejju 2010.

Il-kriżi Griega.



1.         Il-kriżi finanzjarja li l-pajjiż ħabib u ġar tagħna sab ruħu fiha titlob numru ta’ riflessjonijiet.  Nibda billi ngħid li m’għandix dubju li dan l-Istat fis-snin li ġejjin issa li fehem il-konsegwenzi ta’ aġir passat ser jissupera dan il-mument ferm diffiċli.  Il-Griegi huma magħrufa għall-abbiltajiet tagħhom, huma fost il-popli ħawtiela tagħna, mimlijin bi kreattività, kultura u imprenditorija.  Il-letteratura antika tagħhom tixhed proprju dawn l-abbiltajiet.  Il-vjaġġ ta’ Ulisse lura lejn Itaka huwa kollu bbażat fuq dan l-ispirtu avventuruż, wieħed li jixhed kemm mhumiex nieqsa mill-kuraġġ u d-determinazzjoni.

2.         Meta sentejn ilu kont mort niltaqa’ mal-Ministru tal-Intern kont bqajt impressjonat b’dak il-wirt elettorali li ħallew warajhom ta’ qabilhom.  Skantajt aktar però bil-fatt li kuljum kien hemm dimostrazzjonijiet għaddejjin, daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra.  Kull ġurnata li kont hemm kien hemm jew settur jew ieħor tal-ħaddiema li kienu qed jipprotestaw fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.  Is-sitwazzjoni aggravat aktar ruħha meta f’waħda minnhom, student anarkiku spiċċa maqtul.  Minn dak il-mument 'il quddiem, is-sitwazzjoni kienet saret intollerabbli.  Tant qam inkwiet li kwalunkwe forma ta’ bidla, ta’ riformi, saru impossibbli għall-gvern preċedenti, li wieħed irid jgħid li ħadem u pprova jibdel l-istat tal-affarijiet, imma ma ħallewħx.

3.         Flok ittieħdu deċiżjonijiet sabiex jiġi riformat is-settur ekonomiku u finanzjarju ma ġara xejn u baqa’ biss li hemm bżonn bidla li però ma tistax issir.  Il-gvern il-ġdid ta’ George Papandreou sab ruħu ffaċċjat minn stat ta’ affarijiet li, in parti, kien ikkontribwixxa għalih huwa stess billi ma daħalx sabiex jagħti spalla lill-gvern ta’ qablu anzi, f’ħafna sens, ostakolah ukoll.  Dan il-kumulu ta’ problemi kompla sabiex ġieb punt fejn l-Istat Grieg ma setax ikompli jaħrab minnu jew jgħix fl-illużjoni li m’hemmx bżonn ta’ aġir drastiku.

4.         Il-fatt li l-problemi, id-diffikultajiet flok ġew affrontati ġew skartati ġieb valanga akbar.  Jidher ċar li llum waslu fejn waslu proprju għax ma ġietx aċċettata r-realtà.  Għalhekk, Papandreou sab li jrid jieħu deċiżjonijiet iebsa tassew, li żgur li m’humiex popolari, imma li rrendew ruħhom neċessarji.  Pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, tagħna nkluż, sabu li jridu jieħdu minn dawn il-passi u ħaduhom ferm qabel, mentri l-Greċja baqgħet lura.  Dan huwa evidenti meta tara x’iddeċidew l-Estonja, il-Litwanja u diversi oħra, aħna nklużi, biex flimkien naffrontaw l-effetti negattivi li l-kriżi finanzjarja ġiebet.

5.         Illum il-Greċja ġiet li trid titlob lill-Membri l-oħra tal-Unjoni l-assistenza f’self, ħaġa li setgħet tagħmel għax għandha l-vantaġġ li qegħda proprju fi ħdan is-sistema monetarja unika – l-ewro.  Però dan ma kienx biżżejjed.  L-istat finanzjarju ma kienx marbut sempliċement ma’ manuvrar ta’ self ta’ flus, imma ferm iktar minn hekk.  Il-miżuri meħuda huma verament qawwija u drastiċi, li jinkludu fost oħrajn żieda fir-rata tal-VAT, l-iffriżar tas-salarji tal-impjegati tal-Gvern, tkeċċija mill-impjieg ta’ kull min għandu kuntratt temporanju, tneħħija ta’ kwalunkwe ħlas ta’ bonus annwali u żieda fit-taxxa fuq il-petrol, diesel, tabakk u xorb.

6.         Din il-bomba ta’ miżuri fir-realtà hija kollha magħmula minn kumulu ta’ passi li kellhom jiġu meħuda qabel li, għal raġunijiet varji, baqgħu ma tteħdux.  Issa li damu tant snin għaddejjin ma jiċċaqilqux sabu rwieħhom f’din is-sitwazzjoni mill-iktar imbarazzanti.  Dawn pressjonijiet li jiġu lil diversi politiċi, però hawn irid jingħad li jidher ċar li l-finanzi ta’ l-Istat ġew abbandunati.  Biżżejjed wieħed jara li l-evażjoni tat-taxxa hija verament endemika biex jifhem kemm kollox tħalla lura.

7.         Il-lezzjoni Griega għandha tidher ċara ma’ kulħadd, speċjalment ma’ dawk li jiġu ttantati jgħidu lill-poplu li l-miżuri iebsa m’hemmx bżonnhom.  Il-poplu Malti huwa xxurtjat li għandu Gvern li, bid-difetti kollha tiegħu, jirnexxilu jifhem il-problemi u jieħu d-deċiżjonijiet xejn popolari, imma salutari.  Nawguraw mill-qalb lill-poplu Grieg sabiex jaffronta u jegħleb din is-sitwazzjoni.  Il-Prim Ministru tagħna żamm quddiemu li kull ma jidher bħala deni għandna neħduh sabiex nittrasformawh f’ġid.  Hekk imxejna u għalhekk dan il-poplu għadu qiegħed javvanza 'l quddiem b’pass tajjeb u kontinwu.

Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tad-9 ta mejju 2010.

Tfal bi bżonnijiet speċjali għandhom jingħataw appoġġ u aċċess fis-summer schools kollha


Stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Joe Cassar

It-tfal kollha għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet u aċċess miftuħ sabiex jieħdu sehem fis-summer schools, speċjalment dawk it-tfal li għandhom ħtiġijiet speċjali u tfal b’diżabilità. Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-familji ta’ tfal b’diżabilità u bi bżonnijiet speċjali qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex uliedhom ikunu jistgħu jattendu summer schools tal-għażla tagħhom. 

Dawn it-tfal għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ kollu biex ikunu jistgħu jattendu f’dawn iċ-ċentri mingħajr xkiel. Il-Gvern, permezz ta’ għajnuna finanżjarji jew ta’ riżorsi umani oħra, għandu jgħin lis-summer schools kollha, anke dawk tal-Knisja u tas-settur privat, sabiex tfal bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jieħdu sehem bħal tfal oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan l-impenn għandu jwassal biex it-tfal kollha jingħataw aċċess ugwali mingħajr distinzjoni, u tkun meżż ieħor kif tkompli titjieb l-inklużjoni soċjali minn età żgħira. Din ir-responsabbiltà għandha tkun tal-Gvern, li jipprovdi l-meżżi biex dawn it-tfal jipparteċipaw bis-sħiħ fis-summer schools li huma jixtiequ jattendu mingħajr ma jkun ta’ xkiel għalihom minħabba nuqqas ta’ riżorsi li jagħmel din l-opportunità possibbli.

Kien Gvern Nazzjonalista li estenda l-appoġġ tal-Learning Support Assistants fl-iskejjel ta-Knisja u fl-iskejjel privati għal tfal b’diżabilità u bi bżonnijiet speċjali. Issa wasal iż-żmien li l-Gvern Laburista jkompli fuq dawn il-passi u jestendi dan is-servizz fis-summer schools tal-Knisja u dawk privati, speċjalment għal dawk it-tfal l-iktar fil-bżonn.

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jawgura esperjenza sabiħa u edukattiva lil dawk it-tfal kollha li qed jieħdu sehem f’summer schools, kemm dawk li se jiġu organizzati mill-Gvern, mill-Knisja u mis-settur privat.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Tħassib għall-qagħda industrijali f’pajjiżna – jeħtieġ azzjoni immedjata



Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-istatistika maħruġa mill-aġenzija Eurostat illum li kkonfermat li l-produzzjoni industrijali ta’ pajjiżna fix-xahar ta’ Mejju naqas bi 12% meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena li għaddiet, u li dan it-tnaqqis kien l-ikbar tnaqqis minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl ta’ dan, tistona l-indifferenza viżibbli tal-Gvern għal din is-sitwazzjoni li tista’ teffettwa eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-fabbriki ġewwa pajjiżna.

It-tnaqqis ta’ 12% fil-produzzjoni industrijali ta’ pajjiżna, kif imħabbar mill-Eurostat, hu ta’ tħassib partikolari minn żewġ aspetti prinċipali: (1) li dan it tnaqqis qiegħed iseħħ f’perjodu li l-bqija tal-Ewropa qed tesperjenza qawmien industrijali ġdid; u (2) il-fatt li dan it-tnaqqis hu kostanti, xahar wara l-ieħor, huwa turija mhux ta’ xi fatturi eċċezzjonali marbutin ma’ xi kumpaniji partikolari – kif kultant jipprova jagħti x’jifhem il-Gvern – iżda ta’ problema strutturali fil-qasam tal-manifattura u l-industrija f’pajjiżna, liema setturi jibqgħu l-akbar sors ta’ postijiet tax-xogħol għall-familji Maltin u Għawdxin.

Aktar u aktar, din l-aħbar trid tinqara fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Laburista ma rnexxilux jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea li l-industrija Maltija jistħoqqilha l-ogħla livell ta’ għajnuna possibbli, u b’hekk, il-livell ta’ assistenza mhux se jibqa’ fuq il-livelli li għaddew.

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jfittex skużi għal dawn ir-riżultati negattivi, u ma jistax jibqa’ jserraħ rasu mill-fatt li s’issa, it-tnaqqis ekonomiku mill-qasam industrijali qiegħed jitpatta b’ħolqien ta’ ġid li ġej mit-turiżmu, is-settur finanzjarju u l-igaming.

Il-manifattura tibqa’ industrija kruċjali u minnha jiddependi l-għajxien ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Iżda fuq kollox, dan huwa settur li minnu jiddependu bosta oqsma oħra tal-ekonomija Maltija, bħat-trasport, il-loġistika u l-komunikazzjoni, fost l-oħrajn.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex jippreżenta pjan ta’ ħidma biex jidentifika l-problemi li qed jiffaċċja s-settur, u jibda jiddiskuti soluzzjonijiet li l-industrija teħtieġ illum qabel għada.


7.7.14

Żbalji demokratiċi u żelqiet politiċi.



1.      Tul din il-ġimgħa, il-ħajja politika ħadet xejriet interessanti għal dawk li għadhom iridu jsegwu l-eventi f’dawn il-gżejjer.  Bdejna t-Tnejn bl-istqarrija parlamentari tal-Prim Ministru wara l-Kunsill tal-ġimgħa ta’ qabel, komplejna bil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-aġir tal-Ministru tal-Intern fil-konfront tal-Ombudsman u spiċċajna bid-dikjarazzjonijiet tal-kap tal-OLAF.  Ġimgħa fil-politika hija twila verament għax fuq kull punt minn dawn it-tlieta tista’ tikteb u tiddibatti.  Tifhem x’inhuma fihom infushom u wara x’jirriflettu fuq min ikun parti minnhom.

2.      Juru li iktar ma jgħaddu l-ġimgħat, iktar is-sitwazzjoni tidher li qegħda toħroġ barra mill-kontroll tal-Prim Ministru.  Fuq naħa hemm id-diskors li ma jonqosx, la fil-volum u wisq anqas fil-preżentazzjoni, u fuq l-oħra il-fatti.  L-Oppożizzjoni qegħda twettaq dmirha u tipprova bil-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex twassal il-messaġġ li l-affarijiet m’humiex sew.  Sfortunatament, il-Gvern m’huwiex jagħti każ u qiegħed ikompli jagħżel li jibqa’ għaddej minn fuqna.  Jibqa’ jwarrab fil-ġenb dak li qed ngħidu għax f’rasu għandu li l-vuċi tagħna m’hix tasal u għalhekk jista’ jkompli jagħmel li jrid bi ħsara u dannu.

3.      Ma hemmx dubju, għandu din is-saħħa, imma rridu ngħidu li dak li qiegħed jiġri m’huwiex aċċettabbli f’soċjetà moderna, Ewropea u demokratika.  M’huwiex aċċettabbli li l-Gvern jibqa’ jaħrab milli jikkonfronta d-diffikultajiet li l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari toffri.  Fil-Parlament, il-Prim Ministru t-Tnejn ġie biex ikompli jżid ma’ dak li diversi kkontestawh fuqu.  Ġie biex jipprova jgħid li qiegħed isir xi avvanz differenti u ġdid f’dan is-settur.  Minflok fuq id-domandi li għamiltlu, flok wieġeb għalihom skartahom kompletament.  Skarta għalhekk sabiex jgħid l-ewwel, x’hemm verament ġdid wara l-laqgħa li kellu; it-tieni, skarta biex jgħid jekk din il-famuża Task Force hijiex suċċess jew falliment; u t-tielet, skarta wkoll x’ser iseħħ jekk il-pajjiż ġirien tagħna l-Italja, li qed tieħu piż qawwi, tnaqqas jew tneħħi l-operazzjoni li għaddejja minnha.

4.      Is-sistema demokratika għandha vantaġġ kbir: dik li ma tħallis lil min qiegħed fil-poter jaħrab jew jaħbi l-verità.  Proprju għalhekk li in segwitu għal dan l-Oppożizzjoni, wara l-ħidma intensiva tagħna tat-Tnejn, daħlet terġa’ l-Erbgħa għad-dibattitu dwar il-kunflitt tal-mistħija li żviluppa bejn il-Ministru tal-Intern u l-Uffiċċju tal-Ombudsman.  Tal-mistħija għax m’għandux ikun li f’soċjetà demokratika bħal tagħna Ministru, bl-intransiġenza tiegħu, jwassal lil istituzzjoni oħra biex ikollha tmur ‘il-Qorti biex tippreżenta protest ġudizzjarju biex forsi dan jibda jagħtiha widen.  Iktar u iktar, għax m’għandux ikun li jkun hemm dawn il-kumplikazzjonijiet f’ħaġa daqshekk ċara.  L-aġir tal-Gvern jibqa’ wieħed li jrid jaħrab mir-realtà u jipprova jgħatti dak li għandu jkun miftuħ u trasparenti.

5.      Il-kwistjoni tal-preżenza tal-kap tal-OLAF f’pajjiżna hija wkoll kumplikazzjoni ulterjuri fit-tessut demokratiku tagħna.  Flok qed noħorġu bħala pajjiż li jirrispetta l-istituzzjonijiet u l-proċess sħiħ parlamentari, qed nidhru li ma nafux kif immexxu.  Dak li qed jingħad m’għandux biss konsum lokali, iżda iktar minn hekk wieħed Ewropew u internazzjonali.  Id-dikjarazzjonijiet varji ħsara lilna qed jagħmlu.  Dannu li ma jgħinx u diffiċli sabiex tkun tista’ tirribattih, proprju għax dak li qed jisimgħu u jaqraw ċittadini Ewropej oħra m’għandekx kontroll fuqu.

6.      Dawn huma kollha żelqiet politiċi u żbalji demokratiċi li l-Gvern daħħal lilu nnifsu għalihom.  Il-kredenzjali tagħna f’dawn l-aħħar jiem ma żdiedux, anzi naqsu sew.  Naqsu sija għal dawk li jridu jaraw u jaqraw f’dan il-gżejjer tagħna, kif ukoll għal dawk li qegħdin barra minn xtutna.  Il-ħsara faċli ssirlek.  L-effetti tagħha diffiċli tifhimhom jew tikkontrollahom.  Anzi, id-dimensjoni sħiħa tagħha tiġi u takkumula ruħha maż-żmien.  Li huwa fiċ-ċert hu li l-Gvern tal-ġurnata, flok qed jifhem u jirrealizza dan kollu qiegħed minflok iwebbes rasu u jkompli fejn m’għandux.  Nittamaw li l-jiem tas-sajf jgħinu sabiex ikun hemm bidla u dak li qed naraw ma jkomplix iseħħ.



Min ifassal il-politika?


1.      Il-politika taf tkun komplikata.  Diversi qed jieħdu toroq li flok iħalluha dak li suppost hi, jittrasformawha f’dak li mhix.  Politika bla forma ta’ ideat jew valuri, waħda li timxi skont il-kurrenti, burdati u reazzjonijiet.  Hemm min qiegħed jidħol fil-linja li jaħtaf dak li qiegħed għaddej, mentri ħaddieħor sar iktar u iktar indifferenti.  Preżentement hawn kriżi ta’ ideat u ta’ viżjoni vera ta’ dak li hemm bżonn li l-ħidma politika tkun qegħda sservi.

2.      Il-politika mhix l-arti ta’ kif togħġob lil dak u lill-ieħor, anqas li tiġġieled ma’ dak u l-ieħor, imma proprju dik li twassal għas-sewwa.  Fis-soċjetà tagħna, bl-isfumaturi kollha tagħha, hemm diversi fil-politika li qed iduru ‘l hemm u ‘l hawn, minn paġna għal paġna, daqqa jgħidu ħaġa u daqqa oħra, mingħajr direzzjoni vera.  Il-politika titlob li tkun għas-servizz ta’ min irid jibdel għas-sewwa soċjetà fid-dimensjonijiet sħaħ tagħha.  Għandha għad-disposizzjoni tagħha l-użu tal-kelma u magħha dik li tikkonvinċi lil ħaddieħor.

3.      F’dan l-istaġun jidher dejjem iktar ċar li l-politika Maltija qegħda f’numru ta’ fażijiet kuntrarji.  L-ewwelnett, hemm l-abdikazzjoni tal-użu tar-raġuni biex iġġib bnedmin ta’ ideat u ħsibijiet differenti miegħek.  Hemm it-triq li għal uħud tidher faċli, li fiha flok jaħdmu biex jibdlu u jipperswadu, qegħdin jippruvaw jingħaqdu ma’ dawk li diġà għandhom idea.  Il-politiku Malti qiegħed fl’hekk imsejħa “fażi moderna” li jitmexxa u mhux imexxi, li jgħid dak li jriduh jgħid u mhux dak li jemmen fih.

4.      It-tieni hemm il-problema iktar qawwija ta’ dawk li jew ma għandhom ebda forma ta’ ħsieb politiku u ta’ dawk li jidentifikaw ruħhom fi proġetti ta’ soċjetajiet li ma jistgħux iseħħu.  Ir-realtà hija li sfortunatament il-kultura politika, it-tagħlim ta’ dak li huwa verament politika fi stat modern u Ewropew ma teżistix f’din is-soċjetà.  Li huwa iktar agħar hu li hemm għaddej taħwid ta’ ideat makkjavelliċi li kull ma jridu jgħidu hu li l-politiku jista’ jingħad li huwa “veru” mhux għax għandu l-abbiltajiet it-tajba, iżda sempliċement għax lest li jagħmel azzjonijiet ħżiena lil terzi.

5.      It-tielet appuntu dan: ma hemmx formazzjoni politika soda u vera.  Diversi, jekk ikun hemm ftit kura u attenzjoni, jindunaw kemm hemm fejn timraħ aktar ‘il quddiem fuq naħa, u fuq l-oħra jindunaw li dak li qed jippropagaw ser iġib il-kontra ta’ dak li attwalment iridu.  Il-politika hija għodda għas-servizz tal-bniedem.  Biss bħalissa titħares bħala l-arti ta’ kif takkwista l-poter u xejn iktar u xejn inqas.  Hemm abbandun tal-vantaġġ li tinfluwenza lejn it-tajjeb, li taħdem billi dak li tkun qiegħed tipproponi jwassal sabiex il-problemi tas-soċjetà jiġu konfrontati u mcekkna jew imneħħija.

6.      Ir-raba’, qed tidħol iktar fil-kumplikazzjonijiet li l-użu tal-immaġini fil-medja jġib mal-ħsieb li l-politika hija azjenda kummerċjali oħra.  Kumpannija li tiddependi biss f’kemm tista’ tbiegħ lilha nnifisha mhux bħala post tal-ħsieb, ideat, iżda sempliċement bħala prodott.  Il-politika li ssir b’dan il-mod jista’ jkollha l-impatti tagħha, però mhix dik li twettaq verament is-sewwa.  Anzi f’ħafna drabi agħar, għax flok qegħda twassal għall-ideat ta’ rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, lejn l-ugwaljanza, qegħda tħares lejn li jkollha min jiddomina u jikkontrolla fuq l-ieħor fejn l-interessi tal-flus jirbħu fuq kull kunsiderazzjoni.


7.      Il-politika hija strument kompletament differenti.  Il-lezzjonijiet tal-aħħar elezzjonijiet lill-partit tagħna huma f’din il-linja.  Il-politiċi huma aħna u għalhekk aħna għandna d-dmir u r-responsabbiltà li nagħmlu l-politika.  Aħna mmexxu ‘l quddiem, nieħdu żgur parir imma d-direzzjoni hija tagħna.  Fil-politika qegħdin biex nassiguraw iktar ugwaljanza, iktar ġustizzja soċjali.  M’aħniex strumenti sabiex min għandu jibqa’ jkollu u min m’għandux jibqa’ fejn huwa.  L-isfidi huma kbar, ma hemmx dubju, però f’dan l-eżami nintgħażlu mill-poplu sabiex nuru li mhux biss kapaċi nirbħu elezzjoni, imma kapaċi mmexxu wkoll pajjiż.

3.7.14

L-Oppożizzjoni ssejjaħ għal front komuni dwar l-immigrazzjoni mibni fuq ħames prinċipji


“Wasal iż-żmien li bħala politiċi nittrattaw l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari b’mod aktar matur. Għandna nindirizzaw l-isfida tal-immigrazzjoni bi front komuni, u għalhekk illejla qed nipproponi li nneħħu l-materja tal-immigrazzjoni darba għal dejjem mil-lista twila ta’ kwistjonijiet li jqanqlu l-partiġjaniżmu politiku u minflok nibnu front komuni f’dan il-qasam. Dan nistgħu nagħmluh jekk naqblu fuq il-prinċipji li għandhom jiggwidaw id-deċiżjonijiet li nieħdu f’dan il-qasam, u għal dan il-għan l-Oppożizzjoni qiegħda tressaq ħames punti ta’ prinċipju li fuqhom tista’ tiġi msejsa l-politika nazzjonali tagħna dwar l-immigrazzjoni.”

Dan stqarru l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil fid-diskors tiegħu b’reazzjoni għall-Istqarrija Ministerjali tal-Prim Ministru dwar il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-26 u s-27 ta’ Ġunju. 

Simon Busuttil stqarr li s-suġġett tal-immigrazzjoni huwa wieħed sensittiv u hu mistenni li l-Prim Ministru jkun serju u trasparenti bil-mod kif jikkomunika l-politika tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea dwar dan is-suġġett. Mhijiex serjetà li l-Prim Ministru jipprova jgħid li pajjiżna kiseb xi ħaġa għax il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitkellmu dwar “fair sharing of responsibility” meta l-fatti juru li dan sar f’għadd kbir ta’ konklużjonijiet oħra fis-snin li għaddew. 

Il-Partit Laburista dejjem qagħad lura milli jagħti l-appoġġ lill-Gvern f’dan is-settur meta kien il-Partit Nazzjonalista li qed imexxi lil Malta. Iżda l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem b’mod differenti billi flimkien nibnu front komuni f’dan il-qasam li jkun imsejjes fuq ħames prinċipji. Jekk il-Gvern lest jaċċetta dawn il-prinċipji allura jkun jista’ jistrieħ fuq l-appoġġ tal-Oppożizzjoni:

1. Li l-ħajja umana mhix negozjabbli u li l-prijorità dejjem għandha tkun li nsalvaw il-ħajja tan-nies;

2. Li darba nkunu tajna sehemna biex jiġu salvati n-nies, fl-interess nazzjonali għandna nagħmlu li nistgħu biex nikkontrollaw l-influss ta’ immigranti lejn pajjiżna biex dan ma jkunx ta’ piż li aħna ma nifilħux għalih. Dan ifisser li nkomplu nsaħħu s-sorveljanza tal-fruntieri marittimi ta’ pajjiżna, kif ukoll li naħdmu fuq livell Ewropew u internazzjonali biex l-influss jiġi kkontrollat mill-punt tal-pajjiżi tal-oriġini, ta’ transitu u eventwalment ta’ destinazzjoni u sabiex il-piż ma jintrefax biss mill-pajjiżi li bħalna, jinsabu fuq l-għatba tal-Ewropa, iżda jinqasam b’mod ġust bejn kulħadd skont il-prinċipju tas-solidarjetà;

3. Li kulħadd għandu d-dritt li jiġi trattat b’dinjità u li jingħata d-dritt li jitlob il-protezzjoni f’pajjiżna. Għaldaqstant, il-politika tal-pushbacks m’għandhiex tkun aċċettabbli minn Gvern li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. Daqstant ieħor, kull min m’għandux dritt għall-protezzjoni m’għandux jintbagħat lura;

4.         Għandha titwarrab il-politika populista dwar l-immigrazzjoni għaliex din ma twassal għall-ebda soluzzjoni ħlief li trewwaħ il-biża’ u l-mibegħda inutilment u twassal għal ksenofobija u razziżmu, u tagħti lok għal partiti politiċi ksenofobiċi kif rajna fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew; u 

5.         Għandu jkun hemm kooperazzjoni sinċiera bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, fejn il-Gvern iżomm lill-Oppożizzjoni infurmata kontinwament dwar l-andament tas-sitwazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat regolari tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Immigrazzjoni, li għandu jitlaqqa’ anke fuq talba tal-Oppożizzjoni. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...