21.7.14

Tħassib għall-qagħda industrijali f’pajjiżna – jeħtieġ azzjoni immedjata



Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-istatistika maħruġa mill-aġenzija Eurostat illum li kkonfermat li l-produzzjoni industrijali ta’ pajjiżna fix-xahar ta’ Mejju naqas bi 12% meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena li għaddiet, u li dan it-tnaqqis kien l-ikbar tnaqqis minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl ta’ dan, tistona l-indifferenza viżibbli tal-Gvern għal din is-sitwazzjoni li tista’ teffettwa eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-fabbriki ġewwa pajjiżna.

It-tnaqqis ta’ 12% fil-produzzjoni industrijali ta’ pajjiżna, kif imħabbar mill-Eurostat, hu ta’ tħassib partikolari minn żewġ aspetti prinċipali: (1) li dan it tnaqqis qiegħed iseħħ f’perjodu li l-bqija tal-Ewropa qed tesperjenza qawmien industrijali ġdid; u (2) il-fatt li dan it-tnaqqis hu kostanti, xahar wara l-ieħor, huwa turija mhux ta’ xi fatturi eċċezzjonali marbutin ma’ xi kumpaniji partikolari – kif kultant jipprova jagħti x’jifhem il-Gvern – iżda ta’ problema strutturali fil-qasam tal-manifattura u l-industrija f’pajjiżna, liema setturi jibqgħu l-akbar sors ta’ postijiet tax-xogħol għall-familji Maltin u Għawdxin.

Aktar u aktar, din l-aħbar trid tinqara fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Laburista ma rnexxilux jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea li l-industrija Maltija jistħoqqilha l-ogħla livell ta’ għajnuna possibbli, u b’hekk, il-livell ta’ assistenza mhux se jibqa’ fuq il-livelli li għaddew.

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jfittex skużi għal dawn ir-riżultati negattivi, u ma jistax jibqa’ jserraħ rasu mill-fatt li s’issa, it-tnaqqis ekonomiku mill-qasam industrijali qiegħed jitpatta b’ħolqien ta’ ġid li ġej mit-turiżmu, is-settur finanzjarju u l-igaming.

Il-manifattura tibqa’ industrija kruċjali u minnha jiddependi l-għajxien ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Iżda fuq kollox, dan huwa settur li minnu jiddependu bosta oqsma oħra tal-ekonomija Maltija, bħat-trasport, il-loġistika u l-komunikazzjoni, fost l-oħrajn.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex jippreżenta pjan ta’ ħidma biex jidentifika l-problemi li qed jiffaċċja s-settur, u jibda jiddiskuti soluzzjonijiet li l-industrija teħtieġ illum qabel għada.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...