1. Lejn nofs ix-xahar sibtni ġewwa l-belt
Spanjola ta’ Zaragoza . L-appuntament kien marbut ma’ laqgħa tal-ministri
ta’ l-Unjoni Ewropea taħt il-Presidenza Spanjola, bit-tema l-proċessi, eżempji,
esperjenzi ta’ integrazzjoni varji.
It-tema kienet interessanti, minnha kelli l-opportunità nifhem aktar dak
li dħalna għaliha illum ġewwa din l-għaqda speċjali ta’ Stati. Numru ta’ problemi li qed tiffaċċja l-Unjoni ġejjin
proprju minħabba l-fatt li l-integrazzjoni ġiet traskurata u mwarrba
fil-ġenb. Tisma’ l-vuċijiet ta’ diversi
ministri tifhem dejjem iktar il-varjetà tal-ħidma u s-suċċess, o meno, tagħha. Dan għalija sarraf aktar sabiex nipprova
nifhem kif aħna stess qed inħarsu lejn dak li għandna, bħala soċjetà preżenti u
kif għandna naffrontawh. Il-pożizzjoni hi
ferm differenti u kkumplikata minn
ta’ oħrajn, fejn min qiegħed jgħix hawn iħares lejna bħala tarġa biex jitla’ ‘l
fuq u mhux biex jibqa’ hawn. Ifittex
mal-ewwel opportunità li jitlaq il-gżejjer tagħna u jitlaq lejn partijiet oħra
tal-Ewropa fejn isib komunitajiet oħra bħal tiegħu.
2. Mhux faċli, però dak li għandu jiġi konfrontat ħa jiġi
ndirizzat, b’kemm jista’ jkun intelliġenza u għaqal, però mingħajr ħafna ħolm
żejjed li fl-aħħar tal-jum jissoda dak li m’għandux jiġi ssudat. Il-bnedmin li jsibu ruħhom hawn ġew minn
esperjenzi varji tal-ħajja. Waslu hawn
kontra qalbhom u ma jifhmux dejjem dak li daħlu għalih. Problemi xejn faċli sabiex tħollhom. Però, hu x’inhu, ser nibqgħu nfittxu
soluzzjonijiet, billi nimpenjaw ruħna favur id-dinjità tal-bnedmin u, fl-istess
ħin, attenzjoni għas-sigurtà sħiħa fil-pajjiż u għas-soċjetà. Hawn hawn lok ta’ impenn nisrani, ta’ spirtu
ta’ karità, altruwiżmu u tixrid ta’ ideat li ħafna minn dawn il-persuni ma ġewx
esposti għalihom. Din hija waħda
mill-isfidi l-ġodda li qegħda tbaqbaq lis-soċjetà tagħna, li m’aħniex nifhmu
biżżejjed fil-fond is-sejħa li qegħda titlob minna. M’hemmx apprezzament tajjeb tal-polz u
s-sinjali taż-żminijiet li però rridu nagħmlu ħilitna sabiex nagħmlu.
3. Il-laqgħa sabet ruħha maqsuma f’nofsha għax l-iżbroff
tal-vulkan Iżlandiż qabad triqtu fuq il-parti ta’ fuq ta’ l-Ewropa u diversi
ministri, speċjalment dawk li għandhom it-trasport ta’ l-Istat mal-lejl jew
kmieni filgħodu, telqu lura.
Fortunatament bidlu l-vjaġġ lili wkoll.
B’xorti tajba għalija, minn Frankfurt sibtni ngħaddi minn Ruma u laħħaqt
li nkun hawn f’pajjiżna għall-vjaġġ u l-viżja tal-Q.T. l-Papa Benedittu
XVI. Jiem verament sbieħ, li fihom
stajna naraw id-demm ibaqbaq tagħna quddiem bniedem tant tajjeb, umli u mimli
intelliġenza. Dik forma oħra ta’
integrazzjoni.
4. Fit-tfassil tal-vjaġġ, sibtni jum qabel f’din il-belt u
fil-ftit siegħat li kelli għad-disposizzjoni tiegħi, tlabt li jeħduni nara żewġ
monumenti importanti f’din il-belt Spanjola minn fejn diversi kavallieri ġew u
raqdu fil-Berġa ta’ Aragona. Fil-pjazza
prinċipali msejħa “Plaza del Pilar”
hemm żewġ knejjes verament sbieħ. Fuq
naħa dik tal-Madonna tal-Pilar u fl-aħħar il-katidral magħruf bħala “La Seo”.
L-ewwel waħda timpressjonak bid-devozzjoni li hemm, nies deħlin u knisja
ħajja. Hemm wirja sabiħa, b’numru ta’
oġġetti sagri ġejjin is-sekli.
Il-katidral, mill-banda l-oħra,
huwa mużew ħaj. Kull kappella
mimlija b’arti u storja, b’mużew eċċellenti ta’ arazzi antiki restawrati li
jsaħħruk. Mingħajr ma trid tidħol lura
f’sekli ta’ storja u tagħraf aktar il-karattru tal-kavallieri li ġew għandna.
5. Il-fatt li mort u dħalt f’dawn il-postijiet, mingħajr ma
ridt ħaduni sabiex napprezza ferm iktar il-karattri, il-kultura tad-diversi
kavallieri u bnedmin li ġew minn dawn l-inħawi sekli ilu. Ir-rabta bejn Spanja u pajjiżna ftit
napprezzawha, però hemm qegħda. Kien
interessanti nifhem dan, aktar u aktar bil-knisja tal-Madonna tal-Pilar li
preżentement qegħda f’idejn il-Heritage Malta, però li fil-passat kienet parti
sħiħa mill-Berġa. Knisja mill-isbaħ li
għalkemm tinfetaħ okkażjonalment għandha patrimonju kbir għad-dispożizzjoni
tagħna lkoll. Komplejt napprezza aktar
Zaragoza u l-klima aragoniża għax lejn l-aħħar tal-jum, ħaduna nżuru
l-“Aljaferia”. Dan huwa palazz Għarbi
oriġinarjament li, biċċa biċċa, ttrasforma ruħu f’wieħed għar-rejiet Kattoliċi,
li mingħajr ma ridt fehemt ferm iktar li minn ġie f’Malta kellu miegħu storja u
esperjenza ta’ konvivenza. Bnedmin
insara, Għarab, Lhud li għexu flimkien.
6. Għalkemm smajt u rajt ħafna, fhimt li l-proċess sħiħ ta’
integrazzjoni jiddependi minn diversi elementi.
Prinċiparjament ngħid tnejn.
L-ewwel kemm dak li jkun huwa preparat li jadegwa ruħu, jobdi r-regoli
tas-soċjetà, jirrispetta lil min jgħix fiha u li finalment irid isir jaf
il-lingwa u jġib ruħu kif għandu; u t-tieni, b’kemm hemm spazju soċjali,
kulturali u ekonomiku fis-soċjetà sabiex dan ikun jista’ jsir. L-esperjenza aragoniża ġewwa Zaragoza hekk
tindika, b’mod mill-iktar ċar. Ħadd ma
għandu s-soluzzjoni perfetta, però kull soċjetà għandha fi ħdanha esperjenzi li
ġejjin minn seklu għall-ieħor jew ta’ intolleranza jew ta’ integrazzjoni. Fuq dawn ser inkomplu naħdmu mingħajr ma
nilludu ruħna jew nipperikolaw dak li għandna.
Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum fit-2 ta Mejju 2010.
No comments:
Post a Comment