24.7.14

Mhux fuq is-sieq it-tajba



1.      L-esperjenza politika ġewwa l-Parlament tagħna turi li meta wieħed jaqbeż nofs Lulju, l-atmosfera ġewwa dak il-post tibda tikkarga.  Dak li jsir is-soltu bil-kalma, f’ħabta u sabta jsir b’nervożiżmu qawwi.  Il-jiem ta’ intensità li nkunu għaddejna minnhom jibdew juru sinjali li l-magna saħnet u aħjar tnaqqsilha.  Diversi gvernijiet għamlu l-iżball li ppruvaw jirrambaw f’dawn il-ġranet dak li jkunu ilhom jilagħbu bih.  Ifasslu li jridu jgħaddu numru ta’ liġijiet u jiġri x’jiġri jgħaddu jkunu jridu.  Tensjonijiet żejda fix-xejn, li jwelldu ġlied politku, talbiet għal rulings, sejħiet għal kworum u l-bqija ta’ ripertorju parlamentari magħruf.  Kull darba, anke din, il-Gvern baqa’ għaddej, irid li tgħaddi tiegħu u li l-Oppożizzjoni trid “tifhem” li huma fil-maġġoranza, huma fil-poter u għalhekk trid isservih.  L-arroganza politika ssudat ruħha sew.

2.      Dan huwa żball li dan il-Gvern tul din il-ġimgħa ħa u għalhekk beda jara l’effetti negattivi tal-pożizzjoni riġida li ġieb ruħu fiha.  Tlaqna fuq is-sieq il-ħażina tal-istqarrija tal-Prim Ministru li wara li ġie lura miċ-Ċina deherlu li għandu jagħmel.  Fir-realtà tant konna smajna u qrajna l-Ħadd li skantajt kif ġie b’din fil-Parlament.  Żgur mhux forsi immaġina li ser imur lejn trijonf ieħor u jkompli jsaħħaħ l-effetti pożittivi li dik il-viżta tatu.  Seħħ il-kontra.  Seħħ dan proprju għax f’dan ġie li kellu jwieġeb għal dak li kien ilu jaħrab minnu xhur sħaħ.  L-attenzjoni marret għall-ħatra tal-mara tal-ministru bħala “ambaxxatriċi”.  Daħħal lilu nnifsu għaliha mingħajr ma kellu bżonn.  Mhux biss imma ddefenda l-pożizzjoni tant ħażin li flok qatgħet il-kwistjonijiet, iktar żiedet fl-attenzjoni.  Dak li pprova jgħid ħadd ma tant kiel.  Anzi, diversi qalulu li ma kienx assolutament korrett fil-figuri matematiċi li ressaq u fit-taqbiliet li pprova jagħmel.  Il-punt kardinali kien u jibqa’ wieħed: ma għandekx taħtar mara ta’ ministru f’dik il-pożizzjoni.

3.      L-affarijiet komplew jaggravaw ruħhom bil-kwistjoni tal-ħaddiema tal-korporazzjoni Enemalta.  L-abbozz ta’ liġi li tressaq kompla jixħet il-melħ fil-ferita ta’ dak li l-Oppożizzjoni ilha, mis-sena li għaddiet, titlob mill-Gvern.  Tant hemm punti li jridu jinħbew minna li l-amministrazzjoni qegħda tirrifjuta li tagħti d-dokument li bih nistgħu ngħarfu x’ġie verament miftiehem.  Il-futur tal-korporazzjoni huwa importanti għall-pajjiż kollu.  Il-futur tal-ħaddiema fil-korporazzjoni huwa daqshekk ieħor importanti.  L-Oppożizzjoni talbet li tiġi infurmata fuq kollox minn qabel biex tkun f’pożizzjoni tara x’ser jiġri u għala.  Dan fl-ispritu ta’ skrutinju li għandna d-dmir li nwettqu.  Il-Gvern baqa’ ma jridx jinforma u għalhekk l-Oppożizzjoni marret għall-istrumenti demokratiċi u parlamentari li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprova ġġib li s-sens komun jirrenja.  Talbet ruling, biex forsi jkollha dan f’idejha, bdiet tiddibatti u tressqaq quddiem għala qed tieħu l-pożizzjoni li ħadet.  Minflok, il-Gvern kompla jinsisti.  Is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha bil-Gvern jidħol għall-Ħamis u għall-Ġimgħa biex tgħaddi tiegħu, jingħad x’jingħad.

4.      Dan huwa iktar serju meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li d-demokrazija mhix il-qoxra ta’ dittatura.  Is-sistema demokratika tagħna llum immaturat u titlob iktar minn qabel konsultazzjoni, trasparenza u diskussjoni vera.  Il-Gvern dan qiegħed evidentement juri li ma jridux u għalhekk min jipprova juża l-forza tan-numri parlamentari tiegħu jkun qiegħed jibgħat barra l-messaġġ li m’għandux raġun.  Għandna inqas siġġijiet mill-Gvern, ma hemmx dubju, però aħna xorta Oppożizzjoni.  Xorta għandna dritt insemmgħu leħinna daqs tal-Gvern u bl-istess ħin tiegħu.  M’għadux iż-żmien fejn niġu njorati.  Kull min għandu fuqu r-responsabbiltà tal-pajjiż għandu daqshekk ieħor dik li jżomm aġġoranta ‘l-Oppożizzjoni.  Ma jistax jaħseb li waħdu ser jagħmel kollox.

5.      Fil-ġimgħa fejn issa l-ballun tilef l-effett sħiħ tiegħu, ħarġu fil-beraħ u għall-attenzjoni punti diversi li kollha qed jindikaw li l-affarijiet sejrin għall-agħar għall-Gvern.  Diversi deċiżjonijiet li ġew meħuda juru li huma għall-kuntrarju ta’ dak li kienu jgħidu fl-Oppożizzjoni.  Diversi rreġistraw f’moħħhom li l-Gvern kompla jitlef mill-porporina tal-kurrazza.  Għalkemm ħafna jimmaġinaw li biex tagħme il-punt trid titkellem fit-tul jew tirrepeti, fir-realtà illum għandek eletturi li qed isegwu b’attenzjoni dak li jkun għaddej.  Ma hemmx bżonn ħafna xinxilli, wisq inqas kumplikazzjonijiet.  Kull min jaqra u jisma’ jifhem mill-ewwel.  Li huwa żgur hu li dan il-Gvern, bid-deċiżjonijiet li ħa qiegħed jidher li m’huwiex iwettaqshom f’isem u fl-interess tal-poplu, anzi f’dawk tal-ftit.  Hemm privileġġjati ġodda li qed joħorġu iktar u iktar fil-beraħ.  L-ugwaljanza, il-ġustizzja huma pedestalli importanti ta’ kull soċjetà u kif jiġu attakkati l-pajjiż jibda jmur lura, kif issa iktar qegħdin naraw.  Din il-ġimgħa serviet, sfortunatament, biex dan jidher aktar.  F’sebat’ijiem rajna l-ftit jiġu privileġġjati ‘l fuq, mentri diversi oħrajn dijametrikament ‘il-kontra u ‘l isfel.  Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ wħud jagħlew, mentri dawk tal-ħafna jinżlu.  Dan il-Ħadd irridu ngħidu li kienu jiem mhux proprju fuq is-sieq it-tajba għal pajjiżna.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...