“Wasal
iż-żmien li bħala politiċi nittrattaw l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari
b’mod aktar matur. Għandna nindirizzaw l-isfida tal-immigrazzjoni bi front
komuni, u għalhekk illejla qed nipproponi li nneħħu l-materja
tal-immigrazzjoni darba għal dejjem mil-lista twila ta’ kwistjonijiet li
jqanqlu l-partiġjaniżmu politiku u minflok nibnu front komuni f’dan il-qasam.
Dan nistgħu nagħmluh jekk naqblu fuq il-prinċipji li għandhom jiggwidaw
id-deċiżjonijiet li nieħdu f’dan il-qasam, u għal dan il-għan l-Oppożizzjoni
qiegħda tressaq ħames punti ta’ prinċipju li fuqhom tista’ tiġi msejsa
l-politika nazzjonali tagħna dwar l-immigrazzjoni.”
Dan stqarru
l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil fid-diskors tiegħu b’reazzjoni
għall-Istqarrija Ministerjali tal-Prim Ministru dwar il-laqgħa tal-Kunsill
tal-Unjoni Ewropea tas-26 u s-27 ta’ Ġunju.
Simon
Busuttil stqarr li s-suġġett tal-immigrazzjoni huwa wieħed sensittiv u hu
mistenni li l-Prim Ministru jkun serju u trasparenti bil-mod kif jikkomunika
l-politika tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea dwar dan is-suġġett. Mhijiex serjetà
li l-Prim Ministru jipprova jgħid li pajjiżna kiseb xi ħaġa għax
il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitkellmu dwar “fair
sharing of responsibility” meta l-fatti juru li dan sar f’għadd kbir ta’
konklużjonijiet oħra fis-snin li għaddew.
Il-Partit
Laburista dejjem qagħad lura milli jagħti l-appoġġ lill-Gvern f’dan is-settur
meta kien il-Partit Nazzjonalista li qed imexxi lil Malta. Iżda l-Partit
Nazzjonalista jrid jaħdem b’mod differenti billi flimkien nibnu front komuni
f’dan il-qasam li jkun imsejjes fuq ħames prinċipji. Jekk il-Gvern lest
jaċċetta dawn il-prinċipji allura jkun jista’ jistrieħ fuq l-appoġġ
tal-Oppożizzjoni:
1. Li l-ħajja
umana mhix negozjabbli u li l-prijorità dejjem għandha tkun li nsalvaw
il-ħajja tan-nies;
2. Li
darba nkunu tajna sehemna biex jiġu salvati n-nies, fl-interess nazzjonali għandna
nagħmlu li nistgħu biex nikkontrollaw l-influss ta’ immigranti lejn
pajjiżna biex dan ma jkunx ta’ piż li aħna ma nifilħux għalih. Dan ifisser li
nkomplu nsaħħu s-sorveljanza tal-fruntieri marittimi ta’ pajjiżna, kif ukoll li
naħdmu fuq livell Ewropew u internazzjonali biex l-influss jiġi kkontrollat
mill-punt tal-pajjiżi tal-oriġini, ta’ transitu u eventwalment ta’ destinazzjoni
u sabiex il-piż ma jintrefax biss mill-pajjiżi li bħalna, jinsabu fuq l-għatba
tal-Ewropa, iżda jinqasam b’mod ġust bejn kulħadd skont il-prinċipju
tas-solidarjetà;
3. Li kulħadd
għandu d-dritt li jiġi trattat b’dinjità u li jingħata d-dritt li jitlob
il-protezzjoni f’pajjiżna. Għaldaqstant, il-politika tal-pushbacks
m’għandhiex tkun aċċettabbli minn Gvern li jirrispetta d-drittijiet
tal-bniedem. Daqstant ieħor, kull min m’għandux dritt għall-protezzjoni
m’għandux jintbagħat lura;
4. Għandha titwarrab il-politika
populista dwar l-immigrazzjoni għaliex din ma twassal għall-ebda soluzzjoni
ħlief li trewwaħ il-biża’ u l-mibegħda inutilment u twassal għal ksenofobija u
razziżmu, u tagħti lok għal partiti politiċi ksenofobiċi kif rajna fl-aħħar elezzjoni
tal-Parlament Ewropew; u
5. Għandu jkun hemm kooperazzjoni
sinċiera bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, fejn il-Gvern iżomm
lill-Oppożizzjoni infurmata kontinwament dwar l-andament tas-sitwazzjoni, b’mod
partikolari permezz ta’ laqgħat regolari tal-Kumitat Parlamentari dwar
l-Immigrazzjoni, li għandu jitlaqqa’ anke fuq talba tal-Oppożizzjoni.
--
Uffiċċju
Informazzjoni
Partit
Nazzjonalista
No comments:
Post a Comment