1. Il-kriżi finanzjarja li l-pajjiż ħabib
u ġar tagħna sab ruħu fiha titlob numru ta’ riflessjonijiet. Nibda billi ngħid li m’għandix dubju li dan
l-Istat fis-snin li ġejjin issa li fehem il-konsegwenzi ta’ aġir passat ser
jissupera dan il-mument ferm diffiċli.
Il-Griegi huma magħrufa għall-abbiltajiet tagħhom, huma fost il-popli
ħawtiela tagħna, mimlijin bi kreattività, kultura u imprenditorija. Il-letteratura antika tagħhom tixhed proprju
dawn l-abbiltajiet. Il-vjaġġ ta’ Ulisse
lura lejn Itaka huwa kollu bbażat fuq dan l-ispirtu avventuruż, wieħed li
jixhed kemm mhumiex nieqsa mill-kuraġġ u d-determinazzjoni.
2. Meta sentejn ilu kont mort niltaqa’
mal-Ministru tal-Intern kont bqajt impressjonat b’dak il-wirt elettorali li
ħallew warajhom ta’ qabilhom. Skantajt
aktar però bil-fatt li kuljum kien hemm dimostrazzjonijiet għaddejjin, daqqa
fuq ħaġa u daqqa fuq oħra. Kull ġurnata
li kont hemm kien hemm jew settur jew ieħor tal-ħaddiema li kienu qed
jipprotestaw fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Is-sitwazzjoni aggravat aktar ruħha meta f’waħda minnhom, student
anarkiku spiċċa maqtul. Minn dak
il-mument 'il quddiem, is-sitwazzjoni kienet saret intollerabbli. Tant qam inkwiet li kwalunkwe forma ta’
bidla, ta’ riformi, saru impossibbli għall-gvern preċedenti, li wieħed irid
jgħid li ħadem u pprova jibdel l-istat tal-affarijiet, imma ma ħallewħx.
3. Flok ittieħdu deċiżjonijiet sabiex jiġi
riformat is-settur ekonomiku u finanzjarju ma ġara xejn u baqa’ biss li hemm
bżonn bidla li però ma tistax issir.
Il-gvern il-ġdid ta’ George Papandreou sab ruħu ffaċċjat minn stat ta’
affarijiet li, in parti, kien ikkontribwixxa għalih huwa stess billi ma daħalx
sabiex jagħti spalla lill-gvern ta’ qablu anzi, f’ħafna sens, ostakolah
ukoll. Dan il-kumulu ta’ problemi kompla
sabiex ġieb punt fejn l-Istat Grieg ma setax ikompli jaħrab minnu jew jgħix
fl-illużjoni li m’hemmx bżonn ta’ aġir drastiku.
4. Il-fatt li l-problemi,
id-diffikultajiet flok ġew affrontati ġew skartati ġieb valanga akbar. Jidher ċar li llum waslu fejn waslu proprju
għax ma ġietx aċċettata r-realtà.
Għalhekk, Papandreou sab li jrid jieħu deċiżjonijiet iebsa tassew, li
żgur li m’humiex popolari, imma li rrendew ruħhom neċessarji. Pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, tagħna nkluż,
sabu li jridu jieħdu minn dawn il-passi u ħaduhom ferm qabel, mentri l-Greċja
baqgħet lura. Dan huwa evidenti meta
tara x’iddeċidew l-Estonja, il-Litwanja u diversi oħra, aħna nklużi, biex
flimkien naffrontaw l-effetti negattivi li l-kriżi finanzjarja ġiebet.
5. Illum il-Greċja ġiet li trid titlob
lill-Membri l-oħra tal-Unjoni l-assistenza f’self, ħaġa li setgħet tagħmel għax
għandha l-vantaġġ li qegħda proprju fi ħdan is-sistema monetarja unika –
l-ewro. Però dan ma kienx
biżżejjed. L-istat finanzjarju ma kienx
marbut sempliċement ma’ manuvrar ta’ self ta’ flus, imma ferm iktar minn
hekk. Il-miżuri meħuda huma verament
qawwija u drastiċi, li jinkludu fost oħrajn żieda fir-rata tal-VAT, l-iffriżar
tas-salarji tal-impjegati tal-Gvern, tkeċċija mill-impjieg ta’ kull min għandu
kuntratt temporanju, tneħħija ta’ kwalunkwe ħlas ta’ bonus annwali u żieda
fit-taxxa fuq il-petrol, diesel, tabakk u xorb.
6. Din il-bomba ta’ miżuri fir-realtà hija
kollha magħmula minn kumulu ta’ passi li kellhom jiġu meħuda qabel li, għal
raġunijiet varji, baqgħu ma tteħdux.
Issa li damu tant snin għaddejjin ma jiċċaqilqux sabu rwieħhom f’din
is-sitwazzjoni mill-iktar imbarazzanti.
Dawn pressjonijiet li jiġu lil diversi politiċi, però hawn irid jingħad
li jidher ċar li l-finanzi ta’ l-Istat ġew abbandunati. Biżżejjed wieħed jara li l-evażjoni tat-taxxa
hija verament endemika biex jifhem kemm kollox tħalla lura.
7. Il-lezzjoni Griega għandha tidher ċara
ma’ kulħadd, speċjalment ma’ dawk li jiġu ttantati jgħidu lill-poplu li
l-miżuri iebsa m’hemmx bżonnhom.
Il-poplu Malti huwa xxurtjat li għandu Gvern li, bid-difetti kollha
tiegħu, jirnexxilu jifhem il-problemi u jieħu d-deċiżjonijiet xejn popolari,
imma salutari. Nawguraw mill-qalb lill-poplu
Grieg sabiex jaffronta u jegħleb din is-sitwazzjoni. Il-Prim Ministru tagħna żamm quddiemu li kull
ma jidher bħala deni għandna neħduh sabiex nittrasformawh f’ġid. Hekk imxejna u għalhekk dan il-poplu għadu
qiegħed javvanza 'l quddiem b’pass tajjeb u kontinwu.
Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tad-9 ta mejju 2010.
No comments:
Post a Comment