15.11.11

Budget 2012: Ġustizzja Soċjali

Minkejja d-diffikultajiet finanzjarji, dan il-Gvern baqa jżomm għoli l-valuri li jħaddan. Filwaqt li ħaddieħor wasal fil-punt li jnaqqas servizzi soċjali, jibda jżarma l-pilastri tal-“welfare state” aħna ħadna ħsieb li nkomplu nissudawhom. Għalkemm ġejna akkużati li aħna bla qalb, insensittivi u ma nħarsux id-dimensjoni soċjali, l-budget tal-bieraħ juri l-kontra. Il-prinċipji demokristjani tagħna żammejnihom sabiex inkomplu nagħmlu l-ġid. U hekk ser nibqgħu nagħmlu. Il-kriżi finanzjarja internazzjonali hemm kienet u għal issa ser tibqa magħna, però f’dan il-pajjiż l-prijoritajiet u r-ruħ soċjali hemm ser jibqgħu.

14.11.11

Il-Kumitati tal-Kamra

1.    Matul din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nidher quddiem wieħed mill-Kumitati tal-Kamra tad-Deputati sabiex nirrapporta dwar kemm jista’ jkun punti mill-ħidma li saret tul din is-sena fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Fil-Kamra, bi qbil bejn iż-żewġ naħat, kien ġie deċiż li l-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali jkollu wkoll id-dmir li jittratta dan is-suġġett partikolari.  Fit-tlett snin li għaddew, bħala Ministru rajt żviluppi varji f’xenarji politiċi u finanzjarji li tbiddlu l-ħin kollu.  Kelli mumenti diffiċli, interessanti u rari ħafna li għaddiet ġimgħa mingħajr ma qamet xi kumplikazzjoni.

2.    Fortunatament għalija, meta ħadt il-ġurament tal-ħatra għażilt li kull nħar ta’ Tnejn niġbor f’laqgħa l-partijiet kollha li fil-Ministeru jagħtu sehemhom f’dan is-settur.  Għalkemm mhux parti minna, il-Forzi Armati dejjem attendew.  B’dan stajt ikolli kuntatt dirett ma’ dak li kien qiegħed jiġri.  Rapporti varji fuq kull parti waslu u ġew diskussi.  Mhux dejjem tifhem mill-ewwel dak li jkun qiegħed jiżviluppa, però d-diskussjoni u l-għarbiel tal-informazzjoni wassluna sabiex nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet importanti.  Imxejna sew.

3.    Kien hemm min ipprova jieħu vantaġġi politiċi u ngħid li, sa ċertu punt, irnexxielu.  Qamu fil-pajjiż sentimenti li bħalhom ma konniex rajna qabel.  F’daqqa waħda kellna sinjali ta’ razziżmu u ksenofobija, li ma kienux faċli li jiġu kkontrollati.  Fil-poplu kien hemm mewġa ta’ biżgħat kbar li ser nittieħdu, li ser insiru kollha musulmani, li pajjiżna mhux ser jibqa’ kapaċi jieħu ħsieb li jikkontrolla.  Kienu għalija mumenti iktar diffiċli meta sibtni naffronta mhux biss dawn il-kurrenti interni, imma wkoll esterni, xi mindaqqiet minn pajjiżi oħra.  Fortunatament, dak li kien qiegħed jipprevedi ħaddieħor, ma seħħx.  Ikkontrollajna u żammejna l-pożizzjoni tagħna mingħajr estremiżmi, diskorsi populisti, ħmerijiet jew aġir anti-demokratiku u razzista.

4.    Rajna diversi persuni jaslu hawn, sija għax fil-maġġoranza salvati mill-għarqa - minn ħalq il-mewt, kif ukoll għax tilfu triqithom u spiċċaw hawn.  Lil dawn il-persuni, kuntrarjament għal dak li niġu kkritikati dwaru, minn żmien għal żmien tajnihom u għadna nagħtuhom trattament tajjeb.  Veru li għandna politika ta’ detenzjoni li hi odjuża minnha nfisha, imma fiċ-ċirkostanzi tagħna, hija neċessarja.  Ħadd li għandu ftit sens komun ma jista’ jippretendi li din ma tiġix applikata, inkella twassal għal konfużjoni soċjali li l-effetti tagħha m’humhiex żgħar.  Ma ċċaqlaqniex mil-linja politika tagħna, però ċċaqlaqna sabiex nipprovdu kundizzjonijiet aħjar.

5.    Fil-Kumitat, it-Tlieta wara nofsinhar, stajt nagħti rendikont ta’ kemm persuni ġew f’pajjiżna fl-ewwel xhur tas-sena u x’qiegħed jiġri llum.  L-istatistika turi li waslu hawn 1535 persuna, li minnhom 268 kienu nisa u 125 kienu tfal.  Fil-maġġoranza tagħhom, 411 ġew mis-Somalja, 288 mill-Eritrea, 240 min-Niġerja u 103 mill-Etijopja.  Kull min wasal għamel talba sabiex jiġi rikonoxxut bħala refuġjat.  Dawn l-applikazzjonijiet ġew, fil-maġġor parti tagħhom, proċessati mill-Kummissarju għar-Rifuġjati.  Fil-fatt, fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni hemm preżentement 682 persuna u fiċ-Ċentri Miftuħa l-figura hija ta’ 2147.

6.    Tul dawn is-snin, l-esperjenza uriet kważi l-ħin kollu li dawn il-persuni jiġu hawn però jridu jmorru f’pajjiżi oħra.  Matul dawn is-snin, numru minnhom ġew ripatrijati u oħrajn, numru inqas, marru lura minn jeddhom.  Biss, il-maġġor parti jiċċaqilqu.  Ma’ dan iżda, aħna rnexxielna nibnu ħidma ma’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li permezz tagħha ġew rilokati f’dawk il-pajjiżi madwar 1000 ruħ, li kompla għen.  Sar ħafna xogħol li nittama li fil-laqgħat li ġejjin fi ħdan dan il-Kumitat, il-persuni li taw sehemhom u jien ninfurmaw dwaru iktar.  L-immigrazzjoni irregolari mhix ser tisparixxi.  Pajjiżna jibqa’ fiċ-ċentru tal-Mediterran u għalkemm il-volum, il-metodu u l-persuni jinbidlu, xorta waħda hemm ser tibqa’.  Irridu nibqgħu attenti, preparati u viġilanti.  Dan qegħdin u ser inkomplu nippruvaw nagħmluh.

9.11.11

Politika umana

1.    Tul dawn l-aħħar snin affrontajna sitwazzjonijiet varji fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Kellna xenarji diffiċli u kkumplikati li mhux dejjem rajt persuni jagħmlu użu mir-raġuni fi kliemhom jew ħsibijiethom.  Anzi, kien evidenti li ħafna taw il-kontribut tagħhom fil-kamp politiku  u pubbliku mingħajr ma kellhom l-ideat ċari fuq x’kienu l-punti determinanti u importanti.  Sfortunatament, ħafna qabżu fin-nofs u flok qalu dak li kellhom jgħidu bħala persuni li għandhom is-sens komun, il-valuri u mhux l-opportuniżmu, qalu diskors li qajmu r-razziżmu u x-xenofobija.  Mill-2008 ‘l hawn rajna, verament, diskors mingħajr sustanza u ebda proposta vera, proprja u konkreta.

2.    Ħadna diversi passi konkreti fuq livelli varji sabiex naffrontaw verament it-traġedja li konna qed narawha sseħħ quddiemna.  B’eluf ta’ bnedmin jaqsmu mill-ixtut Libjani fuq biċċiet tal-baħar mingħajr saħħa, ser jaqgħu l-aħħar, kont nibqa’ skantat kif kont nisma’ u naqra min kien jagħtini l-parir li m’għandniex inħalluhom jiġu hawn.  Fortunatament f’dan qatt ma ħadna deċiżjoni waħda li permezz tagħha bnedmin bħalna setgħu tilfu ħajjithom.  Għal dawn is-snin twal f’din il-mewġa, bħala Gvern kellna nikkumbattu fil-pajjiż u barra minnu sabiex inżommu għolja l-bandiera tas-sewwa u l-valuri nsara li nemmnu fihom.  Sibtni f’sitwazzjonijiet li meta dħalt fil-politika ma kontx, qatt u qatt nimmaġina li ser insibni fihom.

3.    L-immigrazzjoni irregolari ilha fuq l-aġenda tal-pajjiż u l-poplu kien wera, diversi drabi, l-inkwiet tiegħu dwarha.  Però, tul dan iż-żmien fehem li l-Gvern kellu moħħu ċar u ħa passi diretti sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet tul dawn is-snin.  Anqas f’din is-sena, li kienet hija wkoll waħda iebsa.  Nammetti li fix-xhur li għaddew, prinċipalment wara s-17 ta’ Frar, għaddejt minn ġimgħat twal ta’ inkwiet proprju fuq dan.  Min-naħa kellna l-piż tal-organizzazzjoni interna sabiex wieħed iwieġeb għax-xenarji varji marbuta mal-aspetti umanitarji u fuq in-naħa l-oħra rajt quddiemna t-theddida ta’ mewġa ferm u ferm ikbar ta’ immigrazzjoni irregolari milli qatt konna qegħdin naħsbu.  It-tbassir kien wieħed mill-iktar ikrah li taqqalli moħħi bl-effetti u konsegwenzi li setgħu jiġru f’pajjiżi.

4.    Ħadt diversi keded fuq dan u kkumbattejna, speċjalment meta, kif għidt, il-previżjonijiet kienu ta’ eluf kbar ta’ bnedmin li jitilgħu bil-baħar jaħirbu mill-ġlied.  Nassigura li ma kienx faċli u f’xi mument forsi nikteb f’iktar dettall fuq dak li għaddejna minnu.  Anke jekk sibtni għal ġimgħat twal norqod tlieta jew erba’ siegħat mal-lejl, speċjalment meta fi ftit jiem rajt madwar elf ruħ jaslu hawn.  Biss kelli dejjem spalla b’saħħitha madwari.  Il-Prim Ministru kien gwida ċara, diretta u ta’ sostenn fil-linja li ħadt.

5.    Ippreparajna rwieħna sew għal diversi eventwalitajiet, però altru taħseb x’jista’ jiġri u altru x’attwalment tara jseħħ quddiemek.  Waslu persuni hawn u rrid nirringrazzja lid-diversi uffiċjali, diretturi u impjegati tal-Istat li raw li l-parti tagħna saret sew.  Xejn ma kien faċli.   Nirringrazzja mill-qalb il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tal-uffiċjali li fi ħdan il-Gvern taw sehem.  Iktar u iktar meta f’dawn l-aħħar ġimgħat ħareġ ċar kristall li r-reġim tal-Kurunell Muammar Ghaddafi kellu id sew f’dan kollu.  Jidher li l-moviment ta’ persuni użah bħala strument politiku kontra tagħna, imma prinċipalment kontra l-Italja.  Il-bilanċ politiku li żammejna, mertu tad-direzzjoni tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, serviena sabiex ma nipperikolawx u ma naggravawx.

6.    Għalkemm ġejna kkritikati fuq elf ħaġa u kellna diversi persuni li jikkunsidraw ruħhom bħala esperti jippontifikawlna, dan il-Gvern għamel il-parti tiegħu tajjeb.  Mertu ta’ ħidmietna, żammejna saqajna mal-art.  Persuni li ħaqqhom status ta’ protezzjoni ngħatatilhom u minn fosthom, speċjalment familji, ġew integrati f’pajjiżi oħra.  Kien hemm min ipprova jarmi jew iċekken din il-ħidma imma din irnexxiet għax kompliet tagħti futur lil min verament kien jimmeritah.  Bit-tmiem tar-reġim fil-Libja infetaħ kapitolu ġdid.  Nittamaw li dan jibdel ukoll l-immigrazzjoni irregolari sabiex jieqaf darba għal dejjem dan l-isfruttament u abbuż fuq il-miżerja umana.  Il-futur ħadd ma jafu u għalhekk ser nibqgħu għax-xhur li ġejjin impenjati u viġilanti biex inwieġbu għar-realtà tal-isfidi li dan il-moviment iġib.  Il-politika tagħna ċara kienet u hekk ser tibqa’ – waħda li tħares lejn il-valuri, id-dinjità tal-bniedem u ma tmurx lejn id-denigrazzjoni tiegħu.

7.11.11

Tibdil fil-liġi

1.    Il-proċess li permezz tiegħu nbidlu l-liġijiet, tul din l-amministrazzjoni, kien u għadu wieħed kontinwu.  Kull ministeru ħa, u għadu qiegħed jieħu ħsieb, iressaq fil-Parlament tagħna liġijiet li permezz tagħhom jiġu mibdula u riformati diversi setturi.  Anke dak li jien immexxi preżentement żamm ritmu li, biċċa biċċa, qiegħed ikompli jaħdem sabiex jagħmel il-bidliet li jħoss neċessarji.  Żammejna quddiemna l-bżonn li naħdmu b’għaqal u naraw l-esperjenzi varji biex kemm jista’ jkun dak li jkun qiegħed isir imexxi l-progress soċjali u ekonomiku tal-pajjiż fil-valur tal-ġustizzja.

2.    Ċerti tibdiliet jistgħu jidhru faċli, oħrajn insensittivi u oħrajn impossibbli, però r-realtà hija li saru b’paċenzja u attenzjoni għad-dettall.  B’dan il-proċess, li jibqa’ dejjem iħares lejn l-uman, f’dawn l-aħħar snin inbidlu diversi setturi.  Uħud wasslu għal riżultati immedjati, oħrajn ħadu l-ħin tagħhom.  L-iktar importanti hu dejjem li wieħed ma jaqtax qalbu u jibqa’ jipprova jasal biex isib soluzzjoni.  B’dan l-għan ukoll, f’dawn il-jiem ser jiġi pubblikat abbozz ta’ liġi ieħor li permezz tiegħu ser jiġu introdotti numru ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili.

3.    Settur li numru ta’ drabi jsib lilu nnifsu fil-gazzetti huwa dak marbut ma’ kawżi ċivili li jsiru fil-Qorti tal-Familja biex jiġu identifikati jew dikjarati legalment persuni bħala l-missirijiet bioloġiċi tal-ulied.  F’din il-Qorti jiġu ppreżentati varjetà ta’ każijiet.  Xi drabi jsiru mill-ġenituri – daqqa mill-mara, daqqa mir-raġel fiż-żwieġ, daqqa mill-missier bioloġiku u xi drabi mill-istess ulied.  Fil-passat, il-prova f’dawn il-kawżi kienet tiddependi fuq fatti esterni, xhieda u provi diretti u indiretti li mhux dejjem kienu jippermettu ġudizzju ċar.  Fil-fatt kien magħruf li anke jekk kien hemm xi indikazzjoni, ħafna drabi l-każijiet fil-Qorti kienu jibqgħu ma jsirux.

4.    F’dawn l-aħħar snin, ix-xjenza moderna avvanzat ħafna.  Permezz tat-teħid ta’ kampjuni tad-DNA, fix-xjenza deoxyribionucleic-acid, dan is-settur inbidel ta’ taħt fuq.  Filwaqt li l-iktar viċin li kellna kien it-teħid ta’ kampjuni tad-demm, li kienu għenu, biss kien magħruf li ma kellhomx ċertezza ħlief f’każijiet uniċi.  Illum, b’dan il-proċess hemm b’mod mill-iktar ċert li l-prova tar-rabta tad-demm bejn il-ġenitur bioloġiku u l-ulied.  Mhux biss dan, imma l-pendlu tal-importanza ta’ dak li s-soċjetà trid tikseb permezz tal-liġi nbidel ukoll.  Għamilna żmien li fih kien hemm iktar interess li titħares il-familja u l-preferenza kienet li, kemm jista’ jkun, ulied imwielda fiż-żwieġ jibqgħu hemm.  Dan illum inbidel ukoll – l-interess inqaleb għal fuq id-dritt li l-ulied ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom.

5.    F’dawn l-aħħar ħames snin, fil-Qorti tal-Familja daħlu madwar 365 każ ġdid marbuta ma’ dawn it-talbiet.  Ovvjament, l-użu tal-eżamijiet xjentifiċi tad-DNA għamlu differenza, speċjalment fejn il-partijiet jaqblu li jgħaddu kampjuni mingħajr diffikultà.  Hemm il-kawża tintrabat u ssib mod iktar espedjenti biex tiġi magħluqa billi tiġi stabbilita b’mod ċar min huwa min.  Is-sena li għaddiet għamilna numru ta’ emendi fil-Kodiċi li permezz tagħhom estendejna ż-żmien li fih tista’ tiġi talba fuq dan is-suġġett, kif ukoll li tajna l-possibilità li l-proċeduri jsiru minn kull min għandu interess u neħħejna artikolu li kien jistabbilixxi li dak li tgħid il-mara m’għandux piż fil-prova f’kawża.

6.    Bqajna lura sabiex nistudjaw aktar fit-tul artikolu partikolari.  Illum il-Qorti għandha, f’dawn il-kawżi, sitwazzjoni fejn ma tistax iġġiegħel lill-partijiet li jagħtu kampjuni.  Il-Qorti tista’ tistieden u wara tasal għall-konklużjonijiet tagħha u għalhekk, fil-każ ta’ min ma jagħtihx, il-Qorti jkollha diffikultà biex tasal għal konklużjoni.  Fil-Ġermanja, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni hija differenti.  Hemmhekk il-qorti għandha d-dritt li tordna li kampjuni jiġu meħuda.  Dan ifisser li dawn il-każijiet jistgħu jiġu deċiżi iktar malajr u dan fl-interess tal-ulied involuti.  Bis-sistema tagħna għandna numru ta’ persuni li jibqgħu mdendlin fin-nofs.  Jafu li huma ulied ta’ persuna imma m’għandhomx dan f’ċertifikat tat-twelid.  Għalhekk, f’dan l-abbozz ta’ liġi ser nipproponu fil-Parlament li s-sitwazzjoni tiġi mibdula u l-Qorti tingħata l-fakultà li tordna.  Dan għandu jġib tibdil ieħor fis-soċjetà.  Ċert li ser ikun hemm dibattitu sod u b’saħħtu fuq dan il-punt.

5.11.11

Responsabbiltà, prudenza u esperjenza

 Dan l-artikolu kien deher fil-ġurnal Il-Mument nhar il-Ħadd 26 t'Awwissu 2011. 

1.    Ix-xenarju fil-Libja f’din l-aħħar ġimgħa biddel totalment dak li kien ilu għaddej mis-17 ta’ Frar.  Il-pajjiż verament viċin għalina ħiereġ minn kapitolu li kien ilu fih tnejn u erbgħin sena u dieħel f’ieħor kompletament differenti.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir minn dan il-poplu Libjan.  Il-pajjiż huwa sinjur, biss minn din l-esperjenza qiegħed joħroġ imfarrak, b’diffikultajiet u kumplikazzjonijiet xejn faċli.  Biss ir-riħ tal-libertà, il-kuraġġ li tqum kontra t-tirannija, il-bżonn tal-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, ladarba jkollhom l-ispazju, jimirħu u jirbħu.

2.    Il-gwerra ċivili fi ħdan dan il-poplu qed tħalli warajha mewt, distruzzjoni u instabilità kbira.  Il-feriti li nfetħu mhux ser jingħalqu malajr.  Hemm snin quddiemna fejn l-armi li nxterdu faċilment min-nies, ser jibqgħu jiġu użati sabiex jingħalqu l-“kontijiet”.  Żgur mhux forsi, dawk kollha li ilhom is-snin jissaportu, jibqgħu lura, jsofru, jiġu arrestati, jaraw lil nieshom jiġu msakkra jew jinqatlu, issa ser joħorġu.  Dak li ser jiġri mhux faċli li tipprevedih.  Hemm ħafna sfidi li jridu jiġu kkonfrontati u ssuperati.  Kollox jiddependi mill-abbiltajiet tal-mexxejja preżenti u futuri.

3.    F’dan kollu għad fadal il-kapitolu tal-persuna li ddomina u mexxa lil dan il-pajjiż.  Jekk jinqabad, jekk jaħrab, jekk jipprova jmut fil-kamp tal-battalja għad irridu naraw.  Li hu żgur hu li l-poter ħareġ minn idejh darba għal dejjem u ma jistax jieħdu lura.  Il-bidla hija inevitabbli, però jista’ jkompli jħabbathom.  Il-mexxejja tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju għandhom x’ikomplu jaffrontaw f’dan.  Il-kapaċitajiet tagħhom, l-użu tat-talenti hawn iridu jkomplu joħorġu.  Kull pass li qiegħed jiġi meħud huwa, f’ħafna sens, determinanti għall-futur tagħhom ilkoll.  Hemm diffikultajiet interni, ta’ fiduċja, ta’ viżjoni u ta’ appoġġ popolari.  Biss, f’dan il-mument huma l-persuni li ħarġu għonqhom u affrontaw il-kumplikazzjonijiet kollha ta’ bnedmin armati li m’humiex dixxiplinati f’armata.

4.    Pajjiżna, tul dawn ix-xhur twal segwa, sofra u ra kif jista’ jassisti fid-direzzjoni t-tajba.  Aħna, li aħna l-iktar pajjiż Ewropew viċin, irnexxielna nieħdu l-passi neċessarji sabiex issir is-sewwa.  Konna proattivi b’ħidma kuraġġuża u kompletament umanitarja.  L-evakwazzjoni ta’ diversi ċittadini mid-dinja kollha ġiet kollha kordinata mill-uffiċjali tagħna.  Dan bid-diffikultajiet loġistiċi, diplomatiċi u umani.  Pajjiżna ħadem bil-għaqal sabiex nissudaw ir-relazzjonijiet tagħna ma’ dan il-poplu viċin ħafna tagħna.  Kull jum ġieb miegħu deċiżjonijiet diffiċli ħafna f’ħoġor il-Prim Ministru u dawn ikkonfrontahom b’responsabbiltà, bi prudenza u bl-esperjenza.

5.    Il-pajjiż għandu għalxiex ikun kburi bil-Prim Ministru li għandna.  Tul dawn l-aħħar xhur sibtni diversi mumenti viċin tiegħu, flimkien mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg u stajt nara direttament il-prudenza, il-kuraġġ u l-viżjoni li mexxewh biex jieħu d-deċiżjonijiet li f’ebda stadju ma kienu faċli.  Fl-istorja ta’ dan il-poplu indipendenti, ebda mexxej ieħor ma sab lilu nnifsu jrid jaffronta din il-kobba tant imħabbla.  L-interessi ta’ pajjiżna nżammu b’mod ċar quddiemu, mingħajr ma tilef il-prinċipji tas-solidarjetà u rispett lejn dan il-poplu viċin tagħna.  Il-paċi interna u s-serenità ggwidawh kontinwament fid-diversi  mumenti iebsa li ra ma’ wiċċu.

6.    L-esperjenza politika, il-karriera tiegħu fid-diversi pożizzjonijiet li okkupa minn Speaker tal-Kamra tad-Deputati, għal Segretarju Ġenerali, għal Viċi Prim Ministru u mbagħad Prim Ministru ġew kollha għall-vantaġġ ta’ dan il-poplu f’sitwazzjoni taħraq nar.  Jekk hemm xi ħadd li qed jaqrani u jaħseb li t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż tista’ ssir minn kulħadd għax hija xi ħaġa faċli qiegħed iqarraq bih innifsu.  Il-pajjiż m’għadux fil-bidu imma ‘l quddiem b’sehem determinanti fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  Biss l-isfidi li għandna quddiemna kif qed naraw ma spiċċawx anżi komplew kibru fil-komplikazzjonijiet.  Il-pajjiż qiegħed jitmexxa tajjeb, iħares ‘il quddiem u jagħraf jiddistingwi bejnis-sewwa u dak li mhuwiex.  Il-kapitolu Libja huwa miftuħ beraħ.  Hemm ħafna potenzjal għall-ġid tar-rapporti soċjali u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi u dan mertu ta’ Lawrence Gonzi, li ma żgarrax waħda bir-responsabbiltà, bil-prudenza u l-esperjenza li huwa mżejjen bihom.


4.11.11

Kwistjoni ta’ identità

1.         F’din is-soċjetà preżentement qegħda tidħol il-kultura li persuni fil-politika m’għandhomx ikollhom ideat tagħhom.  Anzi, huwa mistenni minnhom li jinsew dak li jħossu jew jaħsbu li huma u jassumu lbiesi ta’ dawk li mdorrija jlibbsu lill-pupi.  Kull min iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-poplu jrid dejjem, skont din il-mentalità, jkun dak li huma jriduh ikun u mhux x’attwalment huwa.  Forsi ilna navvanzaw f’din it-triq, fejn l-“arti tal-politika” qegħda tikkonċentra hija stess li tipprova tidher dak li mhix.  Dawn l-artikoli, għalija jservuni sabiex nibqa’ fil-proċess li nkun dak li naħseb li jien, forsi xi forma ta’ konfessjoni tat-tip ta’ Albert Camus f’“The Fall” (La Chute).


2.         Il-politiku jirrappreżenta lil dawk li jiddeċiedu li jivvutawlu, però l-identità tiegħu jżommha.  Il-kultura, il-formazzjoni, il-prinċipji tiegħu, l-impenn lejn is-soċjetà, l-enerġija, id-determinazzjoni – valuri li huwa jħaddan jibqgħu direttament miegħu.  Ma jitilquhx u anzi jkun għal kollox żbaljat jekk kemm-il darba jipprova juri lilu nnifsu fil-kontra ta’ dak li hu.  Jista’ jifforma ruħu iktar, għandu jimmatura iktar bl-esperjenza li l-ħajja tagħtih però, meta jmur lura, jitlef.  Jitlef minnu nnifsu, jitlef mill-valur li jirrappreżenta u li għandu jagħti lis-soċjetà.  Illum il-poplu jrid, iktar minn qatt qabel, li jkun jaf.  Jifhem aħjar lil min qed jiġi mogħti l-kunsens tar-rappreżentazzjoni u f’dan għandu għodda ġdida, iktar ċara u diretta li toħroġ lil dak li jkun f’dak li hu.


3.         Il-politika hija servizz u responsabbiltà kbira.  Mhux dejjem tagħrafha fid-dimensjonijiet tagħha, biss iż-żmien, iċ-ċirkostanzi u l-kuntatt dirett mal-ħajja jgħabbuk iktar b’dak li hija attwalment.  Il-bnedmin, kull wieħed f’kull ċirkostanza tal-eżistenza tiegħu, jiċċaqlaq f’direzzjoni jew oħra skont dak li jkollu ġewwa fih.  Għalija, mill-esperjenza diretta f’din il-linja tiegħi u minn dak li nara f’ħaddieħor madwari, dak li joħroġ minn fommna jew minn kitbietna jiddependi fuq kemm aħna ffurmati f’kultura politika ta’ ideat ċari u sodi.  Anke jekk diversi drabi ma taqbilx ma’ argument imressaq minn politiku ieħor, meta dan ikun loġiku, ċar u bbażat fuq linja ta’ ħsieb imsejjes fuq twemmin u ideoloġija, ma tistax ma taċċettax li tressqu b’onestà u konvinzjoni interna.


4.         Nammira u nqis f’livell ogħla lil dawk li fil-politika jaħdmu, jaġixxu u jaħsbu għax għandhom il-konvinzjonijiet interni distinti tagħhom.  Konvinzjonijiet li huma marbuta u bażati mhux fuq x’qal ħaddieħor, x’ingħad fil-gazzetti, imma għax ħaseb u irrifletta fuqhom.  M’huwiex pappagall politiku li jirrepeti biss, volontarjament jew involontarjament, ideat ta’ ħaddieħor mingħajr ma jkun rahom jaħdmu jew jiġu applikati.  Għax hemm din id-distinzjoni li għalija hija importanti.  Dawk li jirrepetu u jafu li qegħdin sempliċement jgħidu dak li ngħad u li però mhux konvinti minnu narahom f’livell iktar gravi minn dawk li ġew influwenzati u ma ndunawx li dak li qed jingħad huwa bla bażi.


5.         L-identità, il-kultura, l-għeruq personali huma vitali f’soċjetà demokratika fejn min jirrappreżenta jrid jagħmel dan sewwa - kif kien qal tant tajjeb Christopher Lasch fil-ktieb tiegħu “The Revolt of Elites and the Betrayal of Democracy”, li jimmerita attenzjoni u qari dettaljat.  Meta l-kuntatt mal-art li wieħed jirrappreżenta jinqata’, intellettwalment imur lura.  Mhux qiegħed b’xi mod nirreferi għall-kuntatt uman, fiżiku, imma dak li jitwieled minn riflessjonijiet fuq dak li aħna u li jaħdem għalina.  Soluzzjonijiet politiċi ta’ dawk li jiġu minn esperimenti jew suġġerimenti f’pajjiżi oħra jridu kull darba jitqegħdu lura fil-proporzjon u skont din l-art.  L-ideat, l-azzjonijiet jagħtu frott fl-ambjent u l-ħamrija li tilqagħhom, mhux li ma taċċettahomx.  Minflok ġid, ħsara titwieled.  Hemm ġlieda ta’ identità ta’ ideat li jridu jsiru.


6.         Reċentement qrajt dak li awtriċi mill-Ghana, Nana Ayebia Clarke ġiet irrappurtata li qalet, u laqtuni żewġ punti.  L-ewwel: “Ayebia insists that African children who are being constantly fed with a western diet of books, will grow up neglecting or rejecting their own culture.”  Kemm għandha raġun f’dan, li jgħodd għal kull komunità, soċjetà, nazzjon u poplu.  Ma naċċettax din id-dominanza ta’ kulturi li tant huma marbuta f’moħħhom li ma jistgħux jaċċettaw oħrajn.  Għalihom, soċjetà hija aċċettabbli biss jekk tikkonforma preċiżament ma’ dak li għandha hi.  Għalhekk, flok hemm rispett reċiproku u għarfien tal-wirt tad-diversità li tant vjaġġaturi, ibda minn Marco Polo, tant kienu jibqgħu mmeraviljati bihom, għandhom forom ta’ tiranniji li joqtlu l-identitajiet.


7.         Laqtuni wkoll fit-tieni punt dawn il-kliem: “Because knowledge is power, and the control of knowledge has always been a political question that makes the arena for cultural production a site of struggle for dominance and a site of struggle for the power to define, legitimise and consecrate ideas, produces and products.  Those with power will dictate the manner in which our institutions are structured and instructed for their benefit not ours.”  Jekk qabel id-dominanza kolonjali kienet iġġib magħha fatturi ta’ dan il-livell, illum bil-midja internazzjonali għandek dominanzi oħra.  Ċerti drabi, pajjiżi tarahom jaċċettaw dak li meta kienu kolonji irrifjutaw, u dan għax għandna kawżali ġodda li aħna stess ma narawx u ma nagħrfux.  Meta ma hemmx identità jkun hemm serviliżmu għall-ideat ta’ ħaddieħor.  In-nuqqas ta’ formazzjoni kulturali, soċjali, fl-għeruq tal-art iġibu dak li m’aħniex.  Il-politika hija kwistjoni ta’ identità – waħda li tagħmel differenza.

Dan l-artikolu deher fil-ħarġa tal-ġurnal Illum tal-10 ta' Lulju 2011.

Għażel triqtu?


1.                  F’dawn il-jiem wara t-tmiem tal-ħajja tal-Kurunell Muammar Ghaddafi u ta’ erbgħin sena tar-renju tiegħu, erġajt mort lura f’numru ta’ eventi mill-passat.  Ftakart f’xi konversazzjonijiet li kelli mal-Ġeneral Abdel Fatah Younis, li kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern fl-aħħar “gvern” ta’ Ghaddafi.  Kien dirett lejn il-punt.  Ebda forma ta’ diplomazija, anzi persuna tal-armata li kellu f’rasu li jrid jibqa’ fil-poter mhux bl-użu sempliċi jew normali tal-politika.  Kull meta rajtu laqagħni ta’ persuna li kien jikkonsidra ħabib.

 
2.         Fi Frar ta’ din is-sena kien ċar li kienet ġejja r-rivoluzzjoni.  Niftakar f’dak li rajt u ħassejt meta f’Diċembru tal-2010 kont lura Tripli.  Fl-aħħar ta’ Jannar, fil-kurituri tal-Parlament tagħna ltqajt ma’ membru tal-Oppożizzjoni u għidtlu li kien jidher ċar li ċaqlieq kien ser ikun hemm u li kien differenti ħafna minn dak tas-soltu.  Ngħid li Ghaddafi stess kien ħass dan, għax diskorsu f’dawk il-jiem kien, biex ngħid, l-inqas interessanti.  Ftakart li f’mument, ma’ dan il-Ġeneral Younis, jien u nkellmu bl-Ingliż u jweġibni lura bl-interpretu għamilt żball.  Għidtlu li kont nippreżumi li stajt nitkellem bit-Taljan ladarba rajtu li qisu l-Ingliż ma jippossjedihx.  Ħabta u sabta dar fuqi u qalli, issa bl-Ingliż, li huwa kien min-naħa ta’ Benghazi, mhux Tripli, u għalhekk it-Taljan ma jħaddmux.  Rajtha iktar tard stramba din ir-reazzjoni, kważi nazzjonalista ta’ parti mil-Libja minn xi ħadd li ħarġet bħala molla f’poplu li suppost ilu magħqud mill-1952.

 
3.         Anke f’Diċembru, meta mort għal laqgħa ta’ jumejn, li f’daqqa waħda nbidlet f’waħda ta’ nofs ta’ nhar.  Fejn is-soltu kien ikolli s-sigurtà bħala Ministru tal-Intern, f’daqqa waħda sibt ultra-sigurtà.  Immur fejn immur kelli purċissjoni ta’ karozzi u muturi li xejn ma kien iżommhom lura.  L-atmosfera bejn il-ministri l-oħra kienet hi wkoll interessanti.  Dawk li kienu ġejjin mit-Tuneżija, l-Alġerija, l-Marokk u l-Mawretanja qisu kienu qed iħossu li xi ħaġa kienet qegħda tbaqbaq minn taħt.  Fejn is-soltu ħafna ferħ, diskors u trasmissjoni ta’ ħsieb li xejn ma jwaqqafhom, kien hemm attenzjoni.  Fatah Younis biss rajtu li għad għandu kontroll fuq ta’ madwaru.

 
4.         Kif sibtni b’daqshekk ħin fuq idejja u li ma stajtx naqbad u niġi lura, talbthom li f’jum jeħduni Leptis Magna u l-għada Sabrata.  Fejn is-soltu ma kienx ikun hemm problemi jew ostakli għal dawn ix-xewqat, ressquli ħafna skużi fuq Leptis Magna u Sabrata ħaduni kmieni filgħodu, mas-sebgħa u nofs.  Dan il-komportament ukoll kien stramb.  Il-Ministru tal-Intern, fejn is-soltu kien ikollu l-ħin, sparixxa – kif għamlu l-ministri l-oħrajn li qisu riedu jagħtu l-messaġġ li kienu skansawha.

 
5.         Għalhekk ma rajt xejn stramb jew ta’ barra minn hawn meta ġejt infurmat li wara s-17 ta’ Frar kien hu, dan il-Ministru tal-Intern li telaq lil Ghaddafi l-ewwel.  Żamm ruħu ‘l bogħod minn mal-poplu proprju għax kien jaf kemm hu sogru kbir li dar kontra minn ħatru.  Ma hemmx dubju li kien lura mal-poplu tiegħu deċiż li jikkumbatti bl-aħjar abbiltajiet tiegħu sabiex ineħħi dan ir-reġim.  Żgur li mexxa l-moviment militari sabiex jaqleb billi kien jaf ma’ min qed jagħmilha.  Kif nafu, spiċċa maqtul huwa wkoll tul il-gwerra f’ċirkostanzi misterjużi f’mument mill-iktar delikat.  Uħud jgħidu li qatluh naħa, oħrajn oħra.

 
6.         Li però baqa’ impress f’moħħi kienet intervista li saritlu fil-bidunett tal-konflitt.  Ġie mistoqsi kif Ghaddafi ser jispiċċa.  Ma kellux illużjonijiet u kien jaf sew il-persuna li kien qiegħed jitkellem dwarha.  Iddikjara li ma kienx ser jaħrab jew iċedi l-poter, anqas li jneħħi ħajtu, imma li jagħżel li jinqatel bl-armi f’idu bħal martri.  Dawn il-kliem baqgħu jidwu fil-kurituri ta’ moħħi f’dawn ix-xhur, biss fl-aħħar xahrejn tlaqthom.

 
7.         Reġgħu ġew lura quddiemi fl-aħħar xeni tal-qtil tal-Kurunell Ghaddafi.  Għalkemm rajt u qrajt dikjarazzjonijiet ta’ stmerrija mill-pajjiżi bħal tagħna li jħaddnu prinċipji demokratiċi li jesiġu li kull pesuna għandha tiġi proċessata u ħadd ma jista’ jieħu l-liġi f’idejh, reġgħu ġew f’widinti kliem Younis.  Kien mill-iktar stramb kif Ghaddafi, li seta’ jaħrab qabel, seta’ jsib kenn f’pajjiż ieħor, għażel li jibqa’ hemm.  Iktar diffiċli li għażel li jinstab waħdu, abbandunat ġewwa post li ma naħsibx li kien qiegħed jittama li ma jarawhx.  Wara tant nies miegħu, possibbli ħallewh waħdu f’dik it-toqba?  Mingħajr ma ridt, tajjeb jew ħażin staqsejt: “Għażilha hu?”.  Kienet din it-triq li għażel?  Ried jinżel fil-moħħ tiegħu bħala martri?  Domandi li għalihom m’għandix tweġiba.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...