27.6.24

MARSAXLOKK - SUSSIDJI FUQ KIRJIET LI SARU QABEL L-1995 U WARA

19780. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti Marsaxlokk li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara u jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?

 

05/06/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma l-Onor. Interpellant li fis-sena 2023, f'Marsaxlokk kien hemm 2 benefiċjarji li bbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 bi spejjeż totali ta' €5,474.70 u 8 benefiċjarji li bbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru wara l-1995 bi spejjeż totali ta' €31,708.04, filwaqt li kien hemm każ wieħed ta' żgumbrament.

 

Seduta  252

26/06/2024

MARSAXLOKK - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI

19779. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit f’Marsaxlokk u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?

 

05/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 kien hemm 218 -il benefiċċjarju tal-In Work Benefit residenti Marsaxlokk. Flimkien mal-In Work Benefit, il-benefiċċjarji komplessivament rċevew dawn il- benefiċċji/allowances/ pensjonijiet kif indikat fi tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  252

26/06/2024

ĦAL GĦAXAQ - SUSSIDJI FUQ KIRJIET LI SARU QABEL L-1995 U WARA

19778. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti Ħal Għaxaq li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara u jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?

 

05/06/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma l-Onor. Interpellant li fis-sena 2023, f'Ħal Għaxaq kien hemm 23 benefiċjarju li bbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 bi spejjeż totali ta' €87,681.23 u 47 benefiċjarju li bbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru wara l-1995 bi spejjeż totali ta' €175,533.15, filwaqt li ma kien hemm l-ebda każ ta' żgumbrament jew ta' persuni li rrikorrew għall-assistenza minħabba żgumbrament.

 

Seduta  252

26/06/2024

ĦAL GĦAXAQ - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI

19777. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit f’Ħal Għaxaq u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?

 

05/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2023 kien hemm 402 benefiċċjarju tal-In Work Benefit residenti f’Ħal Għaxaq. Flimkien mal-In Work Benefit, il-benefiċċjarji komplessivament rċevew dawn il- benefiċċji/allowances/pensjonijiet kif indikat fi tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  252

26/06/2024

WIED IL-GĦAJN - SUSSIDJI FUQ KIRJIET LI SARU QABEL L-1995 U WARA

19776. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti Wied il-Għajn li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara u jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?

 

05/06/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma l-Onor. Interpellant li fis-sena 2023, f'Wied il-Għajn kien hemm 216 benefiċjarju li bbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru wara l-1995, bi spejjeż totali ta' €802,333.80, filwaqt li ma kien hemm l-ebda każ ta' żgumbrament jew ta' persuni li rrikorrew għall-assistenza minħabba żgumbrament.

 

Seduta  252

26/06/2024

WIED IL-GĦAJN - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI

19775. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit f’Wied il-Għajn u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?

 

05/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 kien hemm 897 benefiċċjarju tal-In Work Benefit residenti f’Wied il-Għajn. Flimkien mal-In Work Benefit, il-benefiċċjarji komplessivament rċevew dawn il-benefiċċji/allowances/pensjonijiet kif indikat fi tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  252

26/06/2024

IL-KALKARA – RINELLA – RESTAWR FIL-ĦAJT FIL-KUMPLESS TA’ BIGHI

19774. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet inbdew biex il-parti tal-ħajt fil-kumpless ta’ Bighi, fir-Rinella l-Kalkara li kien waqa’, jiġi restawrat? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex jiġi kkunsidrat li l-parti tal-art adjaċenti u mitluqa, tiġi riabilitata wkoll?

 

05/06/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ix-xogħlijiet fuq il-ħajt li waqa’ bil-maltemp fil-Bajja tar-Rinella issa ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ġimgħat. Ix-xogħol qiegħed isir minn kuntrattur imqabbad u taħt is-superviżjoni ta’ Infrastruttura Malta, bl-assistenza ta’ Heritage Malta. Bħalissa qiegħed jitneħħa l-materjal minn wara l-ħajt, sabiex titnaqqas il-pressjoni tal-materjal minn fuq it-truf tal-kollass. Fil-ġimgħat li ġejjien mistenni jibda x-xogħol fuq in-naħa ta’ barra mill-baħar, dan sabiex jiġi krejat il-pedament tal-ħajt li jrid jerġa’ jinbena u jissaħħaħ il-blat.

 

Kull art oħra adjaċenti li hemm barra mill-konfini tal-kumpless ta’ l-Ex Sptar Navali ta’ Bighi, użat bħala Head Office u laboratorji ta’ Heritage Malta, mhux amministrata minn Heritage Malta.

 

Seduta  251

25/06/2024

IŻ-ŻEJTUN - SUSSIDJI FUQ KIRJIET LI SARU QABEL L-1995 U WARA

19773. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti ż-Żejtun li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara u jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?

 

05/06/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2023, fiż-Żejtun kellha 45 benefiċjarju ta’ sussidju ta’ kera qabel l-1995 b’€230,958.79 u 56 benefiċjarju wara l-1995 b’€205,844.16, b’każ wieħed ta’ żgumbrament.

 

Seduta  251

25/06/2024

IŻ-ŻEJTUN - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI

19772. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit fiż-Żejtun u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?

 

05/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul l-2023 kien hemm 809 benefiċjarju tal-In Work Benefit residenti fiż-Żejtun. Flimkien mal-In Work Benefit, il-benefiċjarji komplessivament rċevew dawn il-benefiċċji/allowances pensjonijiet kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  251

25/06/2024

IŻ-ŻEJTUN - RESTAWR TAS-SALIB

19771. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11110, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa u kemm ħa ħin biex jitlesta r-restawr tas-Salib fiż-Żejtun?

 

05/06/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li r-restawr tas-Salib fiż-Żejtun ġie jiswa €13,225 u dam madwar sitt xhur biex jitlesta.

 

Seduta  251

25/06/2024

IŻ-ŻEJTUN - LATRINA

19770. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11116, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa biex saret il-latrina fis-Suq taż-Żejtun kif ukoll biex tiġi mantnuta sewwa?

 

05/06/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  251

25/06/2024

IŻ-ŻEJTUN - MISRAĦ KARMNU GRIMA - XOGĦLIJIET

19769. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2318 u 7946, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol neċessarju fuq Misraħ Karmnu Grima, iż-Żejtun?

 

05/06/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja jew ser twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Minkejja li t-triq imsemmija ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

 

Seduta  251

25/06/2024

MINN QIEGĦ IL-BAĦAR

1. Eventi passati, fil-maġġorparti tagħhom, għaddew minn fuq l-umanità. Uħud ikollhom u jibqagħlhom rilevanza għall-ħajja ta’ kull ġurnata, però l-oħrajn jibqagħlhom dak li huma esperjenzi. Dak li jgħaddu minnu bnedmin oħra jibqgħu eżempji li wieħed jista’ jieħu jew jirrifjuta. Aktar ma’ f’dan ikollok l-opportunità li taqra, tant ikun aħjar biex tagħraf dawn il-lezzjonijiet. Imma hemm sitwazzjonijiet li għalkemm għandhom it-tagħlimiet tagħhom, xorta jaħkmu u jsiru frott ta’ diżgwid fil-preżent. Stati jispiċċaw involuti wkoll b’kawżi fejn id-diplomazija titqiegħed għall-prova u mhux faċli ssib soluzzjoni għalihom.

Mill-istorja

2. Fil-ħajja u fl-istorja, diversi bnedmin sabu ruħhom fil-pożizzjoni li jridu jaqsmu l-ibħra. Ħafna bastimenti varji li nbnew waslu fil-port tagħhom. Biss, fl-ibħra tad-dinja, b’mod partikolari dak Mediterranju u oħrajn, hemm midfuna u miġbura numru minnhom li, għal xi raġuni jew oħra, ma waslux fid-destinazzjoni tagħhom. Uħud, fil-maġġorparti, sabru ruħhom fil-qiegħ wara li kienu nqabdu f’maltempati li nafu sew li l-baħar kien u għadu kapaċi jtellgħa. Hemm ukoll dawk li niżlu fil-fond frott ta’ battalji navali li l-istorja tgħidilna bihom. Biss, f’dan, mhux kull vapur li jinsab fil-fond huwa sa issa magħruf jew identifikat. Li huwa iktar interessanti hu li, ċerti drabi, maltempati preżenti jikxfu dawk l-effetti passati. Id-dinja għandha u għadha tiffaċċja dawn il-pożizzjonijiet.

Spanja

3. Wieħed mill-pajjiżi li jiffaċċja spiss dawn il-kumplikazzjonijiet li jqumu huwa dan il-pajjiż. L-Imperu Spanjol kien jifrex l-oċeani, speċjalment dawk fl-Amerika Latina bil-kolonji tiegħu. Artijiet li kienu jfornuh b’deheb, fidda u diversi oġġetti prezzjużi. Dawk li l-bastimenti tiegħu kienu jġorru lejn u minn Spanja stess. Fl-eventi sħaħ tad-dinja, diversi huma dawk li niżlu fil-qiegħ sew bil-forza tan-natura, kif ukoll bil-forza distruttiva tal-bniedem. F’kawżi kkumplikati u mill-aspett legali verament interessanti jqumu kwistjonijiet bejn l-Istat proprjetarju oriġinali, l-Istat ta’ f’liema ibħra jkun jinsab midfun il-bastiment u l-kumpanniji varji li jew waħdedhom, jew għax imqabbda jfittxu, dawn ilkoll jippretendu l-ħlas. Jippretendu li dak li huwa midfun fis-sekli jsir tagħhom.

San José

4. Fost dawn, hemm għaddejja kwistjoni dwar bastiment Spanjol b’dan l-isem. Wieħed li sab it-tmiem tiegħu fit-8 ta’ Ġunju 1708, f’battalja navali li l-Ingliżi għelbu. Abbord kien hemm sitt mitt ruħ, li minnhom jingħad li salvaw biss ħdax-il persuna. Il-bastiment, li kien ukoll mgħobbi sew b’oġġetti prezzjużi, instab mill-forzi navali Kolumbjani li fl-2015, bl-għajnuna ta’ kumpannija privata, sabuh lura. Kif iddeskriva tajjeb The Economist riċentement: “The discovery prompted a bitter row over the wreck’s ownership. Columbia says the ship is protected as an ‘inalienable item of cultural interest’ because it lies in its territorial waters. Spain argues that it owns the vessel because international law recognises a wreck like the San José as the property of the state whose flag it flew. The Qhara Qhara, an indigenous Bolivian group, says the precious metals on board came from their land, a claim that Colombia’s president, Gustavo Petro, acknowledged.” Indikazzjoni mill-iktar ċara ta’ dak li jqum f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Valuri

5. F’dan, joħorġu iktar ċari l-valuri varji li kull parti tagħti għal dan kollu. Fuq naħa, ċertament, hemm dak marbut mal-valur materjali tal-merkanzija li l-bastiment iġorr. Dak li jista’ llum jinbiegħ mill-ġdid u li jġib vantaġġ għal parti jew l-oħra. Hemm ukoll dawk li qegħdin jinsistu li hemm iktar valur jekk dak li hemm midfun f’qiegħ il-baħar jinġabar lura u jitqiegħed f’mużew li minnu nnifsu jiġġenera dħul minn dawk li jagħżlu li jmorru jaraw dawn l-oġġetti. Imma li jolqtok l-iktar f’dan huwa l-fatt li l-aħħar kunsiderazzjoni tmur lejn id-diversi bnedmin li sabu d-difna tagħhom ma’ dawn l-oġġetti. Meta ċċaqlaq dak li ssib qiegħed ukoll tmiss art li għandu jkollha l-protezzjoni. Hemm evidenti ħafna “valuri” varji, imma l-Istati jagħżlu l-prijoritajiet tagħhom. Lezzjonijiet li aħna wkoll, għal kull sfida futura, nistgħu nsibu ruħna fiha.

Fix-Xlendi


6. F’dan wieħed għandu jgħid li f’pajjiżna ttieħdet deċiżjoni tajba dwar pożizzjoni forsi inqas ikkumplikata, fis-sens li m’hemmx elementi internazzjonali. Forsi dan mhux magħruf biżżejjed, imma ftit ’il bgħid mix-Xlendi hemm xini minn żmien il-Feniċi, mis-seba’ seklu Qabel Sidna Ġesù Kristu, li jinsab midfun. Wieħed li nstab maż-żmien u li huwa mimli b’oġġetti minn dak li l-bnedmin ta’ dak iż-żmien f’dawn il-gżejjer kellhom bżonn. Evidenza li pajjiżna kien jagħmel ħafna parti mill-kummerċ Mediterranju u li maltempati bħal ma naqraw fl-Atti tal-Appostli kien hemm u jibqa’ jkun hemm. F’dan sar pass tajjeb li flok l-oġġetti jitilgħu lura fl-art minn fejn telqu, jibqgħu hemm għad-dispożizzjoni ta’ dawk li bl-użu tal-apparat modern jistgħu jinżlu jarawhom.

Pass ’il quddiem

7. Ċertament mhux f’kull parti tal-ibħra tad-dinja jew tagħna jista’ jsir dan. Imma f’dan li sar minna nġiebet il-ġabra ta’ dak li huwa ta’ valur għalina. Il-post tad-difna ta’ dawk il-baħrin sfortunati għadha hemm. L-oġġetti ma ttiħdux u tkissru, imma baqgħu f’posthom. Ma’ dan ukoll, l-aspett turistiku ġie wkoll protett, u anzi mkabbar. Pajjiżna huwa mimli b’wirt li ma tantx jagħtih importanza. Nonfqu dejjem inqas fih, meta għandu jkollna kull interess li nonfqu ferm iktar. Għandna ħafna fuq l-art, imma għandna daqshekk ieħor f’qiegħ il-baħar, li rridu nipproteġu b’għaqal u b’intelliġenza.

IŻ-ŻEJTUN - MISRAĦ KARMNU GRIMA - XOGĦLIJIET

19768. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2315 u 7945, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol neċessarju fuq Misraħ Karmnu Grima, iż-Żejtun?

 

05/06/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  250

24/06/2024

IL-BIRGU - EKS CASINO DI VENEZIA

19668. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi marbuta mal-Eks Casino di Venezia fil-Birgu?

 

28/05/2024

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma l-Onor. Interpellant li l-proċess legali sabiex tkun tista terġa toħroġ sejħa fuq din il-binja għadu mhux konkluż.

 

Seduta  250

24/06/2024

RESTAWR TA’ KOTBA

19667. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid liema kotba, bit-titoli relattivi, li ġew restawrati matul is-sena 2024 u dawk li se jiġu restawrati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Peress li d-dekasteru li jien politikament responsabbli minnu jikkomprendi wkoll l-Arkivji Nazzjonali inkun grat jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika aħjar għal liema dipartimenti jew entitajiet qed jirreferi sabiex inkun nista' nagħti l-aħjar informazzjoni possibbli.

 

Seduta  250

24/06/2024

RAĦAL ĠDID - ĠNIEN IL-MEDITERRAN - XOGĦLIJIET

19666. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru, jekk saru, fi Ġnien il-Mediterran, f’Raħal Ġdid matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

28/05/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament Project Green tieħu ħsieb biex dan il-ġnien jinżabar u jissaqqa’. Ġnien il-Mediterran, li fih madwar 21,000 metru kwadru u huwa wieħed mill-akbar ġonna f’Malta, intgħażel bħala wieħed mis-16-il proġett li se jsiru taħt l-iskema Community Greening Grant.

Il-proġett għar-riġenerazzjoni tal-ġnien se jilħaq partikolarment mat-18,000 familja li jabitaw f’distanza ta’ 10 minuti, lill-istudenti tal-MCAST li għandhom aċċess għall-ġnien permezz tal-pont li nbena riċentament, kif ukoll lill-haddiema li jaħdmu fiż-żona industrijali ta’ Kordin.

Bħalissa l-ġnien fih nuqqas ta’ landscaping u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familji. Minbarra li se jsir tħawwil ta’ diversi siġar u pjanti b’żieda ma’ dawk li diġà hemm, se jiġi restawrat ġibjun ezistenti u se jinbena ieħor ġdid biex l-ilma li jinħażen fihom jintuża għat-tisqija tal-ġnien permezz ta’ sistema t’irrigazzjoni awtomatika li se tiġi introdotta wkoll permezz tal-proġett. Il-passaġġi se jsiru minn materjal apposta b’sistema li twassal l-ilma għal ġol-ġibjuni. Ser jiġu installati wkoll numru ta’ pannelli solari u l-enerġija li jiġġeneraw se tintuża biex jiddawwl il-ġnien.

Il-proġett huwa maħsub biex itejjeb iż-żoni li jagħtu għall-Punent u l-Majjistral tal-ġnien billi jsiru passaġġi ġodda għall-aċċess mill-pubbliku. Tul dawn il-passaġġi se jiġu allokati spazji żgħar bħala picnic areas u se jiġu introdotti wkoll numru ta' żoni għal-logħob tat-tfal.

 

Seduta  250

24/06/2024

RAĦAL ĠDID - ĠNIEN IL-MEDITERRAN - XOGĦLIJIET

19665. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Ġnien il-Mediterran, f’Raħal Ġdid matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li matul din is-sena sar qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar ġewwa Ġnien il-Mediterran.

 

Seduta  250

24/06/2024

MARSAXLOKK – XROBB L-GĦAĠIN - PARK NATURALI - XOGĦLIJIET

19664. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

28/05/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13934, ninformah li, matul din is-sena, x-xogħlijiet li saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, jinkludu l-manutenzjoni ġenerali tal-park fosthom tħawwil ta' siġar u arbuxelli ġodda, tisqija regolari skont il-ħtieġa, qtugħ u ġestjoni tal-ħaxix biex jiġu evitati inċidenti minn nirien, manutenzjoni taż-żona għall-picnics, installazzjoni ta’ tankijiet għar-rimi tal-ilma tal-baħar, tikħil tal-kamra tas-sigurtà u tindif ġenerali. Minn meta ġiet inawgurata t-tieni fażi tal-proġett ġewwa dan is-sit, il-park żaruh madwar 40,000 ruħ u 6,000 student.

 

Seduta  250

24/06/2024

24.6.24

TAMIET IT-TAMBARA

1. Għaddejjin minn perjodu mimli bi sfidi ġodda. Uħud konna ħsibna li ser jintrikbu fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, imma llum fhimna li morna f’oħrajn. Kien hemm diversi li emmnu f’dak li seta’ jsir, b’fidi, fiduċja u speranza. Oħrajn le. Kien hemm politiċi varji fl-Ewropa li tkellmu u użaw il-ħsieb li l-votant għandu jittama f’futur aqwa milli għandu. Kemm dawn seħħilhom hija ħaġa oħra. Sija dawk li xeħtu u esprimew l-opinjoni tagħhom, kif ukoll dawk li jmexxu. Mhux kulħadd irreaġixxa l-istess. Uħud aċċettawhom; oħrajn le.

Franza


2. Dan ħareġ iktar fiċ-ċar f’dan il-pajjiż viċin tagħna, bħalissa mmexxi mill-President tar-Repubblika Emmanuel Macron. Ir-riżultat m’għoġbux tant li ddeċieda kif jista’ jxolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjoni ġenerali. Fit-30 ta’ Ġunju, bħallum ġimgħa, jinxeħtu l-ewwel voti. Sejħa elettorali li hija skabruża minnha nfisha. L-iktar għax ħadet lil diversi b’sorpriża. Iż-żieda tal-vot fuq il-Partit tal-lemin estrem, Rassemblement National, u t-tnaqqis qawwi f’dak ta’ Macron wassal għal dan. Wassal iktar sabiex ix-xenarju politiku nqaleb. Fuq naħa sabiex il-partit moderat u attent ta’ Les Republicains isib ruħu maqsum, bil-kap Eric Ciotti (1965) jiddikjara fil-11 ta’ Ġunju li lest li jidħol f’alleanza mal-lemin estrem tar-Rassemblement National u diversi ma jaqblux u jesiġu li jitkeċċa mill-partit. Fuq l-oħra, ix-xellug li ddeċieda fl-istess jum li jingħaqad fi Front Popolari, b’ġabra ta’ persuni fl-estrem u l-moderati bħal Oliver Faure (1968) tal-Partit Soċjalista. X’ser jiġri ma nafux, imma dak li jseħħ ser ikollu effett qawwi fl-Unjoni Ewropea.

Rebbieħa

3. Fil-fatt, kif jikteb tajjeb The Economist ta’ din il-ġimgħa, hemm din it-tendenza li ssejjaħ elezzjoni meta titlef fl-elezzjonijiet Ewropej jew amministrattivi. Mill-istess, l-ewwel jingħad hekk: “Politicians defiantly demanding voters either back them or sack them is one of those gory European specialities.” (Li politiċi jisfidaw u jesiġu mill-votanti li jew ikunu warajhom inkella jneħħuhom hija speċjalità Ewropea kerha.” U wkoll: “The early-election gambit is called upon because it does sometimes work.” (Is-sogru li tmur għal elezzjoni bikrija ċertu drabi jaħdem.) Jiġu ċitati diversi eżempji li marru naħa jew oħra. Imma l-fatt jibqa’, fih innifsu, mimli sogru. L-ewwel, għax id-deċiżjonijiet għall-futur iridu jittieħdu malajr. It-tieni, għax jista’ jkun li flok wieħed jimxi ’l quddiem jispiċċa verament barra mill-poter.

Ir-Renju Unit

4. Dan huwa aktar u aktar ikkumplikat għax ftit wara, fl-4 ta’ Lulju, ser ikun hemm vot, ukoll imsejjaħ “malajr”, mill-Prim Ministru tal-Partit Konservattiv Rishi Sunak (1980) proprju wara telfiet elettorali amministrattivi qawwija. Deċiżjoni forsi wkoll mistennija minn uħud, imma li ċertament ser tiftaħ il-bieb għal bidliet fil-Gvern. Waħda li minnha, Keir Starmer (1962), mexxej tal-Partit Laburista Ingliż ser isib ruħu fir-responsabbiltà li jmexxi lil pajjiżu ’l quddiem. Il-pożizzjoni li sejra tiżviluppa biċċa biċċa hija dik marbuta ma’ kemm ser tkunlu l-maġġoranza fil-Parlament. Diversi huma l-ispekulazzjonijiet, imma ċertament ser ikun hemm bidla. F’dan ukoll hemm vuċi popolari li xebgħet mill-ħmerijiet li rat f’dawn l-aħħar snin.

Fl-Ewropa

5. Dan kollu huwa iktar determinanti f’dak li ġej fl-għażliet fix-xenarju tal-Unjoni Ewropea. Fuq naħa d-deċiżjonijiet marbuta mal-kompożizzjoni tal-maġġoranza politika li ser tingħaqad mal-Partit Popolari Ewropew biex tmexxi, u fuq l-oħra l-għażliet tal-uffiċjali. Il-kompromessi li ssoltu jakkumpanjaw dawn il-mumenti ser ikunu iktar interessanti u diretti għalina. L-iktar għax fuqhom jiddependi jekk tiġix konfermata jew le Roberta Metsola, li ġiet diġà konfermata mill-Partit Popolari Ewropew bħala l-kandidata tiegħu. Imma mhux biss. Il-karigi l-oħra, fosthom determinanti, ser ikun min jidħol fis-siġġu ta’ Josep Borrell (1947) bħala dak li huwa kkunsidrat bħala l-Ministru tal-Affarijiet Barranin. Dak li ser isir f’dawn l-elezzjonijiet, direttament dawk Franċiżi, huwa ta’ piż. Nittamaw li l-Unjoni Ewropea tibqa’ forza li tieħu deċiżjonijiet politiċi tajba.

Hemm ħafna


6. F’dan kienu u jibqgħu jkunu ħafna dawk li jtambru favur futur aħjar. Dawk li jitkellmu u jimbuttaw lejn iktar forom varji ta’ tamiet. Kemm minnhom iżommu l-kelma, jew ikunu fil-pożizzjoni li jibqgħu magħha, jiddependi mill-elettorat. F’dan, kemm votanti li jemmnu u jagħtu l-kunsens tagħhom. Fix-xhur li ġejjin ser naraw kemm dak kollu li ngħad jiġix materjalizzat. Iktar u iktar meta kull politiku jagħraf li mingħajr it-tamiet ta’ futur aħjar ma jkollux u la viżjoni u wisq inqas programm lejn il-futur. Ninsabu verament fi żminijiet diffiċli u ikkumplikati iktar mis-soltu, imma dan ma jneħħilniex il-bżonn li nħarsu ’l quddiem b’tama. Nibqgħu, f’dan, fost dawk li jtambru sabiex l-affarijiet isiru sewwa u f’pajjiżna jkun hawn verament it-tama għal ħajja aħjar milli għandna.

UMILTÀ, KAWTELA U ATTENZJONI

1. Huwa minnu li parti sew mill-elettorat li għandu bżonn jinstemgħa u jingħata widen tkellem u bagħat il-messaġġ sħiħ tiegħu. Indirizzat l-iktar lill-Partit Laburista fil-Gvern. Imma mhux biss. Kien hemm ċar li l-kunsens politiku fih naqas u xxellef. L-ewwel, sija f’dawk li ma vvutawx; u t-tieni, sija f’dawk li marru għal partiti u kandidati indipendenti. Hemm vot ta’ protesta mill-iktar qawwi irreġistrat fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Wieħed li għalkemm kien hemm indikazzjonijiet tiegħu qabel, ħadd ma stennihom kif irreġistraw ruħhom. Imma li dan kollu fil-fatt juri iktar kemm il-votant jaf juża sewwa d-dritt tiegħu. Wieħed li għandu jiftaħ l-għajnejn ta’ dawk li sa issa ma jridux jaraw. Dak li seħħ jista’ għalhekk, iżda mhux neċessarjament, jirrepeti ruħu fil-futur, jekk verament il-folji ma jinbidlux u ma jinfetħux kapitoli ġodda.

Iktar f’dak il-Ħadd

2. Diġà għaddew diversi jiem mingħajr ċaqliq veru bi tweġiba għal dak li l-elettorat qiegħed jitlob. Però, fil-verità, għad fadal tlett snin oħra. Ħamsa u erbgħin elf vot reġgħu ma nxeħtux favur il-Partit fil-Gvern, u issa naqas fil-pożizzjoni li għandu 45% tal-vot tal-elezzjonijiet Ewropej. Issa li nfetħu u ġew magħduda anki l-voti tal-Kunsilli Lokali, il-pożizzjoni nbidlet ukoll. Inqas Kunsilli Lokali mmexxija mill-Partit Laburista u komplessivament inqas kunsilliera għalih. Proċess iġib ieħor, u huwa żball li wieħed jilludi ruħu l-kontra. F’dan, għalkemm il-Gvern jista’ jiddikjara li baqa’ minn fuq fl-Ewropej b’maġġoranza relattiva u f’dawk Lokali b’waħda mnaqqsa, xorta l-pożizzjoni mhijiex faċli, u anzi, kompromessa. Biex tinbidel din il-mewġa li ma kellniex qabel iridu jsiru diversi sforzi. Ħafna huma diffiċli, u anke jekk isiru, ma jfissirx li x-xorti politika ser tinbidel.

Kif nafu

3. Kif nafu, hemm elezzjonijiet li jintrebħu, li mhumiex ħafna, u hemm ferm iktar minn dawk li jintilfu. Il-Ħadd l-għada tal-elezzjonijiet kien hemm telfiet reġistrati għall-Partit Laburista, u fuq dan ma hemmx dubju. Sa issa tista’, fit-teorija, tiġi rkuprata ċertament mhux billi kollox jibqa’ l-istess, imma bil-bidliet veri, dejjem jekk jistgħu jitwettqu. Bidliet li kull min huwa fil-politika jagħraf li għal partit li issa ilu sew fil-poter, u li jinsab fit-tielet leġislatura tiegħu, mhumiex faċli li jsiru. Anzi, li fiċ-ċirkostanzi huwa ferm diffiċli biex isiru meta diġà saru forom ta’ sforzi varji qabel dan l-appuntament elettorali li baqgħu ma rnexxewx. F’dan hemm evidenti kriżi politika li issa għandha bħala xhud riżultati elettorali. Kriżi fit-tmexxija fis-sens li s-saħħa ‘morali’ u ta’ leġittimità fil-pajjiż u l-partit issa nxeħtet pass lura. F’dan iktar għalhekk hemm id-dubji f’kemm ser tkun kapaċi tmexxi ’l quddiem l-ewwel, u wara sabiex jirnexxilha tirreġistra suċċess elettorali fil-futur.

Saħħa politika

4. Huwa f’dan evidenti li s-saħħa politika tal-Gvern ġiet ridotta. F’dan wieħed, fuq naħa jittama li sservi ta’ lezzjoni fl-umiltà sabiex ċerti esaġerazzjonijiet fis-suppervji u l-arroganzi li ilna naraw, jispiċċaw. Fuq l-oħra, però, ser tkun ferm iktar diffiċli biex tmexxi: l-ewwel, lil dawk li ċekkint; it-tieni, għax il-ħeġġa ta’ qabel, kif nafu, tieqaf; u t-tielet, għax tidħol l-istennija permanenti ta’ x’jista’ jiġri jekk jinqaleb il-Gvern. Ġejjin quddiemna snin ta’ stennija, li minnhom diversi ser joqogħdu pass lura. F’dan, għalhekk, il-linja fil-ħidma li konna qed naraw ser timxi fil-ġenb u l-ftaħir esaġerat u superlattiv li kellna ser nittamaw li jonqos. Raġunijiet oħra li komplessivament jafu jservu sabiex f’appuntament elettorali ieħor ikun hemm iktar bidliet tajba milli diġà rajna.

Ma niġrux


5. F’dan, però, wieħed irid ikun attent iktar minn qabel. Għadna ma wasalniex fil-venda ta’ Kastilja, għalkemm ħadna ftit nifs sod. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’pożizzjoni aħjar milli kien, imma r-realtà hija li għad fadallu xi jterraq. Għadu jrid jifhem, janalizza huwa stess ir-riżultat elettorali tiegħu u ma jitlaqx jiġri jaħseb li huwa kollox sewwa, imma li għad hemm xi jsir. Irid iqabbel dawn ir-riżultati ma’ diversi qabel, inkluż dawk tal-2014 u 2022 biex ikollu quddiemu l-istampa vera. F’dan, ovvjament, il-vapur għadu barra l-port imma jista’ jkun kapaċi jidħol. Għax għalkemm hemm dawn is-sinjali li wieħed irid jieħu ħsieb jimmarka filwaqt li m’għandux jaqta’ qalbu, anzi, wieħed imma jrid iħares aktar lejn dak li ġej. L-iktar fil-fatt li għalkemm il-voti tnaqqsu bil-kbir fil-partit l-ieħor, dawn ma ssarrfux f’dawk favur tiegħu. Elettoralment ma kienx hemm riżultat li bih nistgħu nimmarkaw li l-bnedmin biddlu l-partit. Għalhekk, f’dan trid l-għarfien ċar u oġġettiv li trid ferm iktar biex twassal li jkollok maġġoranza politika parlamentari stabbli. Trid ferm iktar biex tikseb il-fiduċja elettorali. Trid ferm iktar biex mal-poplu tibni manifest elettorali li fuqu tista’ taħdem meta jkollok ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-poter.

Il-Futur

6. Fil-ġimgħat li ġejjin ser naraw jekk humiex sejrin jittieħdu passi mill-Gvern biex jipprova jbiddel il-kunsens u l-burdata politika. Forsi jistenna wkoll l-appuntamenti sportivi li ġejjin jgħaddu. Jista’ jkun li jseħħu passi veri; jista’ biss dawk li jidhru li huma hekk u jista’ jkun li ma jseħħ xejn minn dan. L-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet ser jimmarkaw il-futur ta’ pajjiżna. Iktar u iktar fl-għarfien li jekk il-Gvern huwa diġà maqtugħ mill-poplu mhux ser jirnexxilu jasal daqshekk malajr f’dawn it-tlett snin li għad fadallu. Hija x’inhija t-triq, minnha nfisha hija waħda twila u kkumplikata. Għalhekk, min qiegħed jiġi b’soluzzjonijiet u dikjarazzjonijiet varji u sempliċi li bdejna nisimgħu l-għada tal-elezzjonijiet, naħseb li jkun qiegħed jidħak bih innifsu u jiżbalja. Ikun ferm aħjar li flok daqq ta’ trijonfi jkun hemm iktar umiltà, kawtela u attenzjoni għad-dettalji, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jagħmlu d-differenza.

IL-KALKARA - TRIQ SANTU ROKKU – ZEBRA CROSSING

19657. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li fil-bidu ta’ Triq Santu Rokku, il-Kalkara min-naħa tal-Kunvent tal-Kappuċċini, isiru żewġ zebra crossings sabiex il-qsim min-naħa għal oħra jsir b’iktar attenzjoni?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara li għadu fil-proċess li jistudja aħjar din il-materja mressqa quddiemu.

 

Seduta  248

18/06/2024

IL-KALKARA - TRIQ SANTU ROKKU – ZEBRA CROSSING

19656. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li fil-bidu ta’ Triq Santu Rokku, il-Kalkara min-naħa tal-Kunvent tal-Kappuċċini, isiru żewġ zebra crossings sabiex il-qsim min-naħa għal oħra jsir b’iktar attenzjoni?

 

28/05/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiż-żona msemmija huwa pjanat proġett ta’ kostruzzjoni kif ukoll upgrade ta’ toroq li huma suġġetti għal road safety audit u ser ikun qed jinkludi wkoll l-infrastruttura neċessarja għal-pedestrians.

 

Seduta  248

18/06/2024

GĦAJNUNA LEGALI – ELENKU - AVUKATI U PROKURATURI LEGALI

19655. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm avukati u prokuraturi legali li qegħdin iservu fuq l-elenku tal-Għajnuna Legali u kemm huwa l-ħlas rispettiv? Jista’ jindika wkoll kemm huwa l-baġit approvat għall-istess, skont il-Ministeru tal-Finanzi?

 

28/05/2024

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Matul dawn l-aħħar sentejn saret ħidma sabiex is-servizz tal-għajnuna legali jkompli jiġi żviluppat f’servizz aġġornat għaż-żminijiet tal-lum.  Għalhekk ġie rrakkomandat li s-servizz jinqasam f’panels speċjalizzati ta’ avukati sabiex jagħtu servizz aktar iffukkat lill-klijenti li jagħżlu li jinqdew bis-servizzi tal-Aġenzija u panel ieħor ta’ Prokuraturi Legali.  Dawn il-panels speċjalizzati bdew jagħtu s-servizz tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2024 li huma maqsuma kif ġej fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra..

 

Seduta  248

18/06/2024

MUŻEWIJIET - BEJGĦ TA’ PUBBLIKAZZJONIJIET

19654. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet mill-mużewijiet kif ukoll online matul is-sena li għaddiet?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li n-numru ta’ publikazzjonijiet mibjugħa mill-ħwienet ta’ Heritage Malta kif ukoll online matul l-2023 jlaħħaq l-€44,127.

 

Seduta  248

18/06/2024

WIED IL-GĦAJN - BAJJA TA’ SAN TUMAS - XOGĦLIJIET TA’ MANUTENZJONI

19387. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jinforma jekk kemm-il darba humiex ser isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji fil-Bajja ta’ San Tumas fix-xahar li ġej qabel jibda l-istaġun tas-sajf?

 

14/05/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega għal liem xogħlijiet ta’ manutenzjoni qed jirreferi.

 

Seduta  248

18/06/2024

WIED IL-GĦAJN - BAJJA TA’ SAN TUMAS - XOGĦLIJIET TA’ MANUTENZJONI

19386. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jinforma jekk kemm-il darba humiex ser isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji inkluż it-tindif fil-Bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn fix-xahar li ġej qabel jibda l-istaġun tas-sajf?

 

14/05/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċessi ta’ tindif f’kull bajja huma xogħlijiet ta’ rutina li jsiru tul is-sena kollha.  Qed isir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni u żebgħa fuq il-bankijiet u t-tlett picnic tables li ġew installati s-sena l-oħra.

 

Seduta  248

18/06/2024

18.6.24

BIGHI – SMOKING ROOM - RESTAWR

19385. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul din is-sena l’hekk imsejħa Smoking Room f’Bighi hix ser tiġi restawrata għax esternament jidher li qiegħda taqa’?

 

14/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li ġie iffirmat kuntratt wara sejħa ta' tenders. Ix-xogħol ta' restawr fuq l-Ismoking Room se jkun qed jibda fil-jiem li ġejjien. Infurmat ukoll li ma jeżisti ebda periklu li l-istruttura eżistenti tista' taqa'.

 

Seduta  247

17/06/2024

IL-KALKARA - BAJJA TA' RINELLA - XOGĦLIJIET TA’ MANUTENZJONI

19384. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid humiex ser isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji fil-Bajja tar-Rinella l-Kalkara fix-xahar li ġej, qabel jibda l-istaġun tas-sajf?

 

14/05/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nitlob lill- Onor Interpellant biex jispjega aħjar għal x’tip ta xogħol ta’ manutenzjoni qiegħed jirreferi għalih.

 

Seduta  247

17/06/2024

IL-KALKARA - BAJJA TA' RINELLA - XOGĦLIJIET TA’ MANUTENZJONI

19383. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jgħid humiex ser isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji, inkluż it-tindif fil-Bajja tar-Rinella l-Kalkara, fix-xahar li ġej qabel jibda l-istaġun tas-sajf?

 

14/05/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċessi ta’ tindif f’kull bajja huma xogħlijiet ta’ rutina li jsiru tul is-sena kollha.  It-TZRA, fost interventi oħra, se tkun qed tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fil-bajja tar-Rinella.

 

Seduta  247

17/06/2024

IL-GUDJA – TRIQ SAN MARK - XOGĦLIJIET

19382. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid kemm ser jiġu jiswew u meta ser ikunu konklużi x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq San Mark il-Gudja?

 

14/05/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  247

17/06/2024

IL-GUDJA – TRIQ SAN MARK - XOGĦLIJIET

19381. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġu jiswew u meta ser ikunu konklużi x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq San Mark il-Gudja?

 

14/05/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li għaddejin fi Triq San Mark u Triq Ġlormu Cassar, Gudja huma stmati li ser jiġu jiswew madwar €275,000. Dawn ix-xogħlijiet għandhom ikunu lesti fix-xhur li ġejjin.

 

Seduta  247

17/06/2024

IL-GUDJA – TRIQ SAN MARK - XOGĦLIJIET

19380. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġu jiswew u meta ser ikunu konklużi x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq San Mark il-Gudja?

 

14/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  247

17/06/2024

RAĦAL ĠDID – TRIQ U ŻONA TA’ SANTA UBALDESCA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ

19373. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16613, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni ulterjuri fir-rigward l-ilment ta’ rwejjaħ persistenti fi Triq Santa Ubaldesca Raħal Ġdid?

 

14/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li f’dawn l-aħħar xhur ma rċieva l-ebda rapport ta’ rwejjaħ fl-akkwati msemmija għaldaqstant ma nħassitx il-ħtieġa li jkun hemm investigazzjoni.

 

Seduta  245

11/06/2024

RAĦAL ĠDID – TRIQ U ŻONA TA’ SANTA UBALDESCA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ

19372. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16614 jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni ulterjuri fir-rigward l-ilment ta’ rwejjaħ persistenti fi Triq Santa Ubaldesca Raħal Ġdid?

 

14/05/2024

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA:  B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamenti 16614, ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali baqa’ ma rċieva l-ebda lment rigward irwejjaħ persistenti fit-triq indikata jew fit-toroq tal-madwar.  Minn wara li saret din il-Mistoqija Parlamentari, uffiċjali minn dan id-Direttorat xorta baqgħu jispezzjonaw din triq u t-toroq tal-madwar iżda fl-ebda ħin qatt ma’ ġiet nnutata xi forma ta’ riħa.

Ikun opportun jekk il-persuna/i li għandhom dan l-ilment jagħmlu kuntatt mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali sabiex possibilment tingħata aktar informazzjoni speċifika dwar dan l-ilment sabiex ikun jista` jiġi nvestigat b’kunfidenzjalita` bħal kull ilment li jidħol għand dan id-Direttorat.

 

Seduta  245

11/06/2024

RAĦAL ĠDID – TRIQ U ŻONA TA’ SANTA UBALDESCA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ

19371. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16615, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni ulterjuri fir-rigward l-ilment ta’ rwejjaħ persistenti fi Triq Santa Ubaldesca Raħal Ġdid?

 

14/05/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhuwiex kompitu tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni li tinvestiga każijiet simili.

 

Seduta  245

11/06/2024

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KBIRA - XOGĦLIJIET

19370. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġu jiswew u meta ser ikunu konklużi x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq il-Kbira Ħaż-Żabbar?

 

14/05/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira Ħaż-Żabbar huma previsti li jiġu konklużi fil-ġimgħat li ġejjin. Ix-xogħol hu stmat li ser jiġi jiswa madwar €400,000.

 

Seduta  245

11/06/2024

 

NOTIFIKA D – PERSUNI REĠISTRATI

19369. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati taħt in-Notifika D sal-aħħar ta’ April 2024 u jindika minn liema pajjiżi?

 

14/05/2024

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2024 sal-aħħar ta’ April kien hemm seba' reġistrazzjonijiet ġodda taħt notifika D, mill-pajjiżi li ġejjin:1-Iżvezja, 1-Etjopja, i1-Ġermanja, 1-Awstralja, 1-Irlanda u tnejn il-Portugall.

 

Seduta  245

11/06/2024

ĊIMITERJU TAL-ADDOLORATA – OQBRA

19368. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17198, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx jew hemmx il-pjan li jibda l-proċess sabiex jiġu identifikati dawk l-oqbra li huma ssiġillati definittivament u jekk hemmx elenku ta’ dawk fejn għal dawn l-aħħar mitt sena ma ġewx użati?

 

14/05/2024

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17198, ninsab infurmat li fil-preżent m’hemm ebda pjan li oqbra li huma ssiġillati jiġu identifikati u elenkati.

 

Dejjem hu preżunt li ġaladarba l-qabar huwa proprjetà privata u x-xewqa tas-sid fl-aħħar testment ikun li ma jintużax iktar, din ix-xewqa tibqa' dejjem rispettata anke jekk il-werrieta jitolbu mod ieħor.

 

Elenku ta’ oqbra li ma ġewx użati f’dawn l-aħħar mitt sena mhux pjanata li ssir fil-preżent.

 

Seduta  245

11/06/2024

12.6.24

IL-BIDU TAT-TMIEM?

1. Fir-riżultati friski friski tal-Ħadd li għadda nfetaħ dibattitu u kapitolu ġdid fil-politika ta’ pajjiżna. Hemm element, fost id-diversi, li huwa ċertament l-iktar qawwi. Dak li joħroġ mill-fatt li l-Partit fil-poter ingħata vot ta’ sfiduċja kbir. Fuq kull skala, il-figuri juru li l-favur li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu issa beda proċess inevitabbli ta’ deklin li qiegħed joħroġ għad-dawl. Meta tikkunsidra li l-Partit Laburista naqqas kważi għaxra fil-mija (10%) sħiħa fil-kunsens elettorali. Meta tara li minn 55.11% tal-voti li ġieb fl-2022 issa, f’sentejn skorruti, qiegħed b’45.26%, kif ukoll meta tara li mill-162,7000 li kellu bħala voti fl-2022 illum niżel għall-ammont ta’ 117,805 tifhem li hemm tnaqqis ta’ madwar ħamsa u erbgħin elf vot (45,000).

Il-poplu tkellem u bagħat messaġġ ċar

2. Huwa evidenti ħafna li dak li għaddej, u li ilu jinġabar f’dawn is-snin, issa qiegħed idejjaq lil dawk li qabel kienu komdi jivvutawlu. Ittri diretti sabiex jiġbdu l-attenzjoni, u fl-istess ħin jinsistu li d-direzzjoni politika tal-Gvern għandha tinbidel. Saru wisq żbalji b’ripetizzjoni u b’mod kostanti, li fl-aħħar jidher li hemm min qiegħed jixba. F’dan hemm dawk kollha li ħassew, u anzi emmnu, li l-Partit Laburista kien ser iwettaq tibdiliet fil-pajjiż fil-wegħdi sbieħ tiegħu li bdew mill-2013, li issa qed itiru mar-riħ. Dan il-Partit sar iktar dak identifikat mal-poter, fejn il-prinċipji mhumiex fl-ogħla skala għalih u anzi, bil-kontra, wettaq wisq dnubiet mortali. Hemm ferm inqas nies li għadhom jaħsbu li huwa dak li kapaċi jibdel, li għandu programm veru ta’ riforma.

Skandli

3. F’dan kiber iktar l-għarfien li kien hemm min irnexxilu jiġbed is-saqajn ta’ diversi. Dak li kien irnexxilu jikkonvinċi lil diversi li dak kollu li sar mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien, jew ħażin, jew inadegwat, inkella li baqa’ ma sarx. Ħafna emmnu, jew riedu li jidħlu għal dak li kien qiegħed jingħadilhom. Ħafna llum fehmu li dak li vvutaw għalih fl-2013 u fl-2017 ma seħħx. Anzi, li fil-ħajja, ġie l-kontra. F’dawn l-aħħar ġimgħat pajjiżna ra reazzjonijiet politiċi varji għal proċessi kriminali li nbdew. F’mument il-Gvern deher li kien qiegħed jikkonvinċi, u li terġa’, kien hemm konsolidazzjoni tal-poter intern. Fir-realtà dan mhuwiex minnu u nfetaħ proċess ta’ attakki interni trażversali fejn ħafna, 45,000, iddeċidew li ma jkomplux jagħtu l-appoġġ. Il-pożizzjoni hija ikkumplikata ħafna, u f’dan, il-Prim Ministru, li qabel kien igawdi minn appoġġ kostanti, issa qiegħed jara bidliet ġejjin għalih u għall-Gvern immexxi minnu.

Bidliet

4. Il-mossa politika tiegħu tal-Ħadd kienet dik mistennija. Jipprova jirkeb fuq din il-mewġa ta’ protesta billi huwa stess jiddikjara li ser imexxiha ’l quddiem. Iktar u iktar fid-diffikultà li trid titkellem waqt li l-appoġġ politiku tiegħek kien qiegħed, siegħa wara siegħa, jitnaqqar lura. Dan kollu ma kienx faċli, imma kif nafu, il-verità u r-realtà jiġru warajk, u llum jew għada, jilħquk. Jekk trid timxi ’l quddiem trid tifhem li trid tgħix fil-fatti u mhux fir-retorika. Iktar u iktar meta għalkemm qabel kien hemm min jiddefendi billi jgħid li ma kienx parti mill-iżbalji li saru minn dawk li kienu fil-poter, dan issa waqaf. Forsi f’dan, il-pożizzjoni politika hija kompromessa. Jista’ jkun li le, imma l-kapitolu tal-bidliet li jridu jsiru issa nfetaħ.

Liema passi

5. Ser ikun hemm min jitlob ras min qiegħed imexxi. Iktar u iktar jekk ser ikun diffiċli biex jieħu lura l-kmand tal-Partit u l-awtorità fil-Gvern. Il-vot ta’ protesta ma jistax jiġi magħluq billi jingħad biss li huwa ser jagħmel bidliet. Għax diġà, ftit ilu, quddiem dan l-appuntament saret tibdila sew fil-Kabinett. Inbidlu l-bnedmin u anki l-linji interni tagħhom. Imma b’dan ir-riżultat huwa ċar li issa qed jidher li din il-bidla ma kinitx adegwata. Ma sarrfitx f’dak li ried. Għalhekk wieħed jistaqsi: issa lejn fejn ser iħares? Diversi jaħsbu li ser jibqa’ jmexxi hu, imma smajt li hemm min jista’ jitħajjar jargumenta li għall-appuntament elettorali li ġej hemm bżonn mexxej ġdid jew mexxejja ġdida. Iktar u iktar f’dak li ġej fid-daqqiet ta’ ġimgħa oħra.

Kunsilli Lokali

6. Dan għax bħallum ġimgħa ser ikun hemm ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, li mill-figuri li rajna huwa ċar li ser ikun hemm tibdiliet. Dan ser ikompli jnaqqas mis-saħħa li kellu l-Gvern. Iktar kunsilliera eletti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u iktar Kunsilli li jiċċaqilqu favur tmexxija tiegħu. Forsi hawn ukoll ser naraw sorpriżi li qabel il-Gvern ma kienx qiegħed jipprevedi. Passi sabiex ikomplu jnaqqsulu l-appoġġ elettorali u li jagħtu l-opportunità lill-Partit Nazzjonalista jimxi ’l quddiem. Il-klima politika għall-Partit Laburista mhijiex ser tkun faċli, li sejjer iktar lura fl-effetti tal-proċessi legali, l-inkompetenzi varji u n-nuqqasijiet amministrattivi li l-poplu qiegħed iħoss. F’kull lokalità ser jinsabu raġunijiet varji, imma l-verità hija wkoll li l-porporina minn fuq il-kurrazza marret sew u hemm bżonn armatura ġdida.

Inħarsu ’l quddiem

7. F’dan kollu wieħed irid iħares lejn il-futur. Wieħed irid, l-ewwel, jagħmel analiżi politika sħiħa li tqis ħafna fatturi. Dik li tara r-raġunijiet tan-nuqqasijiet fl-appoġġ, imma li tara kif tibni programm elettorali. Programm li jħares lejn dak li jridu l-bnedmin li ġejjin mill-irkejjen kollha tal-pajjiż tagħna. Proċess li fih, u minnu, nistgħu nieħdu direzzjoni aqwa. Dik li ssarraf sabiex ikun hemm tibdil fil-Gvern tal-pajjiż: bidla li issa qegħda ssir iktar u iktar ta’ neċessità nazzjonali. F’dan, għalhekk, huwa iktar leġittimu li nistaqsu jekk dan huwiex effettivament il-bidu tat-tmiem tal-Partit Laburista fil-Gvern.

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KBIRA - XOGĦLIJIET

19367. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid kemm ser jiġu jiswew u meta ser ikunu konklużi x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq il-Kbira Ħaż-Żabbar?

 

14/05/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  244

10/06/2024

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KBIRA - XOGĦLIJIET

19366. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġu jiswew u meta ser ikunu konklużi x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq il-Kbira Ħaż-Żabbar?

 

14/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  244

10/06/2024

IN-NAXXAR – GRAWND TAL-FUTBOL - KUNTRATTURI

19365. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-kuntratturi kollha li ħadmu u għadhom jaħdmu fuq il-binja tal-grawnd tal-Futbol tan-Naxxar? Jista’ jgħid kif ġew ġudikati kif ukoll jindika min huwa nkarigat sabiex il-proġett jiġi sorveljat u b’liema proċess ġew magħżula?

 

14/05/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

 

Seduta  244

10/06/2024

NOTIFIKA D - REĠISTRAZZJONIJIET

19364. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reġistrazzjonijiet ġodda taħt in-Notifika D sal-aħħar tal-2023?

 

14/05/2024

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2023 sal-aħħar tal-istess sena kien hemm 78 reġistrazzjonijiet ġodda taħt in-notifika D.

 

 Seduta  244

10/06/2024

SPORTMALTA U L-KUNTRATTUR TAX-SHOOTING RANGE - FTEHIM

19363. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19071 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18518, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha rilevanti tal-ftehim bejn SportMalta u l-kuntrattur tax-Shooting Range, billi dawn ma kenux kompleti?

 

14/05/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

 

Seduta  244

10/06/2024

KOTBA MOGĦTIJA LILL-ISTUDENTI

19362. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19072 u jgħid x’inhuma t-titoli tal-kotba li ġew mogħtija lill-istudenti reċentement kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż?

 

14/05/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ kotba li ngħataw lill-istudenti individwalment fil-klassijiet u fil-librerji tal-iskejjel bejn Jannar u April ta’ din is-sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  244

10/06/2024

ESPERJENZA UNIKA

1. Tul dawn l-aħħar xhur kelli xorti partikolari. Wara li ppubblikajt il-ktieb li jikkommemora l-25 sena tiegħi fil-Parlament, iltqajt ma’ diversi bnedmin. Proċess li beda mis-7 ta’ Frar 2024, fejn kelli l-pjaċir u l-privileġġ li nressqu għall-pubblika fil-Kamra tad-Deputati taħt il-patroċinju ġeneruż tal-Ispeaker, Dr Anġlu Farrugia. Mixja li għalija kienet u għadha esperjenza unika, mhux biss minħabba dak li seħħ hemmhekk, imma f’dak li segwa għalija. Ngħid dan għax wara dak il-jum, li fih numru sabiħ ta’ kelliema għaddew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dak li kont ktibt, bdejt indur id-disa’ każini tal-Partit fuq it-Tielet u r-Raba’ Distretti elettorali. Fi ġranet separati u differenti ġew diversi persuni minn kull rokna ta’ pajjiżna biex jiġbru kopja tiegħu. Missejt ma’ diversi fix-xewqat kbar tagħhom.

Tkellimt

2. F’dawk il-każini, postijiet li kif nafu huma dejjem kapaċi jservu fis-sewwa, kelli diskussjonijiet varji. Kull waħda interessanti u f’kull darba li b’xi mod ħadt b’idejn xi ħadd stajt nifhem ħafna. Fhimt li hemm għatx f’diversi persuni, speċjalment, imma mhux biss, dawk li huma u jikkunsidraw ruħhom parti mill-Partit sabiex jaqraw u jsiru jafu. Anzi, aktar minn hekk, sabiex jidħlu f’dibattitu miegħi, li kont hemm, dwar suġġetti varji ta’ natura politika, naturalment. Dawk attwali l-iktar, imma rikonsiderazzjoni u forma ta’ awtokritika ta’ dak li għaddejna minnu. Kulħadd ġie bl-osservazzjonijiet diretti u partikolari tiegħu. Nammetti li lkoll kienu f’posthom. Mhux biss, imma aktar f’dan issudajt l-opinjoni tiegħi li l-elettorat josserva tajjeb dak li jkun għaddej. Kapaċi jwettaq ġudizzju san u moderat. Fl-għarfien li aħna lkoll bnedmin, fejn ir-rispett politiku huwa neċessarju, fejn atti u diskors ta’ mibgħeda ma jitwieled xejn minnhom. Dak il-poplu li ma jidħolx verament u neċessarjament f’kull tikka jew f’kull dettall, imma dak li huwa rilevanti għalih jafu sew.

Sibtu

3. F’dan, fil-fatt, ikkonfermajt dak li fi snin fil-kuntatt mal-poplu osservajt. Ikkonfermajt li ċertament mhux kull persuna, imma li l-maġġor parti, huma mimlija b’abbiltajiet. Kapaċi jiffurmaw opinjoni u kapaċi wkoll jagħrblu tajjeb kif jiddeċiedu, fejn u fuq min iqegħdu l-kalatura tagħhom. Min jaħseb li l-pajjiż huwa magħmul minn persuni li ma jafux dak li hu tajjeb u dak li huwa żbaljat ma jafx l-affarijiet. Hemm min irid jitmexxa u ma jaħsibxl. Min jintilef fil-għama tal-fiduċja f’deputati jew politiċi oħra, imma dan ma jgħoddx għall-maġġor parti tal-elettorat. Kelli din l-esperjenza konfermata tul dawn l-erba’ xhur li fihom, sas-7 ta’ Ġunju ħassejt li qiegħed nagħlaq kapitolu sabiħ f’din l-esperjenza politika li ma tiqafx bis-sorpriżi kontinwi u partikolari tagħha.

Tissudani

4. F’dan kollu għandi konferma tal-fiduċja fuq il-ġudizzju tal-bnedmin fid-demokrazija. Ninkwieta ruħi aktar meta nara li flok ikun hemm min jiggwida lill-oħrajn, jipprova ma jgħidx kollox jew jipprova jgħawweġ l-affarijiet. Għax il-ġudizzji umani jiddependu wkoll fuq dak li jgħidu l-oħrajn. Jiddependu fuq kemm jingħadu l-fatti, imma meta l-ġudizzji jitressqu qishom fatti, dawn iħawdu l-pożizzjoni. Mhux biss, imma meta ċerti mezzi tal-aħbarijiet flok iressqu l-istampa sħiħa jressqu parti minnha, jew terġa’, iħallu partijiet kbar minnha kompletament barra, il-ġlieda għad-demokrazija tibqa’ dik kontra kull nuqqas ta’ informazzjoni li minnha titwieled u tiġi ikkultivata l-injoranza. Meta nitkellmu u nisma’ dwar war il-valuri tat-trasparenza u tal-mertu f’soċjetà ugwali u miftuħa nifhem iktar kemm hemm min mhuwiex jgħinha timxi ’l quddiem.

Pożittivi

5. F’dan serva l-fatt li ddedikajt dan il-ktieb lill-memorja ta’ diversi deputati li servew qabli, u f’mument jiena magħhom, b’integrità. Għax l-iskop oriġinali għalih kien proprju dak li nafferma b’eżempji varji ta’ kemm id-deputat huwa rappreżentant fidil tal-elettorat tiegħu. Il-persuna li kapaċi jifhem u jinterpreta dak li l-bnedmin li għabbewh bir-responsabbiltà jitlobu minnu. Dak li fil-fatt, jekk irid iwettaq dan kollu sewwa, jaf li jrid jissagrifika ħafna minnu nnifsu għall-oħrajn. F’dan, fil-fatt għażilt numru ta’ artikoli li bihom diversi setgħu jifhmu aktar dan kollu. Aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li ninnota li hawn forma ta’ qtugħ fil-ġenerazzjonijiet. Dan għax, għal raġunijiet varji, dak li wettqu dawk li kkommemorajt m’għadux jiġi trasmess. Hemm qabża u anzi f’xi wħud l-affermazzjoni li d-dinja politika tibda minnhom. Kif ġew eletti huma bdiet tibgħat ir-raġġi tagħha x-xemx tal-ġustizzja. Qabel le.

Aktar u aktar

6. F’dan sibtni, meta fil-parti inizjali ktibt numru ta’ punti dwar dak li sa issa għaddejt minnu f’din l-esperjenza politika tiegħi. Għażilt ħafna mumenti li fihom, min qed jaqra, seta’ jifhem ukoll il-ħidma t-tajba li saret f’isimhom meta kien hemm fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista. Għax hemm ħidma tajba li saret u li għaliha l-pajjiż baqa’ jagħti fiduċja lil dan il-Partit. Fiduċja li trid tiġi kkultivata lura. Dik li tagħti viżjoni għall-futur. Waħda ibbażata fuq is-sewwa. Waħda ibbażata fuq il-valur demokristjani tagħna. Waħda li tibni f’daqqa fil-poplu kollu, mingħajr ma tiġġudika u taqta’ l-irjus ta’ oħrajn fix-xejn. Nittama li minn għada nibdew nifhmu dawn il-lezzjonijiet u nifhmu li rridu nibnu l-futur tagħna fuqhom. Għax proprju minn din l-esperjenza unika u sabiħa li kelli fhimt ferm aktar kemm dan kollu jista’ jseħħ, għandu jseħħ, u li l-pajjiż irid li jseħħ.

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...