23.2.20

AMBAXXATA TA’ MALTA FIS-SAWDI ARABJA - ĦIDMA




12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa s-Sawdi Arabja tul is-sena li għaddiet?

17/01/2020

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Il-ħidma tal-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa s-Sawdi Arabja tul is-sena li għaddiet kienet tkopri suggetti varji. Dawn kienu:

Bilaterali

·              Matul l-2019 l-Ambaxxata segwiet il-proċess tan-negozjar dwar ftehim pendenti bejn Malta u l-Arabja Sawdija, fosthom, abbozz ta’ ftehim dwar Ħelsien mill-bżonn ta’ Visa fir-rigward ta’ Passaporti Diplomatiċi, u abbozz ta’ ftehim dwar Garanziji fuq Investiment. Saret ukoll ħidma sabiex l-MoU dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka Xjentifika, iffirmat bejn Malta u l-Arabja Sawdija fl-4 ta’ Mejju 2018, jidħol fis-seħħ. Fil-fatt dan l-MoU daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Novembru 2019.

·              L-Ambaxxata ħadmet sabiex l-eks Ministru Carmelo Abela u l-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, Adel Al Jubeir, ltaqaw f’Brussel fl-4 ta’ Frar 2019 fil-marġni tal-ħames laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Pajjiżi Għarab. Dan kien żvilupp importanti fir-relazzjonijiet bilaterali fl-2019 fis-sens li l-laqgħa serviet sabiex iż-żewġ naħat jiddiskutu żviluppi reġjonali kif ukoll japprofondixxu l-aspett bilaterali.

·              Fil-perjodu msemmi, l-Ambaxxata ħarġet 87 kommunikazzjonij ufficjali (NVs) lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, u l-Ambaxxati tal-Baħrejn u Jemen f’Riyadh  dwar diversi aspetti fosthom politici, ekonomiċi, konsulari u amministrattivi. Saru ukoll laqgħat u kuntatti ma’ uffiċjali fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija.

·              Qasam ieħor ta’ ħidma kien dak tal-kandidaturi, fejn saru talbiet għal appoġġ kemm minn naħa ta’ Malta kif ukoll mill-Arabja Sawdija fir-rigward ta’ kandidaturi f‘diversi organizzazjonijiet internazzjonali. L-appoġġ ta’ kandidaturi jista jkun wieħed ta’ reċiproċita’ jew wieħed mingħajr reċiproċita’. Matul is-sena li għaddiet kien hemm ukoll talbiet ta’ appoġġ għall-kandidaturi mill-Ambaxxati tal-Baħrejn u l-Jemen.

Kummerċjali

·              L-Ambaxxata iżżomm kuntatt ma’ Trade Malta sabiex tassisti kumpaniji Maltin interessati fis-suq Sawdi. Dan is-suq għaddej minn fażi interessanti hekk kif l-Arabja Sawdija tinsab f’proċess ta’ riforma sabiex tidiversifka l-ekonomija minn dipendenza fuq is-settur taż-żejt. Matul is-sena, l-Ambaxxata segwiet l-iżvillupi ekonomiċi interni u rrapportat dwar proġetti fl-Arabja Sawdija li jistgħu joffru opportunitajiet ta’ skambji u ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-Arabja Sawdija. F’dan ir-rigward oqsma innovativi bħal Artificial Intelligence,blockchain, u proġetti kbar fit-turiżmu huma ta’ interess partikulari. Is-settur turistiku fl-Arabja Sawdija sar settur li jipprometti hekk kif l-Arabja Sawdja qiegħda tiftaħ is-suq sabiex tattira turisti lejn dan il-pajjiż. L-Ambaaxxata żammet il-Ministeru informat dwar konferenzi/opportunitajiet kummerċjali fl-Arabja Sawdija u fir-reġjun.

Kulturali

·              L-Ambaxxata tikkordina mad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewrpea f’Riyadh u l-Ministeru f’dan il-qasam bħal esebizzjonijiet, fieri jew iniżjattivi oħra. Flimkien mal-Ambaxxati ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea f’Riyadh, l-Ambaxxata ħadet sehem f’avveniment kollettiv fl’ okkazjoni tal-jum Nazzjonali tal-Unjoni. Għal dan l-avveniment intwerew filmati qosra li jirrapreżentaw il-Membri tal-Unjoni fosthom wkoll lil Malta. Il-magazin ‘Leaders’ ippublika artiklu dwar intervista mal-Ambaxxatur Sarsero fil-ħarġa ta’ Awissu 2019 fejn l-Ambaxxatur tkellem dwar l-iżvilupp tar-relażjonijiet bilaterali f’diversi oqsma, dwar l-istorja ta’ Malta u l-patrimonju kbir li ntiret matul iż-żmien, u dwar ir-rabtiet kulturali u lingwistiċi wirt tal-perjodu Islamiku f’Malta.

Konsulari

Birth registration / Reġistrazzjoni tat-twelid
4
Legalisation of documents / Legalizzazzjoni ta’ dokumenti
127
Declaration on oath / Dikjarazzjoni bil-ġurament
1
Passport applications / Applikazzjonijiet tal-passaport
26
Enquiries received on requirements for visa to Malta / Inkjesti li waslu dwar rekwiżiti għal viża għal Malta.
104

·              L-Ambaxxata impenjat ruha biex toffri assistenza konsulari lill-Maltin rigward diversi talbiet għal passaporti, reġistrazzjoni ta’ twelid, u applikazzjonijiet ghal-ċittadinanza Maltija. L-Ambaxxata ipproċessat 674 applikazzjoni għal visa Schengen matul l-2019. L-Ambaxxata ipproċesat ukoll talbiet mill-Ambaxxati tal-Bahrejn u l-Emirati Għarab Magħquda għal-permessi diplomatiċi fir-rigward ta’ titjiriet li jgħaddu minn Malta magħrufa bħala ‘overflights’. Informazzjoni dwar żviluppi interni u reġjonali tinġieb għal-attenzjoni tad-Direttorat Konsulari fi ħdan il-Ministeru biex iservi bħala gwida fir-rigward tal-kumpilazzjoni tal-lista ta’ Pariri għal Vjaġġar. L-informazzjoni f’din il-lista tgħin iċ-ċittadini Maltin ikunu jafu bis-sitwazzjoni tal-pajjiż li beħsiebhom iżuru. Aspett importanti fil-qasam konsolari huwa l-moniteraġġ ta’ zviluppi/inċidenti li jistgħu jaffetwaw is-sigurta tal-Maltin fl-Arabja Sawdija, u f’dan il-kuntest, l-Ambaxxata tikkordina mad-Dipartiment Konsulari tal-Ministeru.

Promozzjoni ta’ Malta

·              L-Ambaxxata ħadmet sabiex tippromuovi l-ħidma tal-uffiċċju f’Malta magħruf bħala ECLASLO u sabiex tisħaq dwar l-importanza ta’ dan l-uffiċċju, li għandu rwol importanti biex iqarreb l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Pajjiżi Għarab, kif ukoll iżomm id-djalogu bejn iż-żewġ reġjuni ħaj u attiv.

·              Saret ħidma sabiex informazzjoni dwar ir-rwol tal-IMLI f’Malta, u partikularment dwar applikazzjonijet ghal-programmi f’livell ta’ Masters relatati mal-liġi marittima fi ħdan dan l-Institut, titwassal lill-Awtoritajiet fl-Arabja Sawdija u fil-Bahrejn.

·              Il-promozzjoni ta’ Istituzzjonijiet edukattivi f’Malta kienet ukoll fost il-ħidma tal-Ambaxxata, fejn ingħata parir u informazzjoni relatat mar-regolamenti u kundizzjonijiet fl’Arabja Sawdija f’dan il-qasam. Wieħed irid ukoll isemmi li studenti mill-Arabja Sawdija qegħdin jistudjaw fl’ Universita ta’ Malta, studenti Sawditi jżuru Malta sabiex jitgħallmu l-Ingliż, u tobba fl-Arabja Sawdija jżuru Malta għal eżamijiet fl’ livell ‘post graduate’. F’dawn il-każijiet l-Ambaxxata tipproċessa l-applikażżjonijet għal visas wara l-aċċertamenti neċessarji.

Oħrajn

·              L-Ambaxxata wasslet informazzjoni lill-Awtoritajiet kompetenti fl-Arabja Sawdija, l-Bahrejn u l-Yemen dwar laqgħat f’Malta fosthom l-EU-Arab High-Level Meeting on Disability Rights f’April 2019, fejn delegazzjoni mill-Arabja Sawdija ippartecipat f’din il-laqgħa. L-Ambaxxata sservi ukoll bħala mezz ta’ kommunikazzjoni bejn l-ogħla Awtoritajiet f’Malta u l-Awtorijiet fl’Arabja Sawdija, l-Bahrejn u l-Yemen fir-rigward ta’ messaġġi għall jum nazzjonali, ħatriet ta’ Ministri u bidliet fl’ levell ta’ Kap ta’ Stat.

L-Ambaxxata tiehu sehem fil-laqgħat regolari ta’ kull xahar tal-Unjoni Ewropea fejn jiġu diskussi żviluppi esterni, domestiċi u reġjonali. L-Ambaxata tieħu sehem fil-laqgħat organizzati mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Riyadh ma’ Ministri u uffiċjali Sawditi. F’dan il-kuntest l-Ambaxxata irraportat lill-Ministeru l-andament ta’ dawn l-laqgħat kif ukoll żammet il-Ministeru aġġornat dwar zviluppi ta’ interess politiku, ekonmiku, u soċjali fl-Arabja Sawdija u fir-reġjun. L-aspett tar-rappurtar huwa importanti fil-kuntest ta’ reġjun pjuttost instabbli, mifni b’diversi kriżijiet reġjonali.

Seduta  295
04/02/2020

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...