4.2.20

X’bidliet wara terremot politiku?




1.     Il-pajjiż tagħna għaddej, għal darb’oħra, minn mument diffiċli.  Irridu naċċettaw li l-aħħar tlett xhur kienu  differenti, u li mhux nieqsa mill-inċertezza.  Bil-bidliet varji li rajna, qegħdin issa f’fażi oħra.  Preżentement, il-pożizzjoni għadha mhix ċara, u anqas ma hi stabbli.  Bil-ħatriet li saru.  Bil-kumplikazzjonijiet ta’ bnedmin li daħlu u nħarġu.  Kif ukoll ta’ oħrajn li ma ġewx magħżula.  Il-pajjiż għadu mhuwiex iħoss li bdejna mixjin lura lejn is-sewwa u n-normalità.

Il-pożizzjoni mhix faċli

2.     Ċertament, il-pożizzjoni ‘Post-Muscat’ fiha ħafna iktar milli nimmaġinaw.  Kif qed naraw, ma’ kull ġurnata hemm żviluppi ġodda fix-xena twila tal-iskandli politiċi li mhux biss qed naraw, imma issa qed immissu mal-konsegwenzi tagħhom.  Hemm f’dan, fuq  naħa l-għarfien ‘pożittiv’ li qed jitneħħew iktar persuni li ma kellhomx ikunu fil-poter.  Fuq l-oħra, dak ‘negattiv’ fejn hemm, kif konna għidna, ferm u ferm iktar moffa milli wieħed jaħseb.  Napprezzaw li min għandu r-responsabbiltà jrid jinqasam bejn deċiżjonijiet tajba għall-pajjiż u l-effett xejn tajjeb tagħhom fuq il-Partit Laburista.

Jista’ jasal?

3.     Napprezzaw li f’dan trid proġett politiku fit-tul biex tnaddaf.  Imma d-domanda fuq fomm diversi kienet, tul dawn il-ġimgħat, indirizzata lejn jekk kienx inbidel xi ħaġa minn żmien il-Gvern Laburista ta’ qabel.  Il-pajjiż kien qiegħed jistenna numru ta’ sinjali li beda jaċċetta li ma jistgħux jiġu.  Ma jistgħux għal diversi raġunijiet.  Fosthom, ukoll, il-kompromessi mill-iktar strambi li saru fil-ħatriet politiċi.  Hemm ukoll, inqas ċara, id-direzzjoni politika li qegħda tittieħed.  Hemm, inqas konvinċenti, kemm din it-tmexxija politika għandha l-prijoritajiet politiċi tagħha ma’ dak li qed titlob is-sitwazzjoni nazzjonali.

Dewmien politiku

4.     Meta l-Partit Nazzjonalista laqqa’ l-Kunsill Ġenerali fit-13 ta’ Diċembru li għadda, kien hemm min ikkritikah.  Illum hemm kunsens komuni li dak li sar kien tajjeb.  Il-ħmistax-il punt li ressaqna mhux biss taw direzzjoni ċara, imma wrew ukoll li l-prijoritajiet li ntgħażlu kienu, u għadhom, direttament f’posthom.  Tant kienu hekk, li tul il-kampanja interna tal-Partit Laburista, iż-żewġ kanditati ġew influwenzati u ressqu diversi bħala proposti tagħhom kontra l-kandidat l-ieħor.  Kien hemm għalhekk, dak iż-żmien, f’dan, l-impressjoni li ser ikun hemm proċess ta’ bidla fid-direzzjoni t-tajba mingħajr dewmien.  Illum, il-pożizzjoni nbidlet.  Dak li għandu jsir qiegħed idum ma jsir, u dak li ma jridux li jsir qegħdin iħalluh lura.

Konverġenza

5.     Jekk il-Gvern irid, għandu l-id tal-koperazzjoni politika tal-Partit Nazzjonalista fuq dawn il-punti.  Però, jidher dejjem iktar li din mhijiex ser tittieħed.  Dan huwa ċertament żball politiku kbir.  Hija opportunità unika li qegħda titwarrab għal raġunijiet varji.  Fuq naħa, l-inabilità li tingħaraf il-gravità tas-sitwazzjoni.  Fuq l-oħra, il-ħeġġa li tkompli tikxef kemm il-Gvern Muscat kien għaddej ħażin.  Fl-oħra, il-biża’ żbaljata fi triq is-suppervja li trid taqbel ma’ aġenda li ġiet stabbilita diġà mill-Partit fl-Oppożizzjoni.

Iktar ma jgħaddi l-ħin

6.     Iktar ma jgħadd l-ħin, iktar ser ikun diffiċli biex il-bidliet li għandhom isiru, iseħħu.  Proprju għalhekk li ser nibqgħu nħeġġu sabiex il-liġijiet li għandhom jiġu preżentati jiġu mressqa mill-ewwel.  Naraw li hemm bżonn korrezzjoni fid-direzzjoni politika nazzjonali li l-Gvern preżenti mhuwiex jieħu.  Hemm bżonn li ssir il-bidla fil-Partit Laburista fl-għarfien ta’ kif u għal liema raġuni partiti politiċi jingħataw il-fiduċja tal-poplu.  Spjegazzjonijiet ċari li hemm bżonn isiru fuq x’ġara u x’mar ħażin.  Spjegazzjonijiet ta’ kif  min kien fil-poter ra li għandu programm politiku fejn lill-poplu turih ħaġa, mentri l-affarijiet ikunu mod ieħor.  Kuntatt lura ma’ dak li huwa sewwa.

Ix-xenarju preżenti

7.     Il-pożizzjoni politika nazzjonali tagħna mhix tajba.  Il-futur għadna ma bdejniex naħdmu lejh.  Fl-instabilità tagħna għandna xenarji madwarna li jitolbu l-attenzjoni.  Għandna l-pożizzjoni fil-Libja li għaddejja minn mument partikolari u perikoluż.  Għandna, fuq l-oħra, il-kumplikazzjonijiet qawwija li ġejjin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.  Għandna l-problemi fl-abbiltà tagħna biex nassiguraw fondi mill-Budget tal-Unjoni Ewropea, li jippermettilna nkomplu navvanzaw ‘il quddiem.  Elementi urġenti li ċertament jitolbu direzzjoni u programm serju, effettiv, min-naħa tal-Gvern.

Fl-għażliet li ġejjin

8.     Fl-għażliet li ġejjin, il-linja politika għandha tibqa’ dik li tassigura riformi li jbiddlu verament.  Riformi li jħarsu: l-ewwel, il-preżent u l-futur; it-tieni, dak li qed jiġri hawn u dak li qed jiġri madwarna.  Ninsistu, għalhekk, f’ħidma li tħeġġeġ li jsir, l-ewwel, dak li huwa tajjb fih innifsu, u għax huwa hekk, huwa għall-“konvenjenza” tal-pajjiz.  Ninsistu, it-tieni, li ma jibqgħux iktar, miżuri ta’ konvenjenza politika semi-makkjavelljana.  Ninsistu fl-użu tar-raġuni, li dan il-Gvern Laburista jibda l-proċess veru tal-bidla.  Pajjiżna għadu għaddej mill-effetti diżastrużi ta’ terrimot politiku mingħajr preċedent.  Jekk ma jkunx hemm għarfien ta’ din il-verità, ma jistax ikun hemm il-bidla li għandna bżonn.  Proprju għalhekk li dan il-poplu ser ikompli jistaqsi lilu nnifsu: x’bidliet wara dan it-terrimot politiku?


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...