30.10.19

RIFUŻJONI FUQ VAT - ĦLASIJIET


11690. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li se jitħallsu persuni li għandhom jieħdu lura ammonti ta’ flus f’rifużjonijiet fuq VAT sal-aħħar ta’ Settembru 2019?

24/10/2019

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li għandhom jieħdu lura ammonti ta’ flus f’rifuzjonijiet fuq il-VAT sa’ l-aħħar ta’ Settembru, ser jitħallsu sa Ottubru 2019.
Ir-rifuzjonijiet fuq il-VAT jitħallsu dejjem f’nofs ix-xahar ta’ wara, minnufih kif ir-raġunijiet rispettivi, li għalihom ir-rifuzjonijiet ma jkunux tħallsu, ikunu klerjati

Seduta  270
29/10/2019



RIFUŻJONI FUQ L-INCOME TAX - ĦLASIJIET


  
11689. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li se jitħallsu persuni li għandhom jieħdu lura ammonti ta’ flus f’rifużjonijiet fuq l-Income Tax sal-aħħar ta’ Settembru 2019?

24/10/2019

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rifuzjonijet pendenti li kienu dovuti sa l-aħħar ta’ Settembru ġew mħallsin sal-15 ta’ Ottubru 2019.

Seduta  270
29/10/2019


IL-GUDJA – SKOLA PRIMARJA – SENA AKKADEMIKA 2019/2020 – STUDENTI REĠISTRATI





11687. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti reġistrati għas-sena akkademika 2019/2020 fl-Iskola Primarja fil-Gudja u jista’ jindika kemm hemm subien u kemm hemm bniet u jekk il-complement tal-għalliema huwiex sħiħ?

24/10/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li għas-sena skolastika 2019/2020 in-numru ta’ studenti fl-Iskola Primarja tal-Gudja huwa kif ġej:
Subien - 67
Bniet - 61
Total - 128                                 
Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li l-complement tal-għalliema f'din l-iskola huwa sħiħ.

Seduta  270
29/10/2019


ĦAL TARXIEN – SKOLA PRIMARJA – SENA AKKADEMIKA 2019/2020 – STUDENTI REĠISTRATI




11686. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti reġistrati għas-sena akkademika 2019/2020 fl-Iskola Primarja f’Ħal Tarxien u jista’ jindika kemm hemm subien u kemm hemm bniet u jekk il-complement tal-għalliema huwiex sħiħ?

24/10/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li għas-sena skolastika 2019/2020 in-numru ta’ studenti fl-Iskola Primarja ta' Ħal Tarxien huwa kif ġej:

Subien - 191
Bniet - 166
Total - 357                                 

Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li l-complement tal-għalliema f'din l-iskola huwa sħiħ.

Seduta  270
29/10/2019

RIFUŻJONI TAL-VAT - AMMONTI



11685. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ammonti ta’ flus li għadhom iridu jiġu mħallsa lura f’rifużjonijiet fuq il-VAT sal-aħħar ta’ Settembru 2019?

24/10/2019

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammonti ta’ rifuzjonijiet fuq il-VAT sal-aħħar ta’ Settembru 2019 kienu ta’ €71,161,094.

Seduta  270
29/10/2019

29.10.19

Lura lejn l-Ordni.




1.     Kull soċjetà, kull pajjiż, kull ċiviltà tikber u timxi jekk tħares lilha nnifisha mid-diżordni.  Tipproteġi lilha nnifisha mit-taħwid, mit-tgerfix u minn dak kollu li, flok jagħmel il-ġid, ikun kaġun ta’ deni.  Ħadd ma jista’ jmeri dan.  L-istorja hija mimlija b’eventi li minnhom din il-lezzjoni fundamentali tista’ tinsilet.  Ċertament mhux ħafna jagħrfu dan.  Speċjalment dawk li jaħsbu li n-nuqqas ta’ ordni huwa parti minn prinċipju etiku li tħalli lil kull persuna, fil-libertinaġġ tagħha, twettaq li trid u li jidhrilha.

Hemm limiti

2.     Ma hemmx ġid fil-fatt li l-Istat jindaħal fejn ma jesgħux.  Imma, b’din l-iskuża ma jfissirx li m’għandux jeżerċita u jwettaq dmiru fejn għandu.  Fejn huwa mistenni mill-bnedmin fil-ħajja tagħhom fir-rapporti interpersonali tagħhom.  Jista’ jkun li hemm min irid li jiddikjara lil pajjiżna ‘kosmopolita’, imma dan m’għandux ikun ċertifikat għat-taħwid u nuqqas ta’ kontroll.  Ir-realtà llum hija li f’dawn il-gżejjer, taħt il-ħsieb li għandek tippermetti kull komportament, ikun xi jkun, sejrin dejjem iktar lejn pożizzjoni li la għandha bidu u wisq anqas tmiem.

Garanziji

3.     Il-bnedmin iridu ċerti forom ta’ garanziji mis-soċjetà.  Jitolbu dejjem li jkunu bażati fuq numru ta’ prinċipji bażiċi tas-sewwa, li l-ħajja tagħhom u ta’ dawk li huma għal qalbhom huma protetti.  Protetti mhux biss fiżikament, imma wkoll fid-dinjità li ħaqqhom.  Il-bniedem illum, fis-soċjetà tagħna qiegħed isib lilu nnifsu iktar bħala strument tal-ekonomija, milli jara din bħala għodda għalih.  Il-linja li fuqha qed naraw dak li għaddej ġejja mill-ħsieb li huwa biss x’inhuwa kapaċi jipproduċi l-bniedem li jgħodd.  Huwa qiegħed jidħol f’kuntest ta’ soċjetà li tarah bħala għodda biex jitkabbar il-ġid ta’ ħaddieħor.  Qiegħed għas-servizz ekonomiku ta’ min għandu l-bżonn, fejn il-bżonnijiet tiegħu mhumiex ikkunsidrati.

Is-suq tax-xogħol

4.     Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, sewwa qiegħed iressaq l-argument, li dan il-Gvern preżenti għandu parti sew mill-politika ekonomika stramba tiegħu, li jara li aktar ħaddiema barranin iżidu fil-ġid ekonomiku ta’ wħud.  Fil-Kamra tad-Deputati kien hemm min ipprova jirredikola dan.  B’argumenti li ma jistgħux jitqabblu.  Imma dan seħħ għax hemm il-fatti li qed jiżviluppaw li l-Gvern ma jridx jaffronta, u jrid biss jaħrab.  Dan għax huwa magħruf li hawn iktar ħaddiema milli għandna bżonn.  It-tieni, hawn numru sew ta’ dawn il-bnedmin li mhumiex reġistrati skont il-liġi u qegħdin jiġu sfruttati.  It-tielet, għandek tkasbir tad-dinjità tagħhom, proprju għax ħadd ma ħaseb mill-bidu fejn u kif ser jgġixu fis-soċjetà żgħira tagħna, u dan qiegħed iwassalhom jgħixu f’kundizzjonijiet ekonomiċi li m’għandhomx.

Aristotli

5.     Tul din il-ġimgħa, ġie quddiemi dan il-filosfu Grieg.  Il-kunċett tal-iskjavitù u l-importanza tiegħu għas-soċjetà Griega, u iktar tard Rumana wieħed jifhmu, u ma jistax jaqbel miegħu.  Imma llum il-ġurnata, huwa evidenti li dħalna fl-istess mentalità fil-fatti tal-ħajja.  Fil-fatt, mhux miktub fil-liġi.  Imma dak li qiegħed jiġri jgħarrafna li fuq il-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol xejn tajba mogħtija lilhom, hawn sfruttament viċin x’kien jaħseb Aristoti.  Dan qiegħed jassigura li l-pajjiż tagħna jibqa’ jiġbed ċerti nvestituri jew iżommhom hawn għax il-pagi tal-ħaddiema ma jiċċaqilqux.  Punt li, fl-istrateġija ekonomika tal-Gvern ma jistax jiġi abbandunat, għax inkella taqa’ l-istruttura kollha kemm hija.

L-argument il-kontra

6.     Tant għandu raġun il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq dan, li ħadd min-naħa tal-Gvern m’huwa lest li jibdel il-politika ekonomika tiegħu.  Proprju għax aħna verament dipendenti fuq dan il-kunċett li bih ‘il-bniedem ġibnieh kważi totalment għas-servizz tal-ekonomija, li ħadd ma jrid iżomm u jġib lura l-ordni.  Tant ġejna niddependu fuq dawn il-ħaddiema, li issa l-Gvern għandu biża’ li jibdel.  Għandu għarfien li l-ewwel tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni għax jaf li s-suq qiegħed isir iktar nieqes minn prinċipji etiċi li jqegħdu ‘l-bniedem fiċ-ċentru; u t-tieni, għax jaf li bidla tfisser li jkun hemm żieda fil-paga tal-ħaddiem.  Xi ftit ekonomija nafu, u nagħrfu fejn ninsabu.

Lura lejn is-sewwa

7.     Proprju għax mhux biss, kif irid jgħidilna, li huwa biss huwa l-Ministru tal-Finanzi li tgħallem it-teoriji ekonomiċi.  Nagħrfu li minkejja d-diskorsi li jsiru fil-mument attwali fil-Parlament, huwa ovvju li għandna bżonn inġibu lura l-ordni.  Mhux b’miżuri drastiċi, imma b’passi li jġibuna lura għall-ordni bl-użu tar-raġuni.  Għandna bżonn figuri ċari u preċiżi f’idejna.  Il-Gvern, illum, tant tilef il-kontroll li ma jafx kemm hawn ħaddiema jew persuni barranin li qed jgħixu f’dawn il-gżejjer.  Tant mhuwiex iktar fl-ordni, li issa abbanduna lilu nnifsu fid-diżordni.  Dak li huwa nuqqas, qiegħed issa jressqha bħala xi forma ta’ virtù ġdida.  Il-Gvern mhux jifhem, u qiegħed jirrifjuta li hemm bżonn ta’ iktar attenzjoni, u jiċħad ir-realtà li hemm xenarju soċjali li qiegħed jitlob iktar żabra intelliġenti.

Mill-bank tal-Oppożizzjoni

8.     Proprju għalhekk li mill-Oppożizzjoni qegħdin nifhmu iktar dan kollu.  Ninfetħu għal djalogu dwaru biex isiru l-passi ekonomiċi t-tajba.  Id-deċiżjonijiet li jwettqu l-ġid komuni u t-tqassim ġust tiegħu.  Proprju għalhekk li bdejna t-triq soda tagħna lejn li jkollna l-ordni fil-pajjiż.

       


RIFUŻJONI TAL-INCOME TAX - AMMONTI




11684. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ammonti ta’ flus li għadhom iridu jiġu mħallsa lura f’rifużjonijiet fuq l-Income Tax sal-aħħar ta’ Settembru 2019?

24/10/2019


  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammonti ta’ flus li għad iridu jiġu mħallsa lura f’rifuzjonijiet fuq l-‘Income Tax’ sal-aħħar ta’ Settembru huwa ta’ €403,298.

Seduta  268
28/10/2019


RAĦAL ĠDID – SKOLA PRIMARJA – SENA AKKADEMIKA 2019/2020 – STUDENTI REĠISTRATI




11683. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti reġistrati għas-sena akkademika 2019/2020 fl-Iskola Primarja f’Raħal Ġdid u jista’ jindika kemm hemm subien u kemm hemm bniet u jekk il-complement tal-għalliema huwiex sħiħ?

24/10/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li għas-sena skolastika 2019/2020 in-numru ta’ studenti fl-iskejjel primarji f'Raħal Ġdid huwa kif ġej:

Primarja A
Subien - 155
Bniet - 121
Total - 276                                  

Primarja B
Subien - 111
Bniet - 117
Total - 228

Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li l-complement tal-għalliema fiż-żewġ skejjel huwa sħiħ.

Seduta  268
28/10/2019

GĦAJN DWIELI – SIT ARKEOLOĠIKU




11682. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex is-sit arkeoloġiku f’Għajn Dwieli magħruf bħala Kordin III jiġi miżmum aħjar u miftuħ iktar spiss?

24/10/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li s-sit tat-Tempji ta’ Kordin huwa parti mir-reġim ta’ manutenzjoni regolari ta’ Heritage Malta u jinfetaħ kull darba li Heritage Malta tirċievi talba. Barra minn hekk Heritage Malta torganizza attivitajiet partikolari, inkluż open days. Din is-sena saru żewġ attivitajiet marbuta mal-iskema tal-passaport fit-28 ta’ April u fis-7 ta’ Ġunju.

Seduta  268
28/10/2019

IL-FGURA - SKEJJEL PRIMARJI - SENA AKKADEMIKA 2019/2020 – STUDENTI REĠISTRATI



11681. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti reġistrati għas-sena akkademika 2019/2020 fl-iskejjel primarji fil-Fgura u jista’ jindika kemm hemm subien u kemm hemm bniet u jekk il-complement tal-għalliema huwiex sħiħ?

24/10/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li għas-sena skolastika 2019/2020 in-numru ta’ studenti fl-iskejjel primarji fil-Fgura huwa kif ġej:

Primarja A
Subien - 303
Bniet - 249
Total - 552                                  

Primarja B
Subien - 139
Bniet - 165
Total – 304



Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li l-complement tal-għalliema fiż-żewġ skejjel huwa sħiħ.

Seduta  268 
28/10/2019

ŻONA INDUSTRIJALI TA’ KORDIN - TINDIF




11651. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10792, jista’ l-Ministru jara li ż-Żona Industrijali ta’ Kordin tiġi mnaddfa u rranġata?

22/10/2019

  ONOR. CHRIS CARDONA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant, fil-kuntest li mhux Kordin kollu jaqa’ taħt ir- responsabbilità tal-Malta Industrial Parks, jista’ jindika għal-liema żona speċifika f’Kordin qiegħed jirreferi?

Seduta  268
28/10/2019

ŻONA INDUSTRIJALI TA’ KORDIN - TINDIF




11650. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10792, jista’ l-Ministru jara li ż-Żona Industrijali ta’ Kordin tiġi mnaddfa u rranġata?

22/10/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja li r-responsabbiltà ta’ tindif f’żoni industrijali hi fir-responsabbiltà ta’ Malta Industrial Parks, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tintervjeni meta jkun hemm il-ħtiega. Iż-żona industrijali ta’ Kordin titnaddaf regolari, minkejja li jsir abbuż minn diversi individwi irresponsabbli li jarmu skart illegali fiż-żona.

Seduta  268
28/10/2019

26.10.19

SKEJJEL PRIMARJI - XOGĦLIJIET TA' MANUTENZJONI ORDINARJA U STRAORDINARJA





11649. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 10785,10786, 10787, 10788 u 10789, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kienet l-ispiża relattiva għat-tiswijiet imsemmija?

22/10/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mid-Direttorat konċernat, l-iskejjel għandhom sal-aħħar ta' Novembru sabiex jissottomettu d-dettalji tal-ħlasijiet għax-xogħol li sar. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra iktar 'il quddiem wara li tingħatali din l-informazzjoni.

Seduta  265
25/10/2019

ĦADDIEMA LI MA BAQGĦUX JAĦDMU MAL-MINISTERU


  
11648. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10784, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk sal-aħħar ta’ Settembru kienx hemm iktar persuni li ċċaqilqu mill-Ministeru u jista’ jindika fejn marru l-ħames persuni indikati fl-imsemmija domanda?

22/10/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill Onor. Interpellant erbgħa mill-ħames uffiċjali msemmija fir-risposta tal-mistoqsija ta' qabel ġew trasferiti għall-Uffiċju tal-President u l-uffiċjal l-ieħor ġie trasferit għall-Ministeru għas-Saħħa. 

Seduta  265
25/10/2019

IX-XGĦAJRA – MANUTENZJONIJIET TAX-XATT





11647. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10782, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba humiex ser isiru x-xogħlijiet marbuta mat-tiswijiet tax-Xatt tax-Xgħajra?

22/10/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  265
25/10/2019

MARSAXLOKK – TRIQ DELIMARA - MANUTENZJONI




11646. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10568, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk humiex ser isiru xi xogħlijiet fi Triq Delimara Marsaxlokk?

22/10/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  Informat li bħalissa f’din it-triq qegħdin isiru xogħlijiet minn entità oħra li se tieħu ħsieb ukoll l-irranġar tagħha.

Seduta  265
25/10/2019

IDENTITY MALTA - DIXXENDENTI MALTIN LI JGĦIXU FIT-TUNEŻIJA, FL-EĠITTU U FL-ALĠERIJA




11645. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10567, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm xi żvilupp ulterjuri?

22/10/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien irrappurtat fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10567, id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ressaq il-każ ikkonċernat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Identity Malta, u filwaqt li dawn tal-aħħar fehmu li sitwazzjonijiet fejn minħabba raġunijiet storiċi l-persuni kkonċernati ma jkunux jistgħu jipprovdu ċertifikat tat-twelid oriġinali tal-iStat, għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ ċittadinanza u wara  ta’ passport, dawn issa se jkunu mogħtija l-possibbiltà li jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-magħmudija. Id-Direttorat huwa nfurmat minn Identity Malta li każi ta’ dan it-tip se jibdew jiġu trattati każ każ biex ikun aċċertat li d-dokumenti ppreżentati jkunu awtentiċi.

Seduta  265
25/10/2019

FORTIZZA TA’ DELIMARA - RESTAWR



11644. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10563 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir sabiex il-Fortizza ta’ Delimara tiġi restawrata u miftuħa?

22/10/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Seduta  265
25/10/2019

23.10.19

Fid-diffikultà nissudaw.




1.     Ngħixu f’kultura, fi ħsieb soċjali, fejn nippretendu li fil-ħajja, f’dak li nwettqu, dak li jiġi fuqna, kollox irid jiġina tajjeb mill-ewwel.  Ma nippermettux li r-riħ idur kontra tagħna u li l-affarijiet ikunu jidhru li sejrin f’direzzjonijiet opposti għal dak li nkunu daħħalna f’rasna li nwettqu.  Mentri, kif nagħrfu, ir-realtà tal-ħajja tagħna hija mimlija lezzjonijiet.  Kull persuna, kull soċjetà trid tgħaddi minn proċess li minnu, jekk tagħraf timxi, l-avversitajiet ma jkissruhiex, imma jispiċċaw jissudawha.  Trid, iva, paċenzja, sabar, attenzjoni u dożi qawwija ta’ determinazzjoni fil-kurrenti li jiġu għalina.

Hemm min jaqta’ qalbu

2.     F’dan il-proċess, wieħed jiltaqa’ ma’ persuni li jsibu ruħhom iktar lesti li jċedu u ma jkomplux jikkumbattu.  Ħafna, wkoll, mal-inqas kumplikazzjoni, idawru r-rotta.  Ftit huma dawk li jifhmu li hemm bank ta’ prova li jridu jaħdmu fih.  Hemm proċess ta’ eżami kontinwu li l-ħajja toffri, speċjalment f’dik politika.  Dawk li jridu jkunu strumenti ta’ bidla.  Dawk li jridu jagħtu l-ħajja tagħhom biex is-soċjetà tara progress soċjali u ekonomiku veru.  Dawn jagħrfu, biċċa biċċa, li jridu jaqilgħu sew ġewwa fihom, biex jissudaw u jifhmu r-realtà.  Li jridu, f’mumenti, jaraw lilhom jikkonfrontaw ideat f’komunità li trid tiċħadhom.

Mhux ser naħarbu mill-verità

3.     F’dan m’aħniex ser naħarbu mill-verità, mill-fatti, mid-diffikultajiet.  Hemm il-pożizzjonijiet li naraw jiżviluppaw, imma dan ma jfissirx li għandna ma nkomplux fi triqitna.  Dan għax nafu li fl-avversità nissudaw lilna nfusna, ninsannu u nitbasktu għal dak li ġej.  Iktar ma jkun qawwi l-proċess li ngħaddu minnu, iktar il-bnedmin fil-politika jkunu kapaċi jimxu u jmexxu ‘l ħuthom.  Min, fl-oppożizzjoni, jbati fi triqtu, ikun iktar attent għas-soċjetà kollha.  Ikun iktar strument ta’ kull klassi fis-soċjetà.  Ikun dak li mhuwiex parti li taħseb li dak li taħseb hi huwa s-soluzzjoni, mingħajr ma jkollha l-umiltà li tikkonfrontah fil-ħajja tal-bnedmin kollha.

Soluzzjonijiet

4.     Waqt li ħaddieħor jintilef fuq dak li m’għandux.  Waqt li huwa aljenat fuq dak li m’għandux bżonn ħaddieħor għaddej.  Kif nagħrfu, il-Gvern tal-ġurnata mhuwiex iwieġeb għar-realtajiet tal-bnedmin.  Mhuwiex, għax illum tilef mir-rankatura li jibdel fil-ġustizzja soċjali.  It-triq tiegħu biex mill-Oppożizzjoni jidħol fil-poter ma kellhiex il-proċess diffiċli li għaddejji aħna fih.  U proprju iktar, minħabba f’hekk li qiegħed isib li qiegħed jikkrolla internament.  Il-fattur dominanti li jżomm lill-Partit Laburista f’daqqa mhuwiex l-ideal, il-proġett politiku, imma s-sempliċi poter.

Il-bidliet

5.     Anki l-punt ċentrali li ġieb diversi f’daqqa miegħu, f’kelma oħra, is-saħħa tal-Mexxej, tal-Prim Ministru, qegħda biċċa biċċa tmur lura.  Illum hemm għarfien li saru numru ta’ forom ta’ “kompromessi”, uħud fl-“onestà”, oħrajn inqas fl-ideal u fil-kompożizzjoni tal-formazzjoni tal-Moviment li nħoloq.  Kien hemm fatturi varji li ġiebu bnedmin f’daqqa qabel.  Forsi aħna stess, bħala Partit Nazzjonalista, mingħajr ma għarafna dan biżżejjed, ġejna użati sabiex nassiguraw is-suċċess tiegħu.  Biss, ir-realtà hija li l-Partit Laburista qiegħed illum jaħdem, u ngħid li qed jirnexxilu, jidfen il-Moviment.  Qiegħed jieħu lura kontroll ta’ dak li ma kienx.

Proprju għalhekk

6.     Proprju għalhekk li wieħed irid jifhem, iktar u iktar wara l-aħħar diskors tal-Budget, li hemm bidliet li qed iseħħu fix-xenarju politiku.  L-ideat qed jinxfu, u magħhom ukoll il-momentum sabiex isiru l-bidliet importanti.  Hemm, ċertament, iktar piż fuq il-konsolidazzjoni tal-poter.  Proprju għalhekk li aħna rridu nifhmu li r-rilevanza politika tagħna qegħda tikber fil-proposti alternattivi tagħna.  Id-dokument li ġie preparat mill-Partit Nazzjonalista qabel id-diskors tal-Budget kellu f’dan importanza.  Dan għax: l-ewwel, wera biċ-ċar li qegħdin fil-proċess determinanti sabiex nibnu l-programm politiku tagħna; it-tieni, li fih hemm diġà ideat differenti minn tal-Gvern, li huma rilevanti; it-tielet, li hemm ukoll l-opportunità mitlufa li ngħatat lill-Gvern biex japplika wħud minnhom.

Fid-Diskors nieqes mis-sustanza

7.     Minkejja d-diskors nieqes mis-sustanza li ssir minn uħud dwarna, ir-realtà hija li l-Partit Nazzjonalista miexi ‘l quddiem.  Hemm proċess ta’ bidla li għaddej, naturali, neċessarju, li qiegħed isir.  It-triq quddiemna hija ċertament twila.  Forsi hemm ukoll min jaħseb li hija itwal milli hija.  Biss, hemm determinazzjoni u kuraġġ minn diversi minna biex f’dan il-pajjiż ikun hemm il-bidliet.  Ikun hemm pajjiż li jagħti każ tal-ġustizzja soċjali, lil min huwa minn taħt, lil min qiegħed jara li qiegħed wieqaf fis-soċjetà, lil min qiegħed isofri inġustizzji.  Li jkun hemm pajjiż li jieqaf mit-toroq żbaljati li l-korruzzjoni u ħutha jeħduna fihom.

Fil-proċess

8.     Fil-ħin tagħna fl-Oppożizzjoni, dmirna qed inwettquh.  Dak li nippreparaw sabiex ikollna programm politiku li nistgħu napplikaw għal dan il-poplu, li verament jixraqlu ċertament aħjar milli qiegħed jingħata. F’dan, minkejja dak li jistgħu jgħidu fuqna, qegħdin fil-proċess sabiex inbiddlu għas-sewwa lil dan il-pajjiż.  Għax għaddejna, u għaddejjin minn diffikultajiet varji li naraw dejjem iktar li qed nissudaw fil-ħidma u fil-proposti tagħna.  Aktar ma niġu mbaskta, bħal ma ġew ta’ qabilna, aktar ser inkunu kapaċi biex inwettqu l-intenzjonijiet tagħna għal ħutna f’dawn il-gżejjer.




20.10.19

Ċerti żbalji jridu jirrepetu rwieħhom?




1.     Hemm minjiera ta’ għerf u informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-bniedem.  Il-ktieb, id-diversi dokumenti f’arkivji varji, films, issa iktar minn qatt qabel, qegħdin hemm jistennewna.  Jistennew li jinfetħu u jinqraw, jiġu mixtarra u meħuda lura fil-kuntest sħiħ storiku tagħhom.  Fil-kuntest ta’ dawk li jridu l-verità.  Ta’ dawk li jfittxu li jkunu jafu dak li ġara verament.  Dawk li huma l-fatti mhux l-impressjonijiet, jew dak li qalu, jew dak li uħud li kitbu l-istorja jriduna nemmnu.  Jekk tmur bis-sewwa tfittex, issib ferm iktar milli taħseb.

Memorji

2.     Tul dan is-sajf, fir-riċerka kontinwa li moħħi jeħodni fiha, sibt punti ġodda fit-tastieri tal-istorja.  Wara li erġajt qrajt partijiet mill-ktieb tal-ekonomista magħruf John Kenneth Galbraith, “The Affluent Society”, mort infittex.  Fuq l-ixkafef tal-Università, fl-eqqel tas-sħana sibt żewġ volumi tiegħu.  Ħadd, ma rajt, li kien ħadhom qabel.  F’wieħed minnhom, “A Life in Our Times”, sibt dak li għadda minnu wara t-Tieni Gwerra Mondjali.  Appena spiċċat, tqabbad sabiex jagħmel analiżi ekonomika ta’ dak li r-reġim Nażista kien applika.  Rapporti ekonomiċi li daħħluh sabiex isir jaf dawk li kienu responsabbli għat-traġedji li n-Nażiżmu ġieb miegħu.

Fatti

3.     F’żewġ kapitoli xejn twal imma diretti.  Wieħed ‘Germany, 1945’ u l-ieħor ‘Albert Speer and after’ jiftħu l-għajnejn dwar dak li jidher, u fuq l-oħra dak li verament kien.  Il-leġġenda ta’ organizzazzjoni perfetta taqa’.  L-istorja ta’ bnedmin kapaċi, aqwa minn oħrajn, taqa’ ferm u ferm iktar.  Hemm osservazzjonijiet ta’ fatt f’dak li dan il-bniedem sab fid-domandi li għamel, fid-dokumenti li ġew għad-dispożizzjoni tiegħu.  Fosthom, li d-dinja demokratika kienet iktar produttiva fil-“war effort” minn dik Nażista.  Kif ukoll li kien hemm parteċipazzjoni akbar tan-nisa fid-dinja anti-Nażista milli l-kontra.

Il-kontra ta’ dak li naħsbu

4.     Mhux biss, imma l-ewwel kapitlu jitlaq mill-fatt li din il-ġerarkija inkompetenti Nażista kienet għamlet l-aħħar xhur tagħha tixrob u taħrab mir-realtà.  Others also were undergoing rehabilitation.  Ribbentrop, Funk and Ley had been continuously drunk for months, a natural enough recourse for shallow, even primitive men who still, when sober, were able to see the inevitable.  Drink was the escape.  Albert Speer, in earlier interrogations had said: “In the last months one had always to deal with drunken men.”  He went on to guess that when the history of the Third Reich was written, it would be said that it drowned in a sea of alcohol.”

Tifhem iktar

5.     Meta taqra wkoll dak li numru ta’ Nsara fil-politika għaddew minnu fl-istess kunflitt.  Tifhem ukoll iktar meta tqis kif Don Luigi Sturzo, Segretarju tal-Partit Popolari Taljan, ġie trattat.  Kif il-ġerarkija tal-Kurja Rumana ddeċidiet li għandu jirreżenja, jitwarrab u jiġi eżiljat biex ma jkunx ta’ xkiel fir-relazzjonijiet mal-Faxxiżmu.  Wieħed jifhem kemm hemm min idum biex jifhem kemm il-Lemin, b’dożi qawwija ta’ Lemin ieħor, huma żbaljati.  Li mhumiex is-soluzzjoni għall-isfidi li l-kultura Kattolika tiltaqa’ magħhom.  Li mhumiex il-protetturi jew id-difensuri tal-Knisja Kattolika.  Li huma, anzi, l-anti-messaġġ Nisrani.  Li, anzi, jirkbu fuq l-ispazju li wħud fil-Knisja jagħtuhom biex jissudaw kontra dak li huwa l-Evanġelju u kontra d-duttrina soċjali tagħna.

Tgħallem l-istorja

6.     Hemm lezzjonijiet varji għad-dispożizzjonijiet tagħna.  Imma, sfortunatament, nibqgħu niltaqgħu ma’ dawk li jaħsbu li l-Lemin u l-forom żbaljati tiegħu huma soluzzjoni għal dak li hu għaddej fid-dinja.  L-isfidi ‘materjalisti’ tallum m’għandhom xejn differenti mill-isfidi ta’ qabel.  L-istrumenti, l-għodda għad-dispożizzjoni jistgħu jkunu differenti.  Imma s-soluzzjonijiet għalihom jibqgħu daqshekk ieħor kostanti.  Il-messaġġ Nisrani jitlob, minnu nnifsu, attenzjoni għall-metodu.  Jitlob attenzjoni għall-bżonn ta’ għarfien li ma hemmx ġustifikazzjoni f’użu ta’ mezzi żbaljati għall-għanijiet tajba.  Jitlob li ma jkunx hemm żbalji li, għada pitgħada, wieħed jiddispjaċih li jkun daħal fihom.

Ideat imħawda

7.     Il-Qaddis Papa Pawlu VI, dawn l-iżbalji m’għamilhomx.  Anzi, bata huwa stess minnhom.  Kien il-bniedem li ġie mbaskat sew.  Kien ra b’għajnejh kif il-politika hija importanti fil-ħajja, u li huwa possibbli li jkollok waħda li tispira ruħha mill-valuri Nsara.  Kien jemmen fiha huwa wkoll, mingħajr ma nħakem minnha.  Biss illum, sfortunatament, hawn min irid inessi dik il-memorja.  Qisu jistħi mill-iżbalji, difetti u nuqqasijiet varji tal-Insara tiegħu fil-politika biex jarmi kollox.  Proċess li jiftaħ il-bieb għall-ispazju ta’ dawk li mhumiex Insara.  Jiftaħ u jżid għalih innifsu iktar il-problemi li jiġu bil-proposti li rajna u qegħdin naraw.

Ma hemmx min jgħallem

8.     Forsu wħud jistgħu jaħsbu li din il-problema mhix l-isfida prinċipali.  Jista’ jkun, però li hemm bżonn li jsir mill-ġdid huwa l-għarfien li l-Lemin Estrem ħsara biss iġib.  Li mhuwiex is-soluzzjoni, jew il-protezzjoni kontra dawk li huma fuq linji anti-Kattoliċi.  Hemm lezzjonijiet varji u kostanti fl-istorja, fl-esperjenza umana li trid tingħad mill-ġdid.  Nappella sabiex dan isir, għax serjament nittama li dawn l-iżbalji ħoxnin ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.



16.10.19

Il-prodott tas-sistema




1.     Kull partit fil-poter jidħol fil-libsa ta’ qablu u jibda, mingħajr ma jaf, joħroġ f’waħda differenti.  Illum, wara sitt snin skorruti, il-Gvern preżenti għandu din l-esperjenza li qegħda timmaterjalizza ruħha.  M’għadux iktar fil-pożizzjoni li jwaħħal f’ta’ qabel fuq in-nuqqasijiet tiegħu.  Din l-iskuża politika u konvenjentui issa m’għadhiex tgħodd.  Ir-responsabbiltà hija fuq min għandu l-piż tal-poter.  Id-deċiżjonijiet li ttieħdu minnu u li qegħdin iseħħu preżentement ilkoll akkumulaw u jiffurmaw stampa magħmula minn biċċiet varji.

Hemm għarfien

2.     Hemm għarfien ta’ dan fil-politiċi li għandhom iktar esperjenza fi ħdan il-Partit Laburista.  Tul din il-ġimgħa smajt, partikolarmenmt, lill-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol, Evarist Bartolo.  Kien hemm diversi riflessjonijiet.  Fosthom l-għarfien ta’ dak li kull gvern jiret fit-tajjeb.  L-għarfien li kull min qiegħed hemm irid jara kif ikompli jmexxi ‘l quddiem billi jirranġa, jipperfezzjona u jbiddel fejn hemm verament bżonn.  Dan sabiex wieħed jimxi iktar ‘il quddiem.  Kliemu kienu żiffa tajba fil-Kamra tad-Deputati.  Għax hemm il-vantaġġ li wieħed jifhem li l-politiċi lkoll, speċjalment dawk li huma ta’ rieda tajba, jridu jmexxu f’direzzjonijiet ċari u ta’ ġid ġenerali, komuni għal kull membru fis-soċjetà.

Distakk

3.     F’dan, ebda politiku li jidħol b’din il-mira ma jieħu gost isib ruħu f’linja differenti fir-responsabbiltà kollettiva li partit u ministeru jġibu.  Preżentement, ilkoll nafu li hemm wisq sistemi li jimmiraw u jwasslu lejn dak li m’għandux jiġi permess.  Hawn wisq rapporti ta’ korruzzjoni, wisq xamma kbira tagħha.  Diversi jaċċettawha.  Jammettuha.  Qegħda hemm bħala kundizzjoni “essenzjali”, jew “garanzija” għat-tkabbir ekonomiku.  F’dan li jerġa’ jikber l-għarfien li hemm l-impossibilità li wieħed jikkumbattiha, jeqridha u jneħħiha.  Nara li hemm rassenjazzjoni interna fl-inkapaċità li wieħed ineħħi dak li huwa żbaljat.  Żbaljat għall-pajjiż, għall-Partit Laburista u għall-wirt tiegħu.

Separazzjoni

4.     Ċertament, l-ispirtu fl-2013 kien kompletament il-kontra.  Anzi, diversi kienu jikkritikawna fuq kemm għandna “korruzzjoni”.  L-ewwel liġi saret proprju bit-tir li dak li kienu qed jissuspettaw jiġi għad-dawl tax-xemx.  Niftakru u nfakkru li llum hemm liġi li tgħid li ma hemmx preskrizzjoni f’każijiet bħal dawn.  L-effett wara dawn is-snin huwa kompletament il-kontra.  Ma nemminx li dan huwa ovvju għalina biss fil-Partit Nazzjonalista, u mhuwiex f’dak Laburista.  Ma nemminx li ma hemm ħadd li qiegħed jiddejjaq jiġi ssikkat u mwaħħal bil-kolla politika ma’ dawk li ma jġibux ruħhom kif għandhom.

Fil-fonti

5.     L-ilma li wieħed jixrob minnu, dak li wieħed iqiegħed fuq moħħu huwa u jidħol fil-knisja, dak li juża kull ġurnata, huwa tajjeb li jinżamm nadif.  Meta dan jitħammeġ u jiddardar, l-effett tiegħu jintilef.  Il-Gvern preżenti jaf li billi ppermetta, u għadu jippermetti atti żbaljati jsiru, mhuwiex iżomm l-ilma kif għandu.  Anzi, tant “drajna” li l-politika u l-ekonomija żbaljata jitħalltu, li hemm ferm inqas opportunità li tbiddel.  L-argument li naraw għaddej huwa bażat fuq il-fatt li jekk ħaddieħor irnexxielu jieħu u jżid fil-but mingħajr konsegwenza, daqshekk ieħor jista’ huwa.  Mhux biss, imma l-pożizzjonijiet interni huma “importanti” mhux tant fir-responsabbiltà, fis-servizz li jġibu, imma li wieħed ikun fejn għandu biex iwettaq dan il-“ħsieb”.

Kibret wisq

6.     Għada nisimgħu d-diskors tal-Ministru tal-Finanzi li, kif nafu, isir fl-isfond ta’ operazzjoni ta’ aljenazzjoni politika.  Dak li jingħad isir sabiex il-pajjiż jibda jaħseb fuq “proġetti” oħra.  Ċertament mhux miżuri ta’ kontroll, imma diversi punti li, kif nafu, mhux dejjem jitwettqu imma jitressqu quddiem il-poplu sabiex idawwar il-ħsieb.  Fi proċess medjatiku determinat, b’bumbardament kbir.  Dan sabiex uħud jibqgħu taħt l-impressjoni li kollox sejjer tajjeb.  Oħrajn jieqfu jaħsbu fuq dak li qegħdin jaraw ħażin.  Imma lkoll nafu li l-verità tibqa’ li tant kibret din il-pjaga li, jingħad x’jingħad temporanjament f’dawn il-jiem, xorta ż-żejt jitla’ lura f’wiċċ l-ilma mdardar.  Hemm ukoll min qiegħed jara sew dak li qiegħed iseħħ.

Mhux għal dan

7.     Diversi persuni li naf, u sirt iktar naf, fl-2013 u fl-2017 ma vvutawx għal dan.  Ma riedux Gvern li jippermetti li l-korruzzjoni tikber u ssir il-mekkaniżmu intern tal-Istat.  Ħafna qegħdin jikkonfrontawha, jsibuha fil-ħajja tagħhom, fil-problemi u fl-intoppi varji.  Il-ħsara li tmexxija ħażina ġġib hija verament kbira.  Ħafna jafu b’dan.  Ħafna oħrajn huma mdejqa mill-fatt li taw il-kunsens politiku tagħhom għal dak li ma kienux jaħsbu li ser iseħħ.  Ħafna daħlu inizjalment f’kompromessi li llum qegħdin jifhmu dejjem iktar li huma żbaljati.  Biss, finalment, ilkoll ser nagħrfu li dan kollu huwa l-prodott finali ta’ din is-sistema politika mill-iktar żbaljata.




ŻONA INDUSTRIJALI TA' KORDIN - TINDIF




10792. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jsir it-tindif neċessarju fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin u l-madwar tagħha, għax għalkemm iffrekwentata sew, inkluż minn diversi sportivi, mhix mogħtija l-kura u l-attenzjoni neċessarja?

01/07/2019

  ONOR. IAN BORG:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  253
14/10/2019

EŻAMIJIET TAL-LATIN U GRIEG - STUDENTI




10791. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm studenti fl-iskejjel sekondarji li studjaw u resqu għall-eżami fil-Latin jew il-Grieg?

01/07/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda studenti fl-iskejjel Sekondarji tal-Istat li jistudjaw il-Latin jew il-Grieg. Infurmat ukoll li m’hemmx studenti fl-iskejjel Sekondarji Non-Statali li jitgħallmu dawn is-suġġetti.

Seduta  253
14/10/2019

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...