13.10.17

Il-Partit Nazzjonalista lest jgħin lill-Gvern bla pjan biex ma jkomplix iżarma l-Kunsilli Lokali




L-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta li tgħin lill-Gvern li tant kemm m’għandux pjan, li qed iżarma l-Kunsilli Lokali. L-aħbar żvelata llum minn The Times of Malta tikkonferma li l-Gvern m’għandu ebda pjan għall-Kunsilli Lokali f’pajjiżna. Dan qaluh il-Kelliema għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Marthese Portelli u l-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Marthese Portelli qalet li issa li l-Gvern iddeċieda li joħloq Aġenzija ġdida biex tamministra x-xogħol fuq it-toroq f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni se tinsisti li filwaqt li x-xogħol jiġi amministrat mill-aġenzija, d-deċiżjonijiet dwar liema toroq għandhom isiru jittieħdu mill-Kunsilli Lokali.

Marthese Portelli qalet li l-Partit Nazzjonalista lest jgħin lill-Gvern, fost l-oħrajn, billi jinsisti li:
  • l-ħaddiema ta’ Transport Malta li diġà jaħdmu f’dan is-settur u li għandhom l-esperjenza f’dan is-settur, jingħataw l-opportunità li jaħdmu f’din l-Aġenzija;
  • l-kuntratturi Maltin kollha għandhom kollha jingħataw l-istess opportunità biex jipparteċipaw f’dan il-proġett;
  • jekk il-Gvern jiddeċiedi li jġib esperti barranin, dawn għandhom jaħdmu id f’id ma’ dawk Maltin;
  • l-Kunsilli Lokali mhux biss ikunu kkonsultati dwar id-deċiżjonijiet, iżda d-deċiżjonijiet dwar liema toroq isiru u meta jsiru, jittieħdu mal-Kunsilli Lokali.
Mar​these Portelli sostniet li l-Partit Nazzjonalista lest jgħin lill-Gvern li m’għandux pjan ta’ kif se jagħmel it-toroq ta’ pajjiżna, iżda dan għandu jsir f’kuntest u parti minn pjan strateġiku u fit-tul ta’ kif wieħed jindirizza l-akbar sfida li qed jaffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi - dik tat-traffiku. Id-deċiżjoni tal-Gvern li jonfoq €700 miljun fit-toroq ta’ pajjiżna, filwaqt li għandha ttejjeb il-kundizzjonijiet tat-toroq, mhix se tnaqqas it-traffiku mit-toroq Maltin u Għawdxin. 


Minn naħa tiegħu, Robert Cutajar spjega kif il-Gvern Laburista tant m’għandux pjan li qabad u ddeċieda waħdu - f’kamra magħluqa - li jżarma l-Kunsilli Lokali u jieħu minn idejhom il-poter li għandhom illum. Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Gvern jgħaddi bħal romblu minn fuq is-Sindki, Viċi Sindki u Kunsillieri Maltin u Għawdxin, iżda se jkun it-tarka tagħhom. 

Hu staqsa għaliex il-Gvern irid jaqbad u jiddeċiedi hu liema toroq għandhom isiru u meta jsiru? Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li deċiżjonijiet fuq il-pjan ta’ ħidma u ż-żmien ta’ meta jsiru t-toroq, jibqgħu jsiru mill-Kunsilli Lokali, li huma l-aktar viċin ir-residenti fil-lokalitajiet. 

Robert Cutajar temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem favur is-sussidjarjetà u jibqa’ jemmen f’dan il-kunċett, anke fid-dawl tar-riforma tal-Kunsilli Lokali li l-Gvern ilu jitkellem dwarha iżda għadu qatt ma kkonsulta dwarha. Il-Partit Nazzjonalista lest jgħin anke f’din ir-riforma. Robert Cutajar sostna li l-Gvern għandu jaħdem biex isaħħaħ il-Kunsilli Lokali u mhux iżarmahom. Madanakollu, temm jgħid Robert Cutajar, hu ċar li l-Gvern m’għandux pjan u jaqbad u jiddeċiedi skont dak li jfettilu. 

12.10.17


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...