22.10.17

Mexxej Uniku u Ewropew




1.     F’dawn il-jiem, il-mezzi tax-xandir huma mimlija b’aħbarijiet ta’ dak li hemm għaddej preżentement fil-kontinent Ewropew.  Għalkemm diversi ma jaqblux u jippruvaw jargumentaw il-kontra, il-verità hija li, għal snin twal, il-Ġermanja u Franza ddominaw l-istorja.  F’mumenti kienu għedewwa, f’oħrajn alleati.  Biss, ħadd ma jista’ jħares lejn l-eventi tal-popli Ewropej mingħajr ma jagħraf ħidmiethom.  Ċertament, din ir-realtà hija iktar qawwija llum f’Unjoni Ewropea li anke jekk kibret fil-membri, flok naqqsitilhom fl-importanza iktar żdiditilhom.



2.     L-elezzjonijiet reċenti fiż-żewġ pajjiżi m’għandhomx effett limitat għall-popli rispettivi, imma jimxi iktar ‘il bgħid minn hekk.  L-istabilità politika u ekonomika tagħhom tfisser l-istess għall-oħrajn, aħna nklużi.  Ir-riskji f’dawn iż-żewġ appuntamenti din id-darba kienu ikbar mis-soltu.  Dan għax huwa rikonoxxut li l-movimenti fuq il-lemin estrem ħabtu sew mal-bibien tal-poter, l-iktar minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari.  Kriżi li, kif nafu aħna, mhix faċli li taffronta.  Nafu li fi Franza, il-Partit Republique en March tal-President il-ġdid Emmanuel Macron żamm lil dak il-pajjiż fil-linja politika Ewropea li tħares ‘il quddiem f’tiġdid demokratiku.  Min qiegħed jaqra l-ktieb reċenti tiegħu ‘Re’evolution’, u min qiegħed isegwih jagħraf iktar li hemm ideat ġodda li qed jitolbu attenzjoni.



3.     Ftit ġimgħat ilu rajna l-elezzjonijiet politiċi ġewwa l-Ġermanja.  Art li mit-Tieni Gwerra Mondjali kellha, u għad għandha sehem fiż-żamma tal-paċi u l-istabilità.  Art li rat f’dan il-perjodu tlett mexxejja demokratiċi nsara li servew lill-pajjiż f’mumenti kruċjali.  L-ewwel Konrad Adenauer mill-1949 sal-1963, it-tieni Helmut Kohl mill-1982 sal-1998, u issa Angela merkel mill-2005 sallum.  It-tlieta ħallew l-impatt tagħhom, u fil-każ ta’ Merkel, għadha.  Mara li għaddejja minn staġun politiku diffiċli.  B’żewġ leġislaturi f’alleanza politika mas-soċjal-demokratiċi u issa b’parlament fejn il-partiti żdiedu aktar mis-soltu.  Biss, irnexxielha żżomm il-Partit Demokratiku Kristjan fuq quddiem anke jekk, kif għidna, il-kumplikazzjonijiet tal-immigrazzjoni irregolari kienu qed jagħtu vantaġġi lill-partit tal-lemin estrem.  Partit li daħal, sfortunatament, wara dawn is-snin kollha f’dak il-parlament.



4.     Dak li ġara tul dawn ix-xhur tas-sajf kellhom, u għad għandhom, l-effett tagħhom.  Huma żgur suġġetti ta’ artikoli oħra għall-futur.  Biss, bil-permess tagħhom, f’dan xtaqt infakkar politiku Kattoliku kbir.  Ilni minn tul l-aħħar xhur irrid infakkar lil Konrad Adenauer, li kien l-ewwel Kanċillier demokratiku fil-Ġermanja maqsuma f’biċċiet wara t-Tieni Gwerra Mondjali.  Din is-sena jaħbat il-ħamsin anniversarju mill-mewt tiegħu, li ġrat fis-16 ta’ April 1967.  Tifhmu, għalhekk, li ilni dawn ix-xhur nipprova nsib il-ħin u l-okkażjoni li nikteb u nfakkru.  Jimmerita din l-attenzjoni għal numru ta’ raġunijiet, fosthom, speċjalment, il-fatt li kien hu li minkejja li kien ġew mill-iżvantaġġ ta’ pajjiż maqsum f’erbgħa, emmen fl-Ewropa ispirata mill-valuri Nsara, magħquda biex tinżamm il-paċi u biex jitkattar il-ġid.  Mhux biss, imma rnexxielu b’diffikultajiet xejn żgħar, iġib lura l-fiduċja tal-alleati biex it-tlett biċċiet li kienu taħt l-Istati Uniti tal-Amerika, Franza u r-Renju Unit jiġu lura f’daqqa u lura indipendenti.



5.     Kien huwa wkoll li qabad it-triq tar-rikostruzzjoni tal-pajjiż li ġie mkisser u mħarraf, mertu tal-iżbalji politiċi u militari li ttieħdu min-Nażiżmu.  Kif ukoll li fehem l-importanza għal pajjiżu li jkun parti min-North Atlantic Treaty Organisation (NATO).  It-theddida Sovjetika kienet qawwija ħafna u ma setax jissogra.  Dan seħħ prinċipalment minħabba d-doni u t-talenti li kkoltiva tul ħajtu.  Kien tgħallem il-virtujiet tal-puntwalità, l-ordni, il-paċenzja, il-persistenza.  Kien żviluppa mod ta’ kif jgħix, li fih kien jaħrab kull forma ta’ eċċess.  Il-fatt li tgħallem jiddixiplina ruħu daqshekk ġiebu persuna kapaċi taħdem siegħat itwal milli kien jagħmel ħaddieħor, b’inqas sforzi, kapaċi jikkonċentra fit-tul, u li jiffoka fuq il-miri li huwa stess stabilixxa.  Li kapaċi jinnegozja madwar il-mejda b’perseveranza qawwija.



6.     Dan il-mexxej veru, li l-Ġermanja magħquda fl-2003 ivvutat bħala l-aqwa li qatt kellhom, jimmerita attenzjoni tajba anke ġewwa pajjiżna.  Ngħid dan għax kien il-bniedem li spiċċa daħal fil-politika attiva fl-età ta’ 70 sena.  Qabel serva u ra ħafna tul erba’ mumenti tal-Istat.  L-ewwel taħt żmien l-Imperu Tedesk, ‘l hekk imsejjaħ “Kaiserreich”.  It-tieni tul il-perjodu tar-Repubblika ta’ Weimar.  It-tielet waqt iż-żmien tan-Nażiżmu.  Fl-aħħar fi żmien id-demokrazija u l-kostruzzjoni.  Kien f’dan l-aħħar perjodu li ħareġ il-kwalitajiet tiegħu ta’ amministratur u politiku.  Wieħed li ġie fdat proprju għax f’ebda mument ma aċċetta n-Nażiżmu, anzi li tul dak iż-żmien bata sew fih b’persekuzzjoni kbira.  Filwaqt li oħrajn f’din l-età “avvanzata” jħossu li għandhom jirtiraw, huwa spiċċa minflok fil-bidu ta’ ħajja ġdida.



7.     Dan seħħ prinċipalment għax waqt li kienu l-Amerikani li kellhom fiduċja fih u ħaduh magħhom lura bħala Sindku tal-belt ta’ Cologne, appena din ġiet f’idejn l-Ingliżi huwa tneħħa inġustament.  F’dak il-mument partikolari, fit-6 ta’ Ottubru 1945, fl-Ingilterra kien ġie elett il-Partit Laburista, li kien jippreferi s-soċjal demokratiċi Tedeski iktar mill-Kattoliku Adenauer, li kienu kkalkulaw żbaljatament li ma kienx bniedem influwenti u politikament b’saħħtu.  Din id-daqqa ta’ ħarta, flok serviet biex ġiebet fi tmiem, jew qatgħet qalb Adenauer, ġibitu fiċ-ċentru tal-ħidma.  Fehem li jrid jorganizza partit li kien jinvolvi fih siha ‘l-Kattoliċi tradizzjonalment attivi fiż-Zentrum Parti, kif ukoll lill-protestanti.  Dan irnexxielu jagħmlu b’diffikultà, imma b’koperazzjoni ta’ diversi li kienu fehmu li kien hemm bżonn li l-Insara jkunu magħquda kontra t-theddida Marxista.  Proprju mertu kbir tiegħu li rnexxielu jġib din l-għaqda u jwaqqaf dak li għadu sal-ġurnata tallum il-Christlich-Demokratische Union (CDU).



8.     Minn hemm ikkontesta bħala kap tal-partit, u ġie elett Kanċillier tlett darbiet infila: fl-1953, 1957 u fl-1961.  Wara erbatax-il sena ta’ ħidma, proprju fil-15 ta’ Ottubru 1963, ta’ sebgħa u tmenin sena, irriżenja.  F’dawk is-snin mhux kollox mar kif ried, però l-pedament kien qegħdu f’postu, u kien wieħed sod.  Fundamentali għalih kien it-twemmin tiegħu li l-filosofija Nisranija tal-ħajja għandha tirbaħ fuq il-materjaliżmu sabiex il-punt ċentrali ma jibqax l-Istat, imma jsir il-bniedem.  Għax għall-Insara l-bniedem ħaqqu d-dinjità, fejn id-drittijiet fundamentali tiegħu ma jistgħux jintremew.  Illum, f’dan l-anniversarju għandna lkoll naċċettaw li huwa mertu kbir ta’ dan il-bniedem li għandna l-paċi, l-istabilità fl-Ewropa.  Li ħalla warajh il-prova li n-Nisrani għandu postu fil-politika u li kapaċi jwettaqha b’suċċess kbir.  Adenauer kellu karriera twila ħafna għas-servizz ta’ pajjiżu.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...