22.10.17

Stennejna ferm aħjar.




1.     Għalkemm fil-pubbliku, bis-soltu mekkaniżmu li bih il-Gvern Laburista preżenti jipprova jimmanipula l-imħuħ, il-messaġġ kien li billi suppost li kull min jiġi elett fl-ewwel sena jdaħħal taxxi ġodda, billi huwa ma daħħalx, allura b’daqshekk il-budget, skont hu, għandu jiġi definit bħala “tajjeb”.  Biss, fortunatament, fis-soċjetà mhux kull persuna temmen dak li ried ibella’ l-Gvern.  Il-maġġoranza fir-realtà, minflok dak li ngħad, stenniet li jkun hemm dokument li fih tiġi mmarkata l-linja politika, il-viżjoni, il-mira li għaliha ser jaħdem tul il-leġislatura li ġejja.  Il-kitba kienet, f’ħafna mumenti, tixbaħ x’kellu jkun l-aħħar budget tal-aħħar leġislatura.  Ġustament ingħad minn diversi li huwa wieħed mingħajr ebda forma ta’ pjan.



L-istess diskors tas-snin ta’ qabel



2.     Ħafna ppretendew li d-diskors ikun fih ferm iktar sens u sustanza milli fil-fatt kellu.  Wieħed kien jistenna, speċjalment meta wieħed jikkonsidra l-għerf ta’ min qraħ, ferm u ferm iktar kwalità.  Għarbiel aqwa ta’ dak li għaddej fl-ekonomija mis-sempliċi l-istess linji ta’ propaganda, li nafu li ma jgħidux il-verità sħiħa.  Mhux biss, imma f’aktar minn tmenin fil-mija tiegħu, il-linja kienet ripetittiva, bħal tas-snin preċedenti.  Smajna l-istess suġġetti li, sena wara sena ta’ din l-amministrazzjoni, ilna nisimgħu f’dan id-diskors annwali bi ftit li xejn ġdid jew progressiv.  Mhux biss, imma biex wieħed jinsulta iktar l-intelliġenza, issemmew ukoll punti li diġà ġew finalizzati tul is-snin li għaddew, bħallikieku għad iridu jsiru.  Smajna bl-istess proġetti li sena wara sena nisimgħu bihom, imma ma jsirux.  Rajna fuq kollox l-istess tal-istess tal-istess.  Ippretendejna ferm aħjar.



Is-suq tal-kera injorat



3.     Hemm diversi setturi li ma smajna xejn dwarhom.  Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, fost l-oħrajn, kien għal darb’oħra assenti.  Miegħu rajna, minflok, preżenzi ta’ ministeri oħra li l-kontenut dwarhom ma jgħid assolutament xejn ġdid.  Spikkat, fuq kollox, il-biża’ tal-Gvern milli jaffronta ħafna problemi fis-soċjetà li ilna nħossu li qed jakkumulaw tul l-aħħar snin.  Prinċiparjament dik li s-suq tal-kera tad-djar qiegħed joħloq fis-soċjetà tagħna.  Għandna fuq naħa tant permessi ta’ iktar bini ta’ djar, u fuq l-oħra l-kirjiet, flok jonqsu, qed jiżdiedu.  Meta wieħed jaqra dak li ngħad fl-istess diskors isib li l-Gvern ser issa jibda jistudja x’qiegħed jiġri u wara “beħsiebu” joħroġ white paper għal diskussjoni ġenerali.  Sinjal, jekk qabel ma kien hemm bżonn, mill-iktar ċar li ħadd ma jidher li qiegħed iħoss il-karba li hemm hemm barra ta’ diversi persuni li qed jaraw il-kirjiet ta’ fejn jgħixu jiżdiedu b’rati kbar u inkontrollabbli, b’diffikultajiet biex isibu saqaf fuq rashom.  Pożizzjoni mill-iktar kiefra għal dawk li jgħixu, għal xi raġuni jew oħra, waħedhom.



Ebda sens ta’ urġenza



4.     Ma hemmx sens ta’ urġenza għal dak li t-tessut soċjali qiegħed iħoss.  Bħal lanqas ma hemm f’dak li qiegħed jiġri fid-dinja tax-xogħol.  Meta fl-istess diskors isir ftaħir ta’ kemm żdiedu l-bnedmin fid-dinja tax-xogħol, ħadd ma huwa jgħid li l-maġġoranza ta’ dan ġejja mhux  minn iktar Maltin u Għawdxin, imma minn persuni li ġejjin minn barra, ħafna drabi b’salarji baxxi.  Il-pagi baqgħu fejn kienu; ma żdidux.  Anqas f’dan ma huwa jingħad li n-nisa li daħlu lura fid-dinja tax-xogħol deħlin f’impjiegi part-time u f’dawk li huma l-iktar ‘l isfel fl-iskala tal-kwalità.  Ħadd ma huwa jara l-impatt ta’ dan, kif anqas ma smajna x’miżuri ġodda qed jinbnew biex dawk li huma fil-kategorija msejħa “NEET”, jiġifieri li la huma jaħdmu, la jistudjaw u lanqas f’xi forma ta’ taħriġ, ser jinġiebu lura.



Paga minima nazzjonali



5.     Tal-mistħija iktar kif, fil-budget, l-ewwel insibu qisu ser isir xi ħaġa issa dwar l-aġġustament, mhux iż-żieda, tal-paga minima nazzjonali.  Id-dokument qisu jagħti x’jifhem lil min semgħu li ser ikun hemm żieda f’daqshekk.  Minflok huwa rappurataġġ ta’ dak li kien ġie qabel maqbul.  Xejn ġdid, u xejn dħul iktar għal din il-klassi tal-proletarjat.  Mhux talli, imma anqas jitwemmen kif Gvern li suppost għandu għal qalbu l-ħaddiema, ħalla lil dawk li qegħdin fl-hekk imsejħa “Community Worker Scheme”, li tant ikkritikajna fl-aħħar leġislatura għall-inġustizzja tal-kundizzjonijiet prekarji tagħhom, sentejn sħaħ wieqfa.  Issa qed jitħabbar li fl-aħħar ser jibdew jieħdu mitejn ewro (€200) oħra fix-xahar.  Jekk il-Gvern irid jindirizza inġustizzja passata verament, għandu jagħti lil dawn in-nies l-arretrati ta’ sentejn.



Ebda miżura fuq il-prekarjat



6.     Anqas fuq il-prekarjat ma smajna xi miżura konkreta.  Jidher ċar li l-Gvern iddeċieda li din jinjoraha.  Il-famuż bord li għamel b’tant pompa sabiex isir il-blacklisting spiċċa falliment kbir.  Ħadd ma jrid jirreaġixxi għalih, u s-sitwazzjoni baqgħet għaddejja.  Għax jekk hemm dan is-surplus kollu li qed jingħad, allura fejn huwa jekk dawn il-punti ma rajnihx b’edba mod.  Il-Gvern, jidher għalhekk ċar ħafna, li nixef mill-ideat.  Tilef anke mill-ħeġġa li jipprova jbiddel sitwazzjonijiet li żviluppaw taħtu.  Dan b’mod mill-iktar ċar fl-edukazzjoni.  Il-bżonn ta’ iktar għalliema, ta’ iktar persuni juri ċar li ma kienx hemm pjanar tajjeb.  Il-fatt li din il-ġimgħa saret, terġa’, sejħa lill-istudenti li għaddejjin fl-istudju tagħhom biex jidħlu huma part-time hija iktar u iktar prova ta’ dan in-nuqqas.  L-MUT qalet kelma jew tnejn dwar dan, però jidher ċar li hija wkoll qed tiġi injorata.



Gvern bla pjan



7.       Dawn huma ftit punti minn dan il-budget li huru kemm dan ma sarx biżżejjed tajjeb biex jaffronta r-realtajiet soċjali u ekonomiċi li żviluppaw b’mod iktar qawwi taħtu.  Sewwa qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, li dan huwa wieħed bla pjan.  Ser nikkritikawh, però dan ma jfissirx li m’aħniex lesti li noffru l-għajnuna tagħna.  Għax għalkemm id-dawl kien fuqna f’dawn ix-xhur, minn dak li smajna u qrajna jidher li ġewwa l-Gvern hemm inkwiet ieħor ibaqbaq.  Inkwiet minn dak li ma jħallix ideat ġodda jiżviluppaw.  Konna qegħdin nippretendu ferm u ferm aħjar minn dan il-budget, però kuljum nifhmu għala dan ma kienx.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...