22.10.17

Ma hemmx kliem.




1.  Ma hemmx kliem biex wieħed jispjega dak li ġara nhar it-Tnejn, 16 ta’ Ottubru f’pajjiżna.  Pajjiżna tilef.  Dan il-poplu qiegħed, ma kull ġurnata jifhem li huwa ġie ferut fl-iktar parti importanti fil-ħajja tiegħu.  Direttament fit-tessut demokratiku u f’dak soċjo-ekonomiku.  Jingħad x’jingħad, jinkiteb x’jinkiteb, ħadd ma jista’ jaħrab mill-fatt li l-Istat Malti tilef il-battalja sabiex iżomm u jipproteġi l-ħajja ta’ persuna li ddominat ix-xenarju politiku għal dawk l-aħħar snin.  Ma hemmx skuża politika jew mill-aspett ta’ sigurtà li wieħed jista’ jaċċetta.  Il-pajjiż huwa tellief.



Daħlet realtà ġdida



2.  Jingħad x’jingħad, ir-reputazzjoni tagħna ser tkompli tieħu daqqa ta’ ħarta kbira.  Kienet parti mill-kontenut, mis-sustanza demokratika tagħna li nuru li għandna tant tħaddim tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li kellna ġurnalista, opinjonista tal-kalibru tagħha.  Li kellna din il-persuna li setgħet tkompli dan fil-libertà u fis-sigurtà li konna kapaċi niggarantixxu u noffru.  Dan illum m’għadx nistgħu ngħiduh.  M’aħniex iktar fil-pożizzjoni li konna.  Minflok, daħlet realtà ġdida.  Daħlet issa li m’għadniex iktar fl-istess abbiltà li kellna.  Il-forzi tal-ordni m’għadhomx iktar organizzati u b’saħħtihom b’mod li jżommu dan milli jsir.



Inżilna pass ‘l isfel



3.  Id-demokrazija tagħna niżlet pass kbir ‘l isfel.  Ġejna fl-iskala ta’ stati oħra li fihom, ġurnalisti varji u li dejqu b’kitbiethom sabu ruħhom vittmi innoċenti ta’ delitti.  Spiċċaw inqatlu.  Ħajjithom tneħħiet.  Il-pinna u l-vuċi tagħhom ġiet eradikata minn wiċċ id-dinja.  Nafu li minkejja dak li ngħidu meta ġurnalista prominenti, bħal ma kienet, tinqatel bil-mod li ġiet maqtula, ma jkunx hemm ħafna li jieħdu eżempju minnha.  Il-biża’ tidħol.  Dawk li qabel setgħu jagħmlu kuraġġ biha ser joqogħdu lura.  Biex stat jerġa’ jibni l-ambjent u ċ-ċirkostanzi biex ikun hemm il-kontra jrid jgħaddi ħafna żmien.  Dik kienet il-pożizzjoni li kellna qabel xi ħadd ikkommetta dan id-delitt faħxi u mill-agħar.



Il-kriminalità kibret



4.  Hemm delinkwenza varja.  Hemm bnedmin li jikkommettu delitti f’ċirkostanzi varji u differenti.  Huma gravi.  Speċjalment meta dawn jiġu kommessi b’mezzi daqshekk koroh daqs dawn li qegħdin naraw.  Il-verità hija li tul dawn is-snin rajna wisq delitti li twettqu permezz tal-użu ta’ bombi mwaħħla f’karozzi.  Għal dan ma kienx hemm risposta tal-Istat.  Għal dan huwa iktar evidenti llum li s-settur tal-kriminalità akkwista spazju li fih jista’ jopera b’ferm iktar libertà milli kellu qabel.  Id-delitti li twettqu għadhom, sfortunatament, sallum mhux solvuti.  Issa għandna preċedent ieħor, iktar serju, iktar gravi.  Huwa delitt li twettaq fuq persuna li kienet prominenti fil-ħajja politika tagħna.  Proprju għalhekk li din mhix delinkwenza ordinarja, imma hija waħda politika.



Delitt politiku



5.  Għalhekk dan huwa delitt politiku.  Twettaq fuq persuna li kellha tiġi protetta.  Twettaq għax it-tessut demokratiku u dak tal-forzi tal-ordni ma marx ‘il quddiem, imma lura.  Ir-realtà politika turi li ma żidniex tul dawn is-snin, imma naqqasna proprju minħabba żewġ fatturi importanti.  L-ewwel: mhix prijorità fil-ħidma tal-Gvern li jdaħħal iktar kultura demokratika.  It-tieni: l-għażliet li saru fil-persuni li tneħħew u dawk li tqegħdu ma kinux, kif qed naraw, fl-abbiltà u l-kapaċità li jwieġbu għall-isfidi li għaddejjin minnhom illum.  Qegħdin fejn qegħdin proprju għax ġie traskurat u abbandunat dak li huwa d-dmir u d-dover, tal-amministrazzjoni tal-ġurnata, li twettaq.



Naffrontaw



6.  Proprju għalhekk li wieħed jitlob u jħares li jekk irridu li d-demokrazija timxi ‘l quddiem u tissaħħaħ, wieħed irid jieħu ċerti deċiżjonijiet.  Mir-realtà ma nistgħux naħirbu, imma naffrontawha.  Hawn, proprju fuq dan il-punt, li għandek żewħ xenarji li jitolbu t-tnejn tweġibiet ċerti.  L-ewwel: dak legali, u t-tieni: dak politiku.  F’dak legali għandu jkun hemm l-għodod, l-aqwa għad-disposizzjoni tagħna, sabiex wieħed jara li min wettaq id-delitt jinqabad u jitressaq.  Dan huwa mistenni mill-poplu tagħna fil-proċess li kull delitt minnu nnifsu jwelled.  Huwa l-minimu li jista’ jagħmel biex jagħti ġieħ u jrendi ġustizzja mal-memorja u l-membri tal-familja.  Biss, hemm aspett ieħor.



During his watch



7.  Hemm l-aspett politiku.  Dan ma jsegwix ir-regoli tal-liġi tal-Kodiċi Kriminali, imma jimxi għal rasu.  Hemm regoli li bihom, u fihom, wieħed jieħu r-responsabbiltà politika.  Kif sibt tant tajjeb f’dawn l-iljieli li ma nistax norqod fihom, fi kliem Rudolph W. Giuliani: “More than anyone, leaders should welcome being held accountable.  Nothing builds confidence in a leader more than a willingness to take responsibility for what happens during his watch”.  Din hija r-realtà li għandu dan il-Gvern quddiemu.  Dik li jifhem li dan id-delitt politiku seħħ taħtu.  Proprju għalhekk li f’soċjetà demokratika, f’dawn iċ-ċirkostanzi, wieħed irid jerfa’.



Ċirkostanzi straordinarji



8.  Jerfa’ għax huwa tajjeb għad-demokrazija li minnha tikber is-soċjetà tagħna.  Tikber fid-dimensjonijiet kollha tagħha.  Għandna ekonomija soda għax għandna demokrazija li wellditilha ambjent fejn taħdem.  Kif din tonqos, waħda tiġbed lill-oħra.  F’dawn il-jiem nittama li l-poplu ser jifhem ferm u ferm iktar dan.  Ser jifhem li għandu sħaba sewda u xejn sabiħa fuqu.  Ser jifhem li qiegħed iġorr dell politiku ikrah li mhuwiex faċli li jneħħi.  Dak li ġara, ma hemmx kliem biex wieħed jiddeskrivih.  Hemm biss il-bżonn li l-klassi politika tieqaf taħseb u tirreaġixxi tajjeb.  Dak li ma kellux jiġri, ġara.  Iċ-ċirkostanzi huma verament straordinarji, però mhumiex fl-aspett kriminali biss, imma wkoll f’dawk politiċi.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...