13.10.17

Kapitolu ġdid





1.      Din il-ġimgħa rajna l-Kap tal-partit, Dr Adrian Delia, jsir membru parlamentari u wara jingħata l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.  Dan kien l-ewwel pass li qed jeħodna lejn tmexxija ġdida tal-partit tagħna.  Jonqos passi oħra.  Hemm karigi li għad iridu jiġu mimlija b’persuni li huma validi u kapaċi.  Bnedmin li ser jidħlu, kif għamlu ta’ qabilhom, għal sagrifiċċji personali.  Il-politika titlob minn min irid jeħodha bis-serjetà li dan isir.  Proprju għalhekk li sejrin inkomplu f’din il-linja demokratika bil-parteċipazzjoni tal-Kunsilliera u t-tesserati tagħna.

Spirtu ta’ solidarjetà

2.      Proċess li jitlob attenzjoni u fl-istess ħin li ma jdumx ma jiġi magħluq.  Żgur mhux forsi li d-deċiżjoni sabiex l-elezzjonijiet għall-karigi kollha jingħalqu kemm jista’ jkun malajr, mingħajr dewmien żejjed, intlaqgħet tajjeb.  Għandna bżonn li ma ndumux sa Frar u li nlestu dan sal-aħħar ta’ Novembru.  Hemm għarfien aqwa tar-realtà politika u ta’ dak li l-partit irid jaffronta quddiemu fix-xhur li ġejjin.  Hemm ukoll spirtu ta’ solidarjetà u għaqda li qiegħed jidħol id f’id ma’ dan.  Ammirajt partikolarment lil Jean Pierre Debono li ċeda s-siġġu li kien kiseb għall-ewwel darba f’din l-elezzjoni.  Miegħu ngħaqqad lill-kandidati tal-partit li kienu deċiżi li, jitla’ minn jitla’ fil-by-election, kienu ser iċedu s-siġġu.

Proċess veloċi

3.      Għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, il-proċess li bih il-Kap tal-partit ħa postu fil-Kamra tad-Deputati ma damx.  Kien veloċi proprju għax għall-kuntrarju ta’ x’setgħu ħasbu dawk li m’humiex parti mill-partit, hemm sens ċar u qawwi bejnietna li t-triq tagħna lkoll hija lejn l-għaqda interna.  Għall-kuntrarju ta’ dak li ħaddieħor seta’ ttama, dan il-proċess, għalkemm ġieb opinjonijiet differenti, ma wassalx għal firdiet.  Setgħu ntużaw kliem li ma kienux proprju indikati.  Kien hemm min ma kkontrollax lilu nnifsu u tbaxxa f’insulti u kliem iebes, imma dan ma ġiebx qasmiet.  Minn dak li rajt u minn dak li smajt, inħossni iktar kunfidenti naħseb li ma’ kull jum, il-partit ser ikompli jissoda u l-biċċiet kollha tal-mużajk jingħaqdu biċċa biċċa lura fil-ħin u ż-żmien tagħhom.

Lura f’daqqa

4.      Irridu nġibu l-forzi tagħna lura f’daqqa, jaħdmu u kapaċi.  Irridu nassiguraw li aħna lkoll nifhmu li għandna dmir lejn min ivvutalna biex nirrappreżentawh li nagħtu l-aħjar tagħna.  Il-politika ssir minna.  L-aġenda għandna l-opportunità li nimmarkawha u nagħġnuha aħna.  Fil-passat kien hemm diversi mumenti meta rnexxielna nagħmlu dan.  Il-bieb huwa miftuħ issa u rridu nifhmu li f’din it-tieni leġislatura dan ser ikollna aktar mumenti li nwettquh.  Dan huwa partikolarment importanti fil-kalendarju parlamentari.  Dan għax għada t-Tnejn, il-Gvern ser iressaq il-Budget.  Ser ikun l-ewwel wieħed ta’ din il-leġislatura u tal-partit b’Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.  Ser ikun interessanti li wieħed jeżamina l-kontenut, ir-retorika u l-messaġġi li l-Gvern irid jibgħat barra.

Ħidma ta’ skrutinju

5.      Għall-ġimgħat li ġejjin, aħna l-membri parlametnari ser għalhekk ikollna iktar fuq x’hiex nikkonċentraw l-azzjoni u l-ħsieb tagħna.  Irridu nifhmu li l-partit irid iwieġeb għal din is-sejħa.  Iwieġeb billi jidħol għall-kontroll u skrutinju li rridu nagħmlu b’diliġenza u attenzjoni fis-setturi rispettivi li ġejna mogħtija.  Ikun żball jekk dan l-eżerċizzju ma jsirx kif għandu.  Għax m’għandniex nippermettu lill-Gvern jaħseb li jista’ jgħaddi minn fuqna.  Proprju għalhekk li m’għandniex noqogħdu lura f’diskorsna.  Ngħidu li għandna ngħidu b’mod ċar, dirett u intenzjonat sabiex min qiegħed imexxi jifhem li għandu diversi partijiet minnu li m’humiex jaħdmu tajjeb, li huma traskurati u oħrajn li qed jintelqu, issa li qegħdin lura fil-poter.

Appoġġ sħiħ

6.      M’għandix dubju li f’dan l-eżerċizzju ser ikollna l-appogg tal-membri u votanti tal-partit.  Anqas ma niddubita li ser ikollna lura f’postha l-ħidma tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li, fortunatament, aħna għandna.  Ħidmet il-membri parlamentari hija, fiha nfisha, importanti.  Però m’għandhiex tiddependi fuq ix-xandir tas-seduta parlamentari.  Jista’ jkollha ferm iktar saħħa b’rappurtaġġ iktar dettaljat, veloċi u faċli biex jinqara’.  Il-gazzetti tagħna In-Nazzjon u Il-Mument, flimkien ma’ Radio 101 u Net għandhom sehem kruċjali f’dan.  Importanti li nibdew minn issa nutilizzaw aħjar dak li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.  Iktar u iktar meta nafu lkoll li għandna diversi ġurnalisti mimlija b’ħeġġa u esperjenza.

Direzzjoni differenti

7.      F’dawn il-jiem il-partit qiegħed għalhekk jikteb kapitolu ġdid fl-istorja tiegħu.  Qiegħed jidħol għal staġun politiku ġdid.  Kif rajna diġà f’dawn il-ġimgħatejn li għandna lil Dr Adrian Delia Kap ġdid, hemm direzzjonijiet differenti, hemm mod ġdid ta’ kif qed issir il-politika mill-partit tagħna.  Għal dawk li jsegwu u qed jaraw, dan isir jum wara jum.  Qed jifhmu li dan il-partit qiegħed jiġbed aktar nies lejh.  Hemm entużjażmu li ħlief tul l-elezzjoni ġenerali ma konniex naraw qabel li dieħel biċċa biċċa.  Il-pajjiż tagħna jixraqlu dan.  Jixraqlu li jkollu Partit Nazzjonalista b’saħħtu, li jwieġeb għar-realtajiet u l-bżonnijiet tiegħu.  Bħalma sar fil-passat, m’għandniex dubju li dan ser jirnexxilna nwettquh u nwettquh tajjeb.  Għax għandna diversi bnedmin ta’ rieda tajba fi ħdanna li huma kapaċi, li huma mmexxija mill-ġdid minn min huwa hekk mimli b’kapaċità u abbiltà.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...