13.10.17

Fis-settur tal-iskart il-Gvern jrid jagħmel li jrid u ma jridx jispjega d-deċiżjoni tiegħu stess


 
Il-Gvern qed jieħu attitudni ħażina ħafna dwar id-deċiżjoni tiegħu stess li jibni inċineratur, tant li dwarha ma jrid jagħti l-ebda spjegazzjoni fil-pubbliku. Il-Gvern saħanistra ma jridx li l-Ministru tal-Ambjent u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija WasteServ jidhru quddiem il-Kumitat tal-Parlament dwar l-Ambjent li fih il-maġġoranza tal-membri huma minn naħa tal-Gvern. Lanqas ma jrid li jippubblika d-diversi rapporti li saru matul l-aħħar snin dwar dan is-settur.

Minflok il-Gvern qed jagħżel li jibqa’ jwebbes rasu u jaħrab minn kull opportunità li matulha jista’ jispjega d-deċiżjoni li diġà ħa fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart: dik li jibni inċineratur li bih beħsiebu jaħraq kważi nofs l-iskart kollu ġġenerat f’pajjiżna.

Minkejja dan kollu, l-Oppożizzjoni se tkompli toffri l-id tal-koperazzjoni u turi li lesta tgħin, iżda tistenna li l-Gvern jieqaf jgħaddi lin-nies bi żmien, u għal darba jaġixxi ta’ Gvern serju li jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u ma jibqax jibża’ jispjega d-deċiżjoni li diġà ħa.

Għalhekk l-Oppożizzjoni bir-raġun tistaqsi: minn xiex qed jibża’ l-Gvern?

Karol Aquilina
Kelliem għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima

12.10.17​

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...