7.10.17

Diskors tal-Onor. Carm Mifsud Bonnici waqt is-Seduta Parlamentari ta’ nhar it-Tlieta, 3 ta’ Ottubru 2017 – Abbozz ta’ Liġi  li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.


Grazzi ħafna Mr Speaker.

Ovvjament smajt lill-Onor. Ministru jitkellem u ħadt pjaċir nisma’ lill-Ministru jirrikonoxxi illi Gvernijiet passati għamlu diversi passi biex tissoda d-demokrazija f’pajjiża u li diversi gvernijiet, speċjalment dawk preċedenti li kienu kollha tal-Partit Nazzjonalista għamlu ħafna xogħol biex l-istituzzjonijiet demokratiċi f’pajjiżna issudaw, u daħħlu ħafna miżuri illi they stood the test of time għax kienu tajbin mill-bidu.  Dan il-pass li qed jagħmel il-Gvern huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, bħala prinċipju l-Oppożizzjoni ma tistax tmaqdru.  Però, l-Oppożizzjoni se tagħmel il-kritika tagħha għax, fl-opinjoni tagħha mhux qed isir sewwa mill-bidu, u hemm bżonn illi l-Gvern jifhem illi fl-istadju ta’ Kumitat għandu jagħmel numru ta’ emendi għal din il-liġi biex jagħmilha fejn u kif tkun l-iktar effettiva.

Mertu tal-kritika kbira li saret mill-Partit Nazzjonalista

Ejja ngħidu wkoll, Onor. Ministru, illi din il-liġi ma waqgħetx mis-sema.  Waqgħet mis-sema fis-sens li ġiet mertu tal-kritika kbira li saret mill-Partit Nazzjonalista fl-erba’ snin preċedenti rigward dal-punt.  Jiġifieri li din in-naħa, l-Oppożizzjoni, insistiet diversi drabi mal-Gvern, u kkritikat diversi drabi lill-Gvern, sabiex il-ħatriet ikunu kemm jista’ jkun maqbula miż-żewġ naħat tal-Kamra.  Mhux biss, imma li sar ukoll l-argument sabiex ikun hemm skrutinju pubbliku tan-nies.  Jien niftakar illi, appena nbidel il-Gvern, wieħed mill-ewwel artikli li jiena kont ktibt kien illi l-Gvern għandu jikkonsidra li l-ambaxxaturi jressaqhom għall-iskrutinju ta’ kumitat parlamentari.  Issa, finalment, f’din il-leġislatura l-Gvern qiegħed jagħmel dal-pass.  Huwa pass tajjeb, però mhuwiex qiegħed jasal biżżejjed fejn aħna rridu biex verament ikun hemm skrutinju pubbliku tan-nies.  U dan huwa importanti ħafna, il-għala?  Għax l-ewwel liġi hawn ġew, bl-abbiltajiet tagħna ta’ umani, għandna kemm jista’ jkun nagħmluha sewwa.  Nagħmluha sewwa skont il-prinċipju.  Ma nagħmluhiex sewwa skont x’jaqbel jew ma jaqbilx, imma skont x’inhu sewwa, u s-sewwa huwa illi l-iskrutinju ta’ dawn in-nies kollha li ġew elenkati jsir b’mod pubbliku mill-ewwel.  U rrid ngħid illi dan huwa pass illi demokraziji oħrajn waslu għalih, u ma fih xejn ħażin illi aħna, bħala demokrazija, nimxu wkoll f’din id-direzzjoni.  Nimxu wkoll, f’dan is-seklu 21, biex ikollna l-iskrutinju pubbliku li jkollhom, u għandu, f’demokraziji oħrajn. 

Mill-aqwa demokraziji

Ejja ngħidu, waħda mill-iktar jew mill-aqwa demokraziji li hawn fid-dinja, dik Amerikana, li lkoll kemm aħna għandna l-privileġġ u l-pjaċir, mhux biss li aħna parti mill-familja demokratika, imma li wkoll nistgħu, permezz tas-sistema elettronika llum tal-Internet, nassistu wkoll għall-kumitati tagħhom u dak li jsir fil-kumitati tagħhom.  U dak huwa eżempju, huwa mudell ta’ kif wieħed jista’ jimxi u l-Amerikani għamlu proċess biex qegħdin illum fejn qegħdin.  Id-demokrazija tagħhom hija iktar avvanzata b’dawn l-affarijiet propju għax bdew x’imkien, però ma bdewx billi jagħmlu s-sistema li qed tiġi ntrodotta llum, f’din il-liġi, illi d-domandi jridu jsiru bil-miktub, imorru għand il-Ministru konċernat, u mbagħad tiġi r-risposta għal dawk id-domandi, u mbagħad tista’ terġa’ tagħmel domandi supplimentari, imbagħad fl-aħħar tista’ tmur għall-iskrutinju pubbliku. 

Meta jkun hemm l-iskrutinju pubbliku, il-Ministru joqgħod ferm iktar attent in-nies li jagħżel.

Issa ejja ngħidu wkoll il-verità.  Mhux faċli tagħmel id-domandi f’kumitat parlamentari ta’ skrutinju pubbliku, speċjalment f’dal-pajjiż, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, u hemmhekk żgur li min ikun qiegħed fil-kumitat għandu learning curve biex jimxi ‘l quddiem biex jifhem x’domandi għandu jagħmel, kif jista’ jagħmel.  Però, żgur mhux forsi, li meta jkun hemm l-iskrutinju pubbliku, il-Ministru joqgħod ferm iktar attent in-nies li jagħżel.  Jiena ħadt pjaċir li l-Ministru, f’mumenti partikolari qal li hu, bħala ministru jippreferi li jkollu l-aħjar nies.  Anke aħna tal-Oppożizzjoni, però ma jistax jgħid il-Gvern preżenti illi fl-erba’ snin li għaddew għażel proprju l-aħjar nies fil-pożizzjonijiet biex jagħmel il-ġid lill-poplu.  U dik hija d-diffikultà li aħna għandna, u għalhekk aħna rridu li ngħollu l-livell tad-demokrazija u aħna il-pożizzjoni tagħna hija din.  Aħna qisna qed ninsew, jiena semmejt l-Amerika.  L-Amerika kienet dejjem il-mudell għad-demokrazija. 

Però aħna fortunatament parti mill-Unjoni Ewropea. 

Għall-prinċipju tal-istituzzjonijiet, kif Montesquieu fissirhom ta’ Leġislattiv, Eżekuttiv u Ġudikatura li huma separati minn xulxin.  Mhux biss, illi hemm l-importanza taċ-checks and balances bejniethom.  Din il-liġi wkoll tieħu gambetta fuq iċ-checks and balances, kif nispjega iktar tard.  Però aħna fortunatament parti mill-Unjoni Ewropea.  Mela qed ninsew li fl-Unjoni Ewropea hemm mekkaniżmu ta’ skrutinju pubbliku, illi rajna Maltin bħalna jiġu akkonoxxenza ta’ dal-kumitati u jgħaddu mill-esperjenza ta’ skrutinju fl-Unjoni Ewropea? Mela jekk kemm-il darba aħna rridu nagħmlu l-pass, ejja nagħmluh tajjeb mill-ewwel.  Ejja nagħmluh mill-ewwel il-pass illi fih aħna nassiguraw illi l-iskrutinju jsir quddiem kulħadd, u ma hemmx kwistjonijiet.  Il-għala?  Għax meta inti tagħżel bniedem kompetenti, meta l-Ministru jindika xi ħadd illi hu verament tajjeb, ma jkollux biża’, ma jkollux biża’, għax jgħid: Dan he can stand his ground on his own.  Mhux biss, mhux biss, taqta’ barra il-ħafna ukoll nies illi jibdew jagħmlu pressjoni fuq ministru, fuq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, illi jippretendu illi huma persuni kapaċi jmexxu ċerti postijiet meta l-persuna taf illi sfortunatament għandu kapaċitajiet għal affarijiet oħra, però m’għandux il-kapaċità biex imexxi dal-post.  U dan huwa anke defence mechanism għall-Ministru nnifsu li meta jagħżel, jgħidlu: Isma’ ħija, inti taf x’inti titlobni?  Taf li se tiġi quddiem dan il-kumitat ta’ skrutinju pubbliku u se jsaqsuk id-domandi, u dan se jsir quddiem kulħadd?  U naħseb dik tagħmel il-ġid mhux biss lid-demokrazija, lill-meritokrazija, lit-trasparenza li l-Onor. Ministru smajtu tajjeb jitkellem. 

L-kumitat ġie kumplikat wisq.

Tkellem tajjeb fuqha din il-ħaġa, bħala prinċipju bħala parir il-Ministru tkellem tajjeb.  Però, meta tiġi għall-prattika għandna problema, u dik il-problema sabiex hemm barra in-nies jifhmu, hija li l-kumitat ġie kumplikat wisq.  X’inhi dil-biża’ għall-Gvern?  Il-Gvern qisu daħal f’biża’ kbir.  Biża’ fuq żewġ affarijiet: l-ewwel, inti bħala Oppożizzjoni jew bħala membru, għax dan il-Gvern qed jagħżel tlett membri, u sewwa qiegħed jagħmel, il-Gvern għandu jkollu l-maġġoranza fil-kumitat, tlieta bi tnejn, m’għandniex diffikulta’ li jkunu tlieta bi tnejn, però meta wieħed jagħmel id-domandi, għaliex hemm bżonn li d-domandi jsiru bil-miktub, mela qisu fis-sigriet, lill-Ministru illi jirċevihom u mbagħad isiru r-risposti, u dawk ir-risposti jista’ jkun li jsiru pubbliċi, jista’ jkun li ma jsirux pubbliċi, imbagħad fuq dawk ir-risposti jista’ jkun li jerġgħu jsiru domandi supplimentari.  Dawn mhumiex, il-Ministru jifhimni, periti addizzjonali tal-Qorti.  Inti l-Qorti, meta jiġi appuntat espert tekniku u inti tikkontestah, inti tista’ tagħmillu l-kontestazzjoni tiegħu b’domandi bil-miktub.  Dan mhuwiex il-każ. 

Ma hemmx għalfejn isir dal-ħabi.

Hawn qegħdin f’demokrazija, fil-libertà, u allura ma hemmx għalfejn isir dal-ħabi.  Anke aħna, aħna id-domandi għandhom isiru pubbliċi.  Issa jew għandna l-guts illi aħna ħa nagħmlu skrutinju vera ta’ dawn in-nies, jew inkella mhux qed isir skrutinju.  U jiena nemmen li ż-żewġ naħat tal-Kamra għandna nteress illi ma nkunux timbru ta’ min qiegħed iġibilna lil xi ħadd biex napprovawh.  U dan hu wieħed mit-tieni difetti li fiha din il-liġi, li jekk inti toqgħod taqra between the lines tirrealizza li l-kumitat kif ifformulah il-Gvern, ifformulah b’mod li huwa timbru ta’ dak li jrid li jsir il-Ministru. 

Din hija paraventu.


Issa din hija paraventu, u aħna l-Oppożizzjoni għalhekk qegħdin noqomsu, għax qed ngħidu: Dal-kumitat qed jidher barra illi huwa avvanz, qed jidher barra li huwa xi ħaġa tajba, però, fil-verità huwa paraventu biex kollox jibqa’ l-istess.  Xtaqt li kien hawn il-Ministru Evarist Bartolo, għax dak huwa famuż li jiċċita lil Tomasi di Lampedusa fil-Gattopardo, li aktar ma tipprova tibdel l-affarijiet iktar jibqgħu l-istess, però ċert minn dak li smajt lill-Ministru jitkellem, li ma jridx u jrid iħalli t-timbru tiegħu li dil-ħaġa saret tajba.  Jiena Ministru, meta ndur lura, li kelli s-siġġu tiegħek dak li għamilt, ngħid b’sodisfazzjon, li kien tajjeb.  Kien perfett? Le, imma kien tajjeb u baqa’ hemm imwaħħal.  U inti tafu dan, għax inti fortunatament tokkupa s-siġġu tiegħi u ħadt it-tajjeb u l-ħażin tiegħi, però ħadt ħafna mit-tajjeb li jien għamilt.  U aħna għandna we rise to the occasion li ngħidu: ejja nagħmluha tajjeb.  Il-kumitat, bil-kumitat magħmul tlieta bi tnejn, hi ħaġa tajba li jsiru d-domandi u li jsiru fil-pubbliku. 

Assoġġettat għas-servizz tal-Ministru

Hemm bżonn, però ma hemmx bżonn li kumitat parlamentari jiġi qisu assoġġettat għas-servizz tal-Ministru.  Tgħidli, f’liema sens?  F’żewġ affarijiet: mela hemm miktub illi, jgħid x’jgħid il-kumitat parlamentari, id-deċiżjoni finali hija tal-Ministru. Issa, ifhimni, il-Ministru tgħidli miġnun ikun dak il-Ministru li, jekk kumitat parlamentari jtih avviż kuntrarju, jibqa’ għaddej.  Allura għalfejn hemm bżonn iddaħħalha?  Ma hemmx bżonn iddaħħalha, għax jekk għandna ministri mġienen li jekk ikun hemm dar-rapport, u niġi għalih ukoll ir-rapport, ta’ dal-kumitat li jgħid li ma jaqbilx, u jgħid li jagħmlu xorta waħda, jiena naħseb li jkun qed jikkommetti suwiċidju politiku ġo demokrazija vera, però hemm demokraziji oħrajn li fihom kollox jibqa’ għaddej.  U rrid ngħid, l-ewwel, dan huwa kwistjoni ta’ checks and balances.  Meta, il-Leġislattiv ħa jingħata mertu ta’ dil-liġi, l-opportunità li jkun check and balance fuq l-Eżekuttiv.  Dan hu li qed isir, għax jien meta qed nagħmel skrutinju pubbliku qed nagħrbel lil dawn in-nies, però qed ngħarbel ukoll l-għażla tal-Eżekuttiv ta’ dawn in-nies.  Allura kif tista’ inti ġġib il-Leġislattiv għas-servizz, għarkubbtejh, għad-deċiżjoni tal-Ministru.  Imbagħad, bir-rispett kollu, naħseb li huwa ġenn ikbar illi kif tlett membri tal-Gvern, tlett membri tal-Gvern, għandu l-maġġoranza, mela tlett membri tal-Gvern ħa jivvutaw kontra l-Gvern, u dawn il-Gvern jerġa’ tgħaddi tiegħu fuqhom?  X’qed jiġri? 

Messaġġi ta’ nuqqas ta’ skrutinju

Naħseb li hawn qegħdin nibgħatu messaġġi ta’ nuqqas ta’ skrutinju għax jekk kemm-il darba jiena nemmen fil-kumitat ta’ skrutinju u nemmen fil-membri, u ħa ngħidu l-verità , ma tantx naħseb li se jkun hawn xi kju twil hawn ta’ membri parlamentari li jridu jidħlu fil-kumitat ta’ skrutinju u joqogħdu jistaqsu d-domandi antipatiċi lil dawn in-nies kollha. Pero’ wieħed irid jgħid: mela jekk inti qed iddaħħal dan, hawn ġew biex tagħmel dal-iskrutinju pubbliku, u sewwa li qed tagħmel dan l-iskrutinju pubbliku, allura kif inti tippermetti illi il-Leġislattiv jiġi assekondat għall-Eżekuttiv? Li m’għandux ikun.  Hawn diġà għandna d-diffikultà fis-sistema parlamentari tagħna, u nafuha, u sar ħafna dibattitu fuqha illi l-Eżekuttiv imwieled mil-Leġislattiv. 

Il-membri tal-Eżekuttiv huma membri parlamentari. 

Jiena nara li s-sistema ħadmet u m’għandix diffikultà, u min jiġi jgħid li għandna bżonn  ikollna  ministri teknokratiċi u dan kollu ma naqbilx miegħu.  Is-sistema kull fejn ġiet użata falliet u kull ma ġiebet diżastri.  Mela diġà għandna dik il-problema.  Mela ejja nippruvaw, dejjem jekk irridu nimitaw l-aqwa demokraziji, għax jekk ma rridux nimitaw l-aqwa demokraziji, aħna ftit tal-jiem ilu ltqajna ma’ nies li ġejjin minn stati li jiddikjaraw ruħhom li huma demokratiċi, però l-istandards tad-demokrazija tagħhom mhumiex l-istandards tad-demokrazija tagħna, lanqas l-istandards tad-demokrazija li nixtiequ nilħqu.  Aħna nixtiequ nimxu iktar ‘il quddiem.  Għandna d-diffikultajiet fil-pajjiż, mela m’għandniex, l-iktar il-kultura demokratika.  U hawn iktar, għax hawn nies hawn li qegħdin hawn biex jieħdu l-poter, bil-permess tad-demokrazija, però mhumiex demokratiċi, u dak li rridu nagħmlu, li ddaħħal iktar il-kultura demokratika, li inti tobdi r-regoli fundamentali tad-demokrazija. 

Ddaħħal iktar il-kultura demokratika, li inti tobdi r-regoli fundamentali tad-demokrazija.

Jiena ninkwieta ruħi, il-bieraħ il-Prim Imħallef jitkellem u jagħmel diskors tiegħu fuq ir-rule of law.  Issa jekk irid jiġi injorat, jien naħseb li huwa żball, u jekk xi ħadd jaħseb illi hija vox clamans in deserto qed jiżbalja wkoll.  Hawn issue, hawn issue fuq ir-rule of law.  U dik l-issue fuq ir-rule of law hawn qegħdin biex nipproteġuha, mhux biex ngħaddsu rasna u nibqgħu mexjin ‘il quddiem u ma nagħtux kasha.  Naħseb li jekk nagħmlu hekk inkunu qegħdin nagħmlu a disservice to the Maltese State.  U a disservisse not only to today’s citizens imma għal dawk li se jigu warajna, speċjalment il-ġenerazzjoni l-ġdida.  Il-ġenerazzjoni l-ġdida diġà għandha ħafna xettiċiżmu fuq il-politiċi, għandha xettiċiżmu fuq il-Parlament.  Iltaqa’ magħhom u pprova involvihom u ara x’jgħidulek fuqna.  Ara kif jippruvaw imaqdruna, u aħna minflok ikollna opportunità biex ngħollu ‘l fuq il-livell tal-politika, biex ngħollu l-livell u nġibu lura, inġibu lura dak illi aħna ilna nisimgħu numru ta’ diskorsi fuq kwalità aħjar ta’ kif dwar kif nagħmlu aħjar il-politika, u nemmen li għandna opportunità li ssir. U ma hemmx xi diffikultà.  Il-Gvern qed jibża’, qed jibża’ ħafna.  Mela l-ewwel għandu l-biża’ tad-domandi, flok issir fil-pubbliku.  Imbagħad għandu l-biża’ li jrid li l-Ministru jkollu l-aħħar kelma, niddeċiedi jien.

Hemm it-tielet biża’.

Imbagħad hemm it-tielet biża’, dak kif narawhom aħna Onorevoli Ministru, però serraħ moħħok illi hemm barra jarawhom ukoll hekk.  Mela l-Ministru, jiena bqajt skantat, qal: “Aħna mxejna wkoll illi l-kumitat ngħidulu kif jagħmel ir-rapport”.  Imma din inkredibbli.  Jiġifieri r-rapport ħareġ ukoll bħala parti mill-avviż legali, qisu bħal student universitarju did he make the grade or didn’t he make the grade? Pass or fail. U dan ir-rapport jista’ jkun li l-Ministru kellu intenzjonijiet differenti, però kif qed toħroġ hawn hija żbaljata.  “Il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi jorganizza s-smigħ ta’ qabel il-ħatra fir-rigward tal-ħatra proposta ta’ ... bħala ... ta’ ... u wara li qies ir-riżultati tas-smigħ ta’ qabel il-ħatra iddeċieda li jagħti parir favur/kontra il-ħatra proposta”.  Jiġifieri dan kull ma jrid jimlihielu u jaqtagħlu l-biċċa x’taqblu, favur jew kontra?  U dan hu żbaljat, u ħa ngħidlek għala hu żbaljat.  Le, le, le, inti trid tħalli f’idejn il-kumitat għal żewġ affarijiet.  Il-kumitat għandu jkollu l-libertà li jekk jiddeċiedi li xi ħadd għandu problema ta’ konflitt fuq xi ħaġa partikolari u jgħidu: Aħna identifikajna din il-problema, mela jagħtu rapport ... le Ministru, dan kumitat.  Ara, din hi l-problema.  Il-problema hemm mentalità istituzzjonali.  Il-kumitat mhux il-lunga mano tal-Gvern.  Il-kumitat huwa lunga mano ta’ hawn ġew ... hawn ġew u jirrapporta lil dak ... lill-Ispeaker, u l-Ispeaker allura, meta jagħmel ir-rapport, jgħidu isma’, dan il-persuna li ressqilna l-Ministru, fl-opinjoni tagħna huwa tajjeb, però għandu konflitt ta’ interess f’dil-ħaġa.  Jekk din ineħħiha, aħna m’għandniex diffikulta’ biex napprovawh. 

 A reasoned opinion.

U dan għandu jkun, għandu jkun li aħna nagħmlu a reasoned opinion.  U ħa ngħidlek ħaġa oħra ... mela inti xi ħad li ressaqtu, għax din intom stess ma tirrealizzawx illi anke aħna, aħna minn mindu intom għidtlu li se tagħmluha fid-diskors tal-President bdejna naħsbu kif ser nagħmlu d-domandi, x’se ngħidu.  Mela inti, meta inti ser tressaq lil xi ħadd, aħna wkoll irridu noqogħdu attenti li ma nkissrulux karriera, ma nkissrulux ir-reputazzjoni pubblika tiegħu għax inti ressaqt, skużani qed ngħid lilek, imma xi ħadd, inti ressaqt lil xi ħadd hawnhekk u dak ix-xi ħadd, dak ix-xi ħadd, il-kumitat parlamentari ma qabilx miegħu, qal illi dan m’għandux abbiltà biex jokkupa dik il-kariga.  Ma kellniex aħna sitwazzjonijiet bħal dawn, Mr Speaker?  Kellna sitwazzjonijiet ta’ nies li kienu ser jiġu magħżula għal xi kariga, imbagħad fl-aħħar mument jiġri xi ħaġa u jaqa’ dell fuqu, tiġi sħaba fuqu, isma’ dan x’kellu, x’ma kellux?  U naħseb li hemmhekk, Ministru, qegħdin tagħmlu straight jacket fix-xejn. Dal biża’ kollha mill-membri parlamentari x’jirrappurtaw u x’ma jirrappurtawx.  Il-membri parlamentari jagħmlu skrutinju waqt li għaddej l-iskrutinju jaraw l-affarijeit, u anke ħaġa li forsi intom mhux qed taraw illi dil-liġi għandha tħajjar iktar sabiex iż-żewġ naħat tal-Kamra, qabel jiġu ċerti nomini, jitkellemu dwarhom. 

Issir diskussjoni dwarhom.

Issir diskussjoni dwarhom u l-Ministru jistaqsi , jgħidlu: isma’ qed naħsbu fit-tali aħna, qed naħsbu fit-tali persuna, x’taħsbu intom? U wieħed ikun jista’ wkoll jara sew l-affarijiet.  Aħna, bħala Oppożizzjoni nieħdu pjaċir li hawn din il-lista ta’ nies li intom tridu tagħmlu l-iskrutinju tagħhom.  Huwa tajjeb dan l-iskrutinju tan-nies.  Li ċ-Chairman, lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tressqu quddiem dal-kumitat huwa tajjeb, huwa tajjeb.  Żgur mhux forsi li l-għażliet tal-Gvernaturi kienu kollha tajbin.  Mario Vella, Josef Bonnici, Michael Bonello, kollha kienu nies tal-affari tagħhom.  Jigifieri intom f’daqqa waħda għollejtu l-livell ‘il fuq, u għamiltu sewwa.  Pero’ bl-istess argumenti, jekk l-Oppożizzjoni ilha tgħid li għandu jkun hemm ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija, li għandu jkun hemm wkoll l-Avukat Ġenerali, huma affarijiet spinużi, huma affarijiet diffiċli, imma jekk l-Oppożizzjoni qed tgħid dan?  Speċjalment il-Kummissarju tal-Pulizija, speċjalment meta wara li spiċċa John Rizzo kellna numru ta’ Kummissarji jinżlu u jitilqgħu, dik għalikom mhux xi ħaġa importanti?  Imbagħad bid-diskors tal-Prim Imħallef il-bieraħ fuq ir-rule of law, u fuq l-importanza illi kulħadd jagħmel dmiru, din għalikom mhux importanti?  Naħseb li hija importanti.  Tista’ tiġi bl-argument u tgħidli: Isma’, min hemm diġà m’għandix nerġa’ nagħmel skrutinju ... niddiskutiha.  M’għandix diffikultà niddiskutih dak il-punt, u fih l-odjożità tiegħu, però minn issa ‘l quddiem, ladarba intom kellkom il-kuraġġ li ddaħħlu l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, u tajjeb illi fi stadju ta’ kumitat ngħidu mhux il-Bank Ċentrali ta’ Malta, għax aħna m’aħniex se nagħmlu skrutinju tal-Bank Ċentrali kollu kemm hu, imma tal-Gvernatur, u jkun tajjeb jekk ngħidu li jkun ukoll id-Deputy Governor General tal-Bank Ċentrali, imbagħad issemmi preċiżament in-nies li inti ser tagħmel l-iskrutinju tagħhom.  Il-Ministru jista’ jagħżel, però tħallihiex fil-vojt.  Tħallihiex fil-vojt, u l-Bank Ċentrali għandu funzjoni ferm iktar ogħla minn sempliċi dipartiment ieħor li għandna hawn.  Għandu standing iktar ogħla, u naħseb li hemmhekk hemm bżonn illi nispeċifikaw liema huma l-pożizzjonijiet li l-Ministru, mhux fl-għażla tiegħu, mela fl-għażla tiegħu, mela l-Ministru jgħid: “U le, jidhirli li m’għandix inressaq lil ħadd”. Jew inkella jkun inċentiv għall-Ministru biex kull min għandu jibqa’ hemmhekk ad eternu ... għax hekk jiġri. U dan huwa xi ħaġa li intom, ladarba għamiltu dal-pass, u ngħid li għamiltu sew li għamiltu dal-pass, però jekk se tagħmluh agħmluh sewwa Ministru.

L-emendi mhux jiġu injorati.

U aħna fi stadju ta’ kumitat ħa nkunu qed inressqulkom numru ta’ emendi, imma nippretendu li dawn l-emendi mhux jiġu injorati, kif ġew injorati emendi oħra f’liġijiet oħrajn, imma li intom teħduhom on board.  Din opportunità.  Agħmlu liġi li hi sewwa.  Tagħmluhiex paraventu. Jiena għalija l-biża’ tiegħi hi li din hija liġi paraventu.  Mhux se nuża kliem iktar iebes, għalkemm ċertu mumenti nħoss li għandi nuża kliem iktar iebes, però hija paraventu.  Tħallihiex tkun paraventu.  Agħmilha sew, agħmilha li għandek dan l-iskrutinju, li n-nies jistgħu jistaqsu u anke meta inti tressaq lin-nies quddiem dal-kumitati, tajjeb li jkunu pubbliċi u mhux fis-sigriet.  Dan mhux xi star chamber tad-domandi, u ħa ngħidlek il-għala iktar għax in-nies, hemm barra mertu ta’ dat-television illum li għandna qed jisimgħuna u jarawna, u jaraw anke l-kumitati.  Meta jaraw il-kumitati, meta jaraw lin-nies jitressqu għall-kumitati, jtuk informazzjoni fuq in-nies li inti ma tkunx taf biha, u inti taf bħali.  Inti li inti Ministru tal-Ġustizzja, u li f’ħoġrok għandek responsabbiltà li jien kont negħreq l-għaraq tad-demm għal min se tagħżel hemm u min se tagħżel hawn, u hija l-iktar waħda li ġġiblek inimicizzji fuq lil min għażilt u lil min m’għażiltx.  Mela fuq lil min għażilt ġlied, u lil min m’għażiltx ġlied, u inti taf.  Mela dak huwa skrutinju mhux biss pubbliku tal-ħames membri, imma skrutinju pubbliku hemm barra wkoll, u jgħidulek: Isma’ Ministru, oqgħod attent għax dak se jġibek fl-għawġ għax hekk, hekk u hekk.  Oqgħod attent. 

Fundamentali mhux biss demokratika, imma wkoll tal-morali.

U din hija l-kwistjoni iktar fundamentali mhux biss demokratika, imma wkoll tal-morali.  F’liema sens?  Fis-sens illi aħna rridu jkollna nies illi għandhom il-pjaċir li jservu lill-Istat. Huma nies li huma dedikati għall-Istat.  Li huma nies li meta jieħdu ġurament qed jieħduh biex jagħmlu ġid lill-poplu Malti.  L-Isqof għadu kif għamlilna diskors eċċellenti, il-priedka tiegħu fuq il-ġid komuni, fuq il-bżonn tal-ġid komuni.  Għadna opportunità, anke hawn, li ngħollu l-kwalita’, li inti servitur tal-Istat Malti u inti kburi li inti servitur tal-Istat Malti, bħal ma jiena jien kburi li jien servitur tal-pajjiż tiegħi, u meta kelli l-pożizzjoni tiegħek, tal-Gvern Malti.  U allura hemm ħa ġġib ukoll kwalità aħjar.  Jien ninkwieta ruħi meta nibda nisma’ ċertu diskors fil-pubbliku, jew naqra ċerti artikli, ngħid: Imma dan x’kultura għandu? X’ideat, x’formazzjoni għandu?  Jaf ftit politika, jaf ftit background, jaf ftit l-istorja ta’ pajjiżna, jaf ftit fuq x’hiex sewwasew qed jitkellem dan? U dik tgħin ukoll biex tgħolli dal-livell.  Inti jekk int se ġġib lil xi ħadd, anke jekk huwa ħabib tiegħek biex jidher quddiem l-iskrutinju taf, l-ewwel, li trid toqgħod attent li ma tgħaddihx minn eżami li taf li minnu ma jistax jgħaddi, u t-tieni, taf li qed iġġib nies ta’ sustanza. U dik hija ċavetta għal żewġ affarijiet: l-ewwel, iġġib iktar nies tajba biex iservu ‘l pajjiżna, u t-tieni sservi biex dawn in-nies, għada pitgħada jitħajru jokkupaw il-karigi, il-bankijiet ta’ hawnhekk billi jidħlu għas-sagrifiċċji personali, familjari u d-diffikultajiet kollha biex iservu bħala membri parlamentari jew ministri.  Inti taf x’jiġifieri, Onorevoli Ministru, għax inti sirt ministru, tlaqt il-professjoni, tlaqt kollu dak kollu li inti għamilt biex inti qed tokkupa dik il-kariga.  Kif għamilt jien. Jien kont ilni għoxrin sena avukat, inservi lin-nies.  Illum mort lura fl-uffiċċju tiegħi, nerġa’ nibda mill-ġdid.  M’għandix diffikultà li erġajt bdejt mill-ġdid, u inti u jiena għamilna dak is-sagrifiċċju.  Però għamilniex biex inservu lil dan il-poplu.  Issa aħna rridu nħajru nies li jgħidu: it is worth it, mhux it is not worth it.  Il-Papa, il-Ħadd li għadda għamel diskors mill-isbaħ fuq, dan ikun semgħu Edwin Vassallo, fuq il-bżonn illi inti sservi fil-politika, u kemm il-politika hija ħaġa nobbli, altruwista u tajba. Meta hemm barra hawn nies li jiddisprezzawna, jien ngħid il-verità: jiddisprezzawna.  U hemm aġenda, jiena ngħid li intom ma tarawhiex, però jien naraha.  Hemm aġenda, minn taħt, biex jgħidu li l-politiċi mhumiex tajbin.  Il-politiċi korrotti.  Il-politiċi jagħmlu l-ħmerijiet.  Mentri aħna hawn irridu nwieġbu għaliha, u din hija opportunità wkoll. 

Kif l-ambaxxaturi li jiġu magħżula.


Issa ejja niġu wkoll għall-ambaxxaturi.  L-ambaxxaturi hi ħaġa tajba li l-ambaxxaturi li jiġu magħżula jidhru hawn.  Bħalissa jiena d-dell tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, għalhekk qiegħed dell tajjeb għal hu itwal minni għax id-dell dejjem ikun naqra iqsar. Li qed ngħid hawn huwa li għalkemm huwa tajjeb li fil-prinċipju se tagħmel ambaxxaturi, high commissioners biex jersqu, m’għandekx biss tagħmilhom dawk li ġejjin minn barra, imma għandek tagħmel ukoll dawk tal-karriera.  U ħa ngħid il-għala.  Għax inti anke within the service, li tipprepara n-nies huwa tajjeb, però ma jfissirx illi ambaxxatur, illi għandu sehem importanti barra, illi jrid jagħti rendikont ukoll ta’ għemilu barra, ikun preparat mhux neċessarjament biss biex iservi bħala ambaxxatur, però biex iservi ta’ ambaxxatur fil-post fejn il-Ministru jrid jibgħatu.  Inti għamilt kelma u għidt: Jiena naħseb li ladarba inti tikkwalifika bħala ambaxxatur, allura l-ministru mbagħad jista’ jibgħatek kullimkien.  I beg to differ.  I beg to differ għax jiena jista’ jkolli lil xi ħadd li huwa kapaċi li jservi bħala ambaxxatur f’post partikolari, per eżempju jaf il-lingwa, jaf in-nies, ġej minn hemmhekk, għandu kuntatti ma hemmhekk. Tajjeb, he is good, il-Ministru għażlu biex ikun l-ambaxxatur tagħna f’post partikolari, biex ma nsemmix postijiet ħalli ħadd ma jieħu għalih hemm barra.  Imma dak ma jfissirx li huwa neċessarjament tajjeb biex bgħattu hemm, imbagħad bgħattu l-Amerika.  Jiġifieri dan, hemmhekk, il-Ministru m’għandux ikollu d-diffikultà li jgħid: isma’ Joe has performed here.  Issa rrid inċaqilqu f’post ieħor, u m’għandux ikollu diffikultà l-kumitat.  Tant qed tibżgħu intom, tant qed tgħaġġbuha, tant qed iġġibuha diffiċli din il-ħaġa fix-xejn.  Il-għala?  Għax huwa rikonoxxut.  Mela, inti għandek ambaxxatur li aħna nafu li jservu tajjeb, li huma kapaċi, li jippruvaw iġibu investiment għal Malta, li qed jippruvaw jagħmlu cultural links f’diversi postijiet.  Nafu bihom aħna.  Malta magħrufa, in-nies jgħidulek u ma hemmx bżonn grokk whisky għax in-nies ikellmuk, u jgħidulek, u aħna nafu x’inhu jiġri barra fid-diversi ambaxxati.  Allura dak huwa, anzi, garanzija ikbar li meta inti għandek xi ħadd illi qiegħed tal-karriera, jew mhux tal-karriera, who has performed.  Aħna nafu b’ambaxxaturi li ma kienux tal-karriera, and who performed excellently.  U kellna wkoll ambaxxaturi tal-karriera who performed excellently.  Imma dawk, ejja nagħmlu mekkaniżmu biex inkomplu nħajruhom jimxu ‘l quddiem, mela jiddependu dejjem minna l-politiċi jekk kemm-il darba ħa nċaqilquhom post jew ieħor?  Issa hemm diffikultajiet, diffikultajiet li nifhimhom.  Jista’ jkollok sitwazzjonijiet fejn jien ma naqbilx, per eżempju, meta niġi biex inġedded, jew nagħti extension, għandna sitwazzjonijiet fejn ikollok ambaxxatur għal tlett snin, imbagħad il-Ministru jiddeċiedi li jtih estensjoni ta’ sena jew ta’ sentejn.  Hemm naqbel miegħek li ma hemmx bżonn li jiġi hawnhekk, però jekk se tbiddilli l-ambaxxata, ma fiha xejn.  Ġibu hawn, x’fiha t-trasparenza?  Hawn ħafna nies li huma kapaċi fil-pajjiż.  Ħafna nies.  Inthom il-ħin kollu titkellmu, il-Prim Ministru tagħkom il-ħin kollu jgħidha din il-ħaġa, kemm hawn nies Alla jbierek f’pajjiżna li huma kapaċi.  Tuhom l-opportunità, użaw dil-liġi biex permezz tagħha nkunu nistgħu nersqu iktar ‘il quddiem biex ikollna nies tajbin illi jersqu. 


U allura aħna, Onor. Ministru, bħala Oppożizzjoni nħossu li f’dan l-istadju aħna nixtiequ li jsiru: l-ewwel, emenda biex l-iskrutinju jsir pubbliku mill-ewwel.  Mill-ewwel isir pubbliku u jsiru d-domandi.  Hemm id-diffikultajiet, imma dil-ħaġa tal-ittri u tad-domandi hija bla sens.  Anke ċċekkinna.  Iċekkinna.  Għax jiena għidli, f’liema għax jiena ngħid isma’, forsi kien hemm xi pajjiż li hu demokratiku fl-Unjoni Ewropea li għamel din is-sistema?  Ngħid, sa issa għadni ma ltqajtx miegħu.  Jekk qed nikkupjaw xi mudell barrani għiduli.  Però sa fejn naf jien, ma hemm l-ebda wieħed. Dan huwa maħluq ad hoc għalina u aħna għamilniha għalina.  U aħna m’għandniex għalfejn. Għalfejn għandna bżonn illi nagħmlu din is-sistema illi fih nikteb id-domandi, bil-miktub fuq X u fuq Y.  Naħseb li dak huwa żball, jiġi quddiemi u niffacejah u ngħidlu d-domandi li rrid nagħmillu, u hu għandu l-pjaċir, if he can stand his ground.  Allaħares bħala gvern ma jkollniex nies who can’t stand their ground, illi għax deputat isaqsih domandi mhux kapaċi jwieġeb.  Dan, ħa ngħidlek, jiena jumejn ilu rajt il-kumitat fejn John Fitzgerald Kennedy għamel id-domandi fil-kumitat fuq il-kwistjonijiet spinużi ħafna li kellu qabel sar President tal-Amerika.  Mhux kulħadd huwa John Fitzgerald Kennedy ifhimni, imma hawnhekk id-domandi għandna nagħmluhom, u l-Gvern aħna nappellawlu biex din ineħħiha kompletament.  Ineħħi wkoll, il-Gvern, il-kwistjoni illi l-Ministru għandu jkollu l-aħħar vuċi.  Din kif inhi qegħda miktuba: “Il-Ministru għandu jieħu d-deċiżjoni finali dwar jekk ħatra li hija suġġetta għall-proċedura stabilita f’dan l-artiklu għandhiex issir”.  Naħseb li dan huwa żbaljat.  Ladarba l-Ministru qed jiġi għal-Leġislattiv irid joqgħod għad-deċiżjoni tal-Leġislattiv.   U għandu konfort, għandu tlett membri tiegħu. Aħna ma nippretendux li l-Oppożizzjoni saret il-Gvern, imma nippretendu li t-tlett membri tal-Gvern, almenu jivvutaw mal-Gvern.  Issa jekk lanqas dawn it-tlett membri tal-Gvern ma huma ser jivvutaw mal-Gvern, naħseb inkunu qegħdin nibgħatu messaġġ verament żbaljat.

It-tielet, li dil-formola illi hawn fit-Tielet Taqsima dwar kif isir rapport fuq il-persuni titħalla f’idejn il-kumitat.  Finalment dan x’se jkun, Ministru?  Dan se jkun il-kumitat li ltaqa’, ikollna l-għajnuna tal-Iskrivani tal-Kamra li jagħmlu tant xogħol tajjeb fuq diversi affarijiet.  Għada se nkunu fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin, jiena u l-Onor. David Stellini u forsi magħna jkollna deputati oħrajn, u hemmhekk se jitressqu numru ta’ proposti fuq x’inhu għaddej fl-Unjoni Ewropea u aħna bejnietna ngħidu qbilna fuqhom.  Iddeċidejna favur tagħhom.  Ma naqblux magħhom għal hekk u hekk.  Irridu kjarifika fuq hekk u hekk.  Hija prassi parlamentari.  Għaliex għandna nbiddlu l-prassi parlamentari biex il-kumitat irid jagħmel rapport lill-Ministru?  Ma hemmx għalfejn. 


Jiena m’inix advisory committee of the Ministry.  Jiena u inti għandna taħtna numru ta’ kumitati li għandhom poter to advise the Minister.  X’inhuma d-doveri tal-Permanent Secretary, tad-Diretturi?  They advise the Minister.  U l-Ministru f’ċerti affarijiet għandu kumitati apposta to advise the Minister.  Dawk qegħdin taħt il-Ministru.  Il-Ministru jisma’, jara r-rapporti u jgħid: Din ma naqbilx magħha.  U jien ħa nieħu d-deċiżjoni politika li naffronta jien il-kontra ta’ dak li qed jgħid dan.  Però għax jiena naf li m’għandux raġun fuq din, fuq din u fuq din.  Imma jiena hawn m’inix għas-servizz tal-Ministru.  Kif trid iġġibni għas-servizz tal-Ministru?  Jiena hawn qiegħed għas-servizz tal-Leġislattiv.  Għalhekk ġejt.  Jiena m’inix impjegat fil-minister ta’ xi wieħed mill-ministri li hawn hawn.  Allaħares qatt, sewwa?  U aħna għidna li mhix ħaġa tajba li jkun hemm dil-ħaġa.  Imma allura l-Ministru, ladarba lil xi ħadd ..., jaqbad lil David Stellini u tgġidlu: David, jimporta?  Se nagħmlek ambaxxatur għal xi ħaġa.  Trid inti  tidħol għaliha dil-ħaġa? Hemm kumitat parlamentari, jiltaqa’ u jiddeċiedi. Imbagħad ikun hemm deċiżjoni parlamentari.  This is the checks and balances f’demokrazija.  Għaliex qed nibżgħu minnha? 

Imbagħad hemm il-kwistjoni tad-deċiżjoni ta’ kif tagħżel Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li fuqha din l-Oppożizzjoni kellha ħafna xi tgħid.  U l-Gvern injoraha. U ngħid b’mod partikolari għall-Korp tal-Pulizija, jiġifieri l-Korp tal-Pulizija għandu bżonn li jkun hemm dil-fiduċja.  Aħna bħala Oppożizzjoni għamilna dokumenti b’numru ta’ proposti on good governance u għidna li għandu jkun hemm bżonn ta’ żewġ terzi ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat, b’intenzjoni li ttella’ l-istanding tal-pożizzjoni u ġġibha fl-istess livell li għandna fin-National Audit Office u l-Ombudsman, li huma żewġ funzjonijiet pubbliċi li għandhom it-trust, il-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Kamra u fortunatament naslu.  Naslu.  X’inhi dil-biża’ kbir li m’aħniex se naslu.  Il-biża’ kbir tal-Istat fejn hu qiegħed?  Għandu nies tajbin hemm barra, imma rridu nieħdu paċenzja li nagħżluhom, u rridu niftħu l-bieb ħalli dawn in-nies jiġu għaliha.  Aħna għalhekk, Mr Speaker, f’dan l-istadju aħna bħala Oppożizzjoni in second reading aħna, għalkemm naqblu mal-prinċipju, u rrid nerġa’ nafferma, naqblu mal-prinċipju tal-iskrutinju, però in vista ta’ dawn id-difetti, aħna ħa nivvutaw kontra.  Jekk il-Gvern, fi stadju ta’ kumitat jemendahom dawn, aħna ħa nkunu mal-Gvern biex nivvutaw.  Però aħna nħossu, Ministru, li din hija forma qawwija ta’ paraventu, illi qed tipprova turi illi inti ħa tagħmel l-iskrutinju pubbliku, mentri fil-fatt m’intix se tagħmel skrutinju pubbliku, u aħna għandna ninxeħtu fiha.  Mela ma nafux id-diffikultajiet li fiha.  Id-diffikultajiet biex issaqsi d-domandi, id-diffikultajiet biex tagħżel lin-nies.  Jiena kont Ministru bħalek, naf x’inhuma d-diffikultajiet, il-kumplikazzjonijiet li hawn fis-soċjetà Maltija, naf il-kumplikazzjonijiet tan-nies.  Taħseb inti li l-istess nies li kienu jiffittaw lilek, ma kienux jiffittaw lili?  Taħseb li dawk li jitkellmu jew jiktbu fil-gazzetti ma kienux jiktbu favur jew kontra tiegħi, bħalma jagħmlu fil-konfront tiegħek?  Jiġifieri dawn, aħna, l-esperjenza politika tagħna, let us use our political experience.  Aħna għandna l-esperjenza li hi għad-disposizzjoni ta’ dan l-Istat, li lesti ntuha, li lesti naqsmuha u hekk nagħżlu nies tajbin.  U kapaċi nagħżlu nies tajbin u m’għandniex nibżgħu minn din il-ħaġa.  Għaliex għandna nibżgħu? Hemm ħanfa nies.  Hemm min jippretendi, imma hemm ukoll minn inqas jippretendi.  Jiena, fl-esperjenza tiegħi, u naħseb illi hawn ħafna nies jikkondividuha, li dawk li l-inqas jippretenduha huma dawk li jkunu l-iktar tajbin, dawk li joqogħdu iktar lura, dawk li jibżgħu, dawk li ma jkunux ċerti dejjem minnhom infushom, u trid tgħidilhom: Għandek l-abbiltajiet, għandek il-kwalitajiet.  U dawk in-nies imbagħad meta jokkupaw il-kariga jkunu tajbin ħafna, u jagħmlu l-ġid lil-Laburisti u lin-Nazzjonalisti u jgħinu lil kulħadd, u dak li għandu jkun.  U tal-Partit Demokratiku, ma rridx nonqoskom jew ninsikom fuq din il-ħaġa.  Jiġifieri aħna, ġo dal-Parlament, għandna l-opportunità illi aħna ndaħħlu l-iskrutinju, l-iskrutinju parlamentari tajjeb.  Li għandna l-opportunità li ngħollu l-livell tad-demokrazija f’pajjiżna, li nġibuh bħal pajjiżi kbar oħra.  Ejja nimxu bħal pajjiżi oħra. 

Mela, Onor. Ministru, jien ħadt pjaċir nisimgħek tgħid li inti mort barra u tkellimt ma’ Ministri tal-Ġustizzja dwar il-liġi tal-Protezzjoni tal-Informaturi, il-Whistleblower Act li kont ktibt jien oriġinarjament.  Din il-liġi tal-Informatur ma teżistix f’pajjiżi oħrajn, però pajjiżi oħrajn għandhom sistemi ta’ skrutinju u meta se jsaqsu lilek, jew isaqsu lili, għax aħna meta mmorru barra minn Malta niddefendu lil pajjiżna, anke hawn Malta niddefendu ‘l pajjiżna, anke fit-triq niddefendu ‘l pajjiżna.  Onor. Ministru, meta tmur barra u jgħidulek: Intom veru li għamiltu din is-sistema?  Le, le ... Jekk jiena, Onor. Ministru, jekk jiena f’xi mument f’ħajti inqast milli nagħmilha din il-ħaġa, nistiednek tqum issa u akkużani.  U ġġilidt fuq li ġġilidt, avolja kelli stalletti ġo dahri, imma ġġilidt xorta waħda.  Bqajt inħares ‘il quddiem u nibqa’ nħares ‘il quddiem, għax aħna pożittivi rridu nibqgħu.  Imma aħna, f’dal-pajjiż, għandna art fertili.  Issa, iktar u iktar li qed insiru aktar ċentru ta’ ħafna affarijiet.  Jiena nieħu pjaċir nisma’ li hemm min irid jinvesti, hemm min irid jiftaħ uffiċċji hawnhekk, min irid jiftaħ ambaxxati hawnhekk, nieħu pjaċir.  Ejja ħaġa tajba għall-ġid ta’ pajjiżna, u anke jekk hemm min qed hemm barra jgħid: imma aħna nifilhu għal dan kollu?  Imma aħna se nisplodu xi mkien?  Aħna, il-pajjiż tagħna mexa.  U jimxi, u javvanza u javvanza iktar ‘il quddiem.  Allura nappellalek illi dil-liġi tkun liġi li hija vera liġi ta’ trasparenza, ta’ kontabilità, ta’ demokrazija, u tkun waħda li tgħollina ‘l fuq.  Intom titkellmu tant li għolejna ‘l fuq fuq affarijiet oħrajn, imbagħad fuq din qed toqogħdu lura milli togħlew ukoll?  Għolew ukoll fuqha wkoll.  Qed tibżgħu fix-xejn.  Ħafna defences ... le, għax issa fl-aħħar jiena rrid ...  Hemm barra x’qed jidher?  Ħa ngħidlek x’jidher hemm barra, u dan huwa l-vox populi: Il-Ministru jrid jagħmel din il-liġi, però jrid li fl-aħħar tal-ġurnata tgħaddi tiegħu.  U dik irridu inneħħuha.  M’għandniex aħna nibgħatu l-messaġġ illi l-poter tal-Gvern irid li bilfors tgħaddi tiegħu.  Irid ikollna l-umiltà.  Il-Papa taf x’qal?  Qal: Ma jimpurtax, wieħed jgħid illi żbalja fil-politika.  Ma ġara xejn.  Anke fl-għażliet tan-nies.  Mela dejjem tkun perfett fl-għażliet tan-nies?  Imma kumitat ta’ skrutinju pubbliku fil-lista tan-nies li inti għażilt, Onor. Ministru, hemm iktar.  Hemm iktar, imma huwa pass.  Aħna għidtlek x’inhuma l-concerns tagħna.  Hemmhekk għandek opportunità illi inti tibda dit-triq ‘il quddiem.  Għandna l-possibilità, u ħadd ma jħossu eskluż fis-soċjetà.  Għandek diġà ħafna issues, ħafna problemi ta’ nies illi għandhom problemi fuq ħaġa jew oħra, illi inti ġġibhom biex jifhmu li hemm possibilità li jokkupaw dan.  Għandek kwantità żgur Ministru.  Inti meta tkun qed tħabbat il-bibien tan-nies fl-elezzjoni, kif nagħmel jien, tibda tiltaqa’ man-nies li jaħdmu fiċ-Ċivil u jgħidulek: Għax jien kien ħaqqni li nsir hekk, però għax dak tkellem mal-ieħor u tkellem ma’ dak ... jien ma sirtx.  Hawn għandek opportunità li f’ċertu pożizzjonijiet din inti taqtagħha barra u, jekk jogħġbok, ejja nimxu ‘l quddiem biex flimkien nagħmlu kumitat sew, tajjeb, li jgħin lil dan il-pajjiż jimxi iktar ‘il quddiem kif verament jixraqlu.

Grazzi Mr Speaker.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...