29.10.17

F’dinja oħra.




1.   F’din it-tieni ġimgħa ta’ dieqa, rajna għal darb’oħra ‘l-Gvern jagħmel ħiltu biex jaħrab ir-realtà.  Huwa ċar li l-ħsieb huwa li iktar ma jgħaddi żmien, iktar il-poplu ser jinsa, u allura ma hemmx bżonn li tiġi affrontata l-verità.  Kien hemm atti varji ta’ insensittività grossolana lejn dak li huwa għaddej.  Lejn il-memorja tal-persuna, ċittadina ta’ dawn il-gżejjer li tilfet ħajjitha.  L-ewwel, l-insistenza fuq il-familja li taqbel li jkun hemm premju għal min iwettaq dmiru u jikxef.  It-tieni, li l-Prim Ministru jaħrab f’pajjiż ieħor biex ikompli bl-iskema li jbiegħ il-passaporti, dik l-istess li smajna ħafna kritika dwarha.  It-tielet, li bil-fatti irrifjuta li jsir dibattitu parlamentari urġenti dwar l-akkadut.  Il-Gvern għandu jiġi reġistrat li naqas lil din il-familja li tinsab f’dan il-mument ta’ dulur, u li fih qed tifhem iktar li l-istat abbanduna lil ommhom.



L-Anti-Mafia



2.   Forsi hemm min jaħseb li s-sejħiet tal-Oppożizzjoni għar-riżenji huma parti minn xi attakk partiġġjan.  Fir-realtà hija talba bżonnjuża sabiex l-Istat ikollu l-għodda f’postha biex iwieġeb għal dan l-attakk faħxi.  Ma kontx ngħid li ser nara dawn l-eventi jseħħu f’pajjiż li The Economist sejjaħ din il-ġimgħa “Murder in Paradise”.  Wisq inqas li ser insib lili nnifsi, flimkien mal-Kap Dr Adrian Delia u l-Viċi Kap Dr Beppe Fenech Adami niltaqa’ mal-Kummissjoni Anti-Mafia Taljana, immexxija mill-Onor. Rosy Bindi.  Dak li smajt u dak li ġie diskuss ġieb lura quddiem għajnejja, l-ewwel id-diversi kotba li qrajt minn Giovanni Falcone, Giuseppe Ayala u Angelino Alfano dwar l-operat u l-konsegwenza tal-illegalità u l-kriminalità.  It-tieni, l-għarfien li l-istat demokratiku tagħna taħt din l-amministrazzjoni dgħajjef sew lilu nnifsu u m’għadux f’pożizzjoni li jikkumbatti.



L-ikreh żmien



3.   The Economist, fl-artikolu tiegħu jibda billi jikkwota dak li qal il-Kap tal-Partit: “The darkest moment in the country’s political history”.  Dan hekk huwa.  F’dik il-laqgħa, li nittama li ma tkunx l-aħħar waħda, fhimt u rajt ċar li l-Kummissjoni taf ferm iktar dwarna milli naħsbu.  Taf, imma m’għandniex min hawn qiegħed jifhem il-gravità tad-delinkwenza u l-pussess li dieħel.  Kien ċertament żball kbir li ħadd mill-Korp tal-Pulizija ma ltaqa’ magħhom. Nittama li xi ħadd fil-Gvern, li għadu qiegħed jgħix fid-dinja tagħna, fehem u ħa nota.  Jidher ċar li għandna bżonn li naġġornaw il-liġijiet tagħna biex nieqfu għal dan il-fenomenu.  Biex dan isir, il-Gvern irid jinżel lura u jifhem sewwa s-sinjali taż-żminijiet.  Għandi dubju kemm dan kapaċi jsir, jew kemm hemm min huwa lest li jaffronta din ir-realtà.



L-effett fuq is-sigurtà



4.   Il-pajjiż irid jifhem li l-aġenda nazzjonali tiegħu b’dan l-omiċidju nbidlet.  Irid isir aktar biex il-livell tas-sigurtà fit-toroq tagħna, għal dawk li jgħixu f’dawn il-gżejjer, jerġa’ jogħla ‘l fuq lejn dak li kien qabel.  Dan ifisser li l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna jridu jiġu ssudati, il-liġijiet tajba applikati u l-pratiċi tajba passati riapplikati.  Ma jistax issa, wara dak li ilu ġej is-snin taħt din l-amministrazzjoni, jitqiegħed taħt it-tapit.  Ma nistgħux naħarbu dak li huwa evidenti f’għajnejn u qlub in-nies.  Irid jiġi konfrontati.  Hawn wisq preferenzi u deċiżjonijiet politiċi żbaljati.  Hawn wisq kriminalità organizzata.  Hawn wisq korruzzjoni istituzzjonali.  Il-bieb fetħuħ beraħ.

L-effett ekonomiku



5.   Kien iktar ċar dak li rriżulta tul din il-ġimgħa fil-konferenza organizzata minn EY, imsejħa Malta’s Annual Attractiveness Event.  Fuq id-domanda dwar l-istabilità, it-trasparenza fl-ambjent regulatorju tal-isferi legali u politiċi, waqt li bejn l-2015 u l-2016 inżilna 15%, issa nżilna 12% oħra.  Jekk dan mhuwiex sinjal għal dawk li qed jgħixu f’din id-dinja u mhux f’oħra, ma nafx.  Dan ċertament ser iżid fil-gravità wara d-delitt politiku tas-sinjura Daphne Caruana Galizia.  Min kien ferħan u kuntent bil-miżuri tal-Budget għandu jifhem li jrid jibdel il-linja tiegħu.  Jekk jilludi ruħu f’dan, u jibqa’ għaddej, ikun qiegħed jiżbalja.  L-istrateġija ekonomika tagħna trid tiġi mfassla b’attenzjoni lejn is-sena li ġejja proprju minħabba dak li seħħ.



Niddefendu ‘s-soċjetà



6   Rajt, qrajt u smajt diversi jitkellmu fuq dak li seħħ.  Hemm min jaħseb li huwa aktar perfett mill-oħrajn, b’tali mod li jimmaġina li huwa biss għandu d-dritt li jitkellem fuq dak li ġara.  Biss, dawk li jgħixu fuq dawn il-gżejjer jafu li r-realtà hija li huwa l-Partit Nazzjonalista li, jingħad x’jingħad fuqu, huwa kapaċi jaqbeż u jiddefendi lis-soċjetà.  Huwa hu li għandu l-esperjenza, l-abbiltà u qiegħed diġà jwieġeb għas-sejħa.  Diġà fil-Parlament ngħadu messaġġi varji minn ħafna deputati mill-Oppożizzjoni, li ma qagħdux lura u stqarrew pubblikament il-pożizzjoni tagħhom. Pajjiżna qiegħed f’sitwazzjoni diffiċli u gravi ħafna.  Però dan ma jfissirx li m’hawnx diversi bnedmin ta’ rieda tajba li huma determinati li jikkumbattu għas-sewwa.  L-ewwel, sabiex jinstab min wettaq dan id-delitt tal-mistħija fuq persuna politika; u t-tieni, biex din is-soċjetà terġa’ tissoda primarjament it-tessut morali tagħha, u sekondarjament l-istituzzjonijiet li suppost jiddefenduha u li mhumiex.  Jekk, kif qed naraw, il-Gvern qiegħed jgħix fid-dinja tiegħu, aħna qed ngħixu mar-realtà vera ta’ pajjiżna.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...