13.10.17

Nhar it-Tnejn se nispjega kif lesti ngħinu lill-Gvern bla pjan - il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia


 
Fl-ewwel diskors Parlamentari tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jkun qed jispjega kif l-Oppożizzjoni lesta tgħin lill-Gvern li, kif wera fil-Budget ta’ nhar it-Tnejn, m’għandux pjan. Dan qalu l-istess Adrian Delia waqt intervista fuq il-programm Bejn Tnejn fuq Net Television.

Adrian Delia qal li nhar it-Tnejn li ġej se jiġi spjegat il-mod ġdid ta’ kif il-Partit Nazzjonalista se jagħmel il-politika, li ma jkunx biss qed jikritika biex ikun kritika, iżda se jtejjeb il-ħajja tan-nies anke mill-Oppożizzjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista se jikritika lill-Gvern mingħajr pjan imma lest li jgħin, għaliex għall-Partit Nazzjonalista, l-ewwel tiġi Malta. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Budget ta’ nhar it-Tnejn ikkonferma li s-surplus li jirreferi għalih il-Gvern mhux sejjer fl-investiment għall-futur ta’ pajjiżna. Hu spjega kif dak li kien qed jgħid il-Gvern qabel il-budget ma ġiex rifless fil-budget. Fil-fatt, qal Adrian Delia, filwaqt li l-Gvern prova jagħti l-impressjoni li taħtu ma żdiedx id-dejn, il-verità hi li kemm ilu Gvern Laburista, d-dejn żdied b’elf miljun ewro. Anke dwar is-surplus, Adrian Delia qal li skont il-proġezzjonijiet tal-istess Gvern, dan jidher li qed jonqos.

Dwar il-problema tat-traffiku, Adrian Delia qal li l-Gvern, qabel jgħid li se jonfoq €700 miljun, ma rax kif se jsolvi l-problema tat-traffiku. Hu qal li l-Gvern mhux qed jgħid kemm u xi kwalità ta’ toroq għandu bżonn il-pajjiż, u lanqas mhu jirreferi għall-mezzi tat-trasport li pajjiżna għandu bżonn fil-futur. Hu sostna li l-Gvern lanqas biss qed jirrikonoxxi l-problema. Minn naħa tiegħu, l-Partit Nazzjonalista qiegħed ikun serju, u jinsisti li l-Gvern jinvolvi dawk esperti fl-ippjanar, fosthom inġiniera. “Ejja naraw x’jixraq għas-soluzzjoni tat-trasport f’pajjiżna, u rridu naħdmu fuq pjan komprensiv għal Malta u Għawdex,” qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-budget ma jirrikonoxxix ukoll il-problema gravi li teżisti fis-settur tal-edukazzjoni. Hu rrefera għall-kritika tal-MUT għall-budget, kif ukoll għall-wegħdi tal-Gvern li jibni l-iskejjel li diġà kien wiegħed li jibnihom matul is-sena li għaddiet. Adrian Delia qal li l-Gvern għandu jieħu l-edukazzjoni bis-serjetà, u filwaqt li hu tajjeb li jkun hemm inċentiv għal min jagħmel il-PhD, hu żball li l-Gvern qed jinjora l-fatt li bosta żgħażagħ qed jagħżlu li ma jkomplux jistudjaw. 

Fil-konklużjoni tal-intervista, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista lest jgħin biex insibu soluzzjonijiet għall-problemi tat-traffiku, lest jgħin biex tingħata direzzjoni lis-settur tal-edukazzjoni, lest jgħin biex jinstabu oqsma ġodda ta’ investiment, lest jgħin biex in-negozjanti ż-żgħar jingħataw leħen, lest jgħin biex naraw għalfejn il-Gvern nesa’ kompletament lill-bdiewa, lis-sajjieda u l-animal welfare, lest jgħin biex jindirizza l-kriminalità, kif ukoll lest jgħin għaliex il-Partit Nazzjonalista għandu l-ogħla interess, li hu l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. 

11.10.17​

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...