1. Il-Partit
Nazzjonalista rnexxielu jakkwista l-Indipendenza għal pajjiżna, u b’hekk
il-famuża frażi “rajna f’idejna”.
L-Indipendenza ġibniha, kif ngħidu u nafu lkoll, meta kienu qegħdin
jikkontestawna, u jikkontestaw l-istess kunċett, forzi politiċi oħrajn fosthom,
b’mod partikolari, dawk tal-Partit Laburista, li għal żmien twil kien jgħid
illi l-21 ta’ Settembru, dak il-jum tal-ikbar ferħ għalina, huwa għalih Jum
l-Għajb. Ingħaqadna mal-Unjoni Ewropea,
bħala membri sħaħ, u l-istess Partit Laburista kien kontra, u lkoll nafu li
kien huwa li għamel il-bsaten fir-roti għal dak il-pass progressiv. Illum kulħadd jifhem u jirrealizza li kemm
l-Indipendenza, kif ukoll l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea kienu tal-aqwa siwi
għal pajjiżna, li jaf il-qagħda tiegħu aqwa tallum għaliex il-Partit
Nazzjonalista kien ħa ħsieb jakkwistahom it-tnejn. Minn dan l-akkwist gawda l-poplu, però aħna
rridu nibqgħu nistinkaw li jibqa’ jgawdi minnu kulħadd. Kif fakkar u appella tajjeb lilna l-Arċisqof
Charles J. Scicluna fl-omelija tal-istess jum: għandna lkoll bħala politiċi
nsara impenjati fil-ħidma demokratika li “nippromwovu l-ġid komuni”.
Bqajna
indipendenti
2. Mill-bidunett,
il-partit kien u għadu jisħaq li meta dħalna fl-Ewropa Magħquda ma tlifniex
l-Indipendenza. M’aħniex sudditi
tal-Ewropa; aħna sħab, u kif kien ċar f’għajnejn kulħadd fl-ewwel sitt xhur ta’
din is-sena, kultant ninzertaw f’ras il-mejda mmexxu aħna. Li però jeħtieġ żgur huwa li noqgħodu attenti
li ma nitilfux l-indipendenza tal-moħħ tagħna.
Dari konna nikkumbattu ma’ dawk li kienu jaħsbu li l-barrani aħjar
minna, u aħjar għalhekk li nibqgħu taħtu.
Kien hawn, sfortunatament, f’uħud, kumpless varju u kumplikat ta’
inferjorità. Il-Partit Nazzjonalista
rnexxielu jirbaħ lil din il-mentalità b’ħidmietu u bil-fatti. Hawn min, mhux biss kien jara lill-Ingliżi
bħala superjuri, iżda li baqa’ jara lil kull min ġej minn barra bħala aħjar
minna, bħala dawk li għandhom kollox perfett u aħna le.
Nikkumbattu din
il-mentalità
3. Din hi
mentalità li jeħtieġ nikkumbattu bis-serjetà kuljum. Mhux dejjem għandhom raġun dawk li qegħdin
Brussell. Mhux dejjem jaħsbu aħjar minna
huma, jew dawk li jkunu madwar il-mejda.
Fuq ħafna materji ta’ prinċipji fundamentali, ta’ bioetika, ta’ filosofija
politika, il-mod kif jaħsbuha l-Maltin mhux inferjuri għal dak ta’ Ewropej
oħra. Waqt li għandna x’nitgħallmu minn
ħaddieħor fl-Ewropa bħalna, pajjiżna rnexxielu, minħabba ċertu karattru tagħna
l-Maltin, jevita u jissupera problemi li għadhom ikiddu lil ħaddieħor. Rajna x’ġara, qisna x’nagħmlu u wara
ddeċidejna jekk huwiex tajjeb għalina jew le, u mhux kif riedna min għandu
mentalità oħra, li naċċettaw kollox bla ħsieb.
Inħossni kburli
li jien Malti
4. F’Jum
l-Indipendenza nħossni kburi li jien Malti, li għandi l-għeruq f’dawn
il-Gżejjer imbierka. Ma nixtieqx li kont
Belġjan, Taljan, Franċiż, Awstrijak, Ingliż jew Skoċċiż, eċċ. Ġensna rnexxielu, tul is-sekli, jagħmel l-għażliet
it-tajbin u jirribella kontra l-impożizzjoni.
Kontra dawk li ċaħħduna mil-libertà u l-ġustizzja tagħna. Sostnih il-karattru li ssawwar fit-tbatija u
t-theddid. Sostnietu l-fidi Nisranija li
għadha soda magħna. Trawwimna fil-maħfra
u fil-ħniena. U drajna nmiddu għonqna
għax-xogħol. Drajna fil-bżulija u
fl-għaqal. Bnejna fuq pedamenti sodi,
ħafna drabi fuq iż-żonqor sod.
Jeħtieġ nagħtu
l-kontribut oriġinali tagħna
5. F’dan kollu
xorta, anqas fuq in-naħa l-oħra s-suppervja u s-suspett lejn dak li ġej minn
barra, ma jwassluna mkien. Mingħand
il-pajjiżi kollha msieħba tagħna fl-Unjoni Ewropea, u anke mingħand oħrajn,
nistgħu nieħdu anki t-tagħlim. Iżda biex
l-Unjoni tirnexxi, iktar u iktar illum, kulħadd, inkluż aħna, jeħtieġ nagħtu
kontribut oriġinali. Ngħid għalija, meta
kont Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u kont niltaqa’ ma’ Ministri Ewropej
oħra, ma kontx inħossni inqas minnhom.
La meta kien Angelino Alfano, dak il-ministru ta’ intelliġenza u
abbiltà, u lanqas meta kien xi wieħed mill-Ministri l-oħra, kien Franċiż jew
kienet Svediża, dejjem ittrattajna lil xulxin ta’ ħbieb ugwali. Proprju għalhekk li meta rġajt iltqajt ma’
Alfano, li kien qiegħed jakkumpanja lill-President Taljan Sergio Mattarella
ftit ġranet ilu, tkellimna ta’ ħbieb antiki li aħna u li ħdimna flimkien.
Għandu jħossu
kburi
6. Il-Partit
Nazzjonalista għandu Kap ġdid f’Adrian Delia, li daħal wara proċess
demokratiku. Hemm ħafna x’għandu jingħad
fuq dan iktar ‘il quddiem, meta l-ilmijiet jikkalmaw iktar. Ngħid li għandu llum iħossu kburi li daħal
fil-kariga li kienet ta’ Ġorġ Borg Olivier, li akkwista l-Indipendenza
bil-kuraġġ u bid-diplomazija, u li kien kburi li kien Malti, kif ibnu Alexander
tant tajjeb tkellem fuq dan. Għandu
jħossu kburi li daħal fis-siġġu ta’ Eddie Fenech Adami, li kkumbatta, barra
milli eżerċita paċenzja kbira, biex kiseb l-adeżjoni mal-Unjoni, kif kien
dejjem jipprospetta Ġorġ Borg Olivier qablu.
Eddie kien u għadu eżempju ta’ Malti veru li hu kburi li hu Malti, li ma
jinġarrx mal-moda li kultant kaxkret xi parti mill-Ewropa, imma żamm ruħu sod
mal-għeruq demokratiċi Nsara tagħna.
Kburin
7. Kieku ma
konniex indipendenti, ma konniex inkunu nistgħu nidħlu fl-Unjoni bħala ugwali. Ninsistu rridu, iktar minn qabel, fuq
l-ugwaljanza, issa li aħna membri. U
nibqgħu kburin: Maltin veri naħilfuh.
Kif inkantaw dak li kiteb nannuwi Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala
“Il-Gross”, fl-1932. Kburin
bl-indipendenza tal-moħħ u tar-rieda.
Kburin b’dak li l-Maltin irnexxielhom jibnu tul is-sekli. Kburin b’pajjiżna, ta’ Nazzjonalisti u
patrijotti li aħna lkoll kemm aħna.