29.11.16

Bla Kliem u Bla Sliem.


 
1.      Għal darb’oħra, bħal sajjetta fil-bnazzi ġejna nfurmati li l-kumpannija Actavis kienet ser tkeċċi mitejn ħaddiem Malti.  Dan sar mingħajr ebda spjegazzjoni loġika, salv dik ta’ dawk li jidhru li jħarsu ‘l-ekonomija bħala iktar importanti mill-bniedem.  Bħal ma anqas kien hemm wisq raġuni għala l-pajjiż sab żewġ ministri prominenti quddiemu jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet funebri.  Ftit fehmu għala kellhom, fir-realtà jkunu dawn iż-żewġ vuċijiet li jgħaddu din l-aħbar u m hux l-istess kumpannija.  Spiċċaw messaġġiera diretti ta’ daqqa ta’ ħarta kiefra.  Spiċċaw jgħaddu dak li għalih, reazzjoni vera u proprja ma kellhomx, salv li jaċċettaw passivament dak li wettaq ħaddieħor.



Ġlieda soda



2.      Dan huwa iktar gravi għax minkejja l-propaganda kontinwa ta’ ċifri fuq is-suċċess fis-settur tax-xogħol, dawn il-ħaddiema ser jingħaqdu ma’ diversi oħra li diġà tilfu l-impieg.  Ser ikunu flimkien ma’ dawk il-11,941 li bejn Marzu 2013 u Novembru 2015 spiċċaw bla xogħol u ma’ dawk li tul din is-sena spiċċaw hekk.  Dan huwa ta’ nkwiet akbar għax għalkemm huwa minnu li f’kull ekonomija hemm min isib u min jitlef l-impieg, però fil-klima li bnejna, suppost “pro business”, inqabdet sfortunatament linja passiva.  Għax jekk ħaddiem f’dan il-proċess jitlef minn naħa, però jirbaħ xogħol b’kundizzjonijiet awqa, wieħed jifhem u jaċċetta.  Biss, meta l-linja hija preċiżament il-kontra, wieħed jistenna iktar determinazzjoni, perseveranza u almenu ġlieda soda favur li l-ħaddiem jibqa’ jżomm postu.



Punti purament ekonomiċi



3.      Wieħed għandu jinnota li l-attakk ekonomiku li qiegħed isir huwa preċiżament fuq, jew minn kumpanniji fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem huma ogħla fuq dawk normali.  Ftit xhur ilu, il-Partit Nazzjonalista semma’ leħnu sew favur il-ħaddiem tad-De La Rue, li kien ser isib ruħu fl-istess triq.  Is-sitwazzjoni llum inbidlet, fortunatament.  Biss, dan ma seħħx mertu ta’ xi miżura jew deċiżjoni jew ftehim tal-Gvern magħha, imma b’kunsiderazzjonijiet oħra.  Il-kumpannija ddeċidiet fuq punti purament ekonomiċi, fuq dak li jaqbel lilha.  L-ewwel riedet tkeċċi tlett mitt ruħ biex tiffranka, issa biddlet kollox u ser iżżid sa ħames mija, għax hekk jaqbillha.  Ma kien hemm ebda intervent tal-Gvern.



Difensur tal-ħaddiem



4.      M’huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement jilmenta kif qiegħed jagħmel il-Gvern quddiem il-fatt li din it-tieni fabbrika tal-Actavis ser tkeċċi ‘l dawn il-ħaddiema.  Hemm bżonn ferm iktar minn press conference fejn il-ħaddiem jiġi fl-aħħar mitlub jibgħat email jew iċempel biex jinsablu xogħol alternattiv.  Wieħed kien jistenna li almenu jinbdew diskussjonijiet u interventi diretti, kif kien sar taħt amministrazzjoni Nazzjonalista meta kien hemm theddida simili fuq 64 ħaddiem.  Biss, dan la jidher li sar u wisq inqas li sejjer isir.  Il-Gvern f’dawn is-snin evidentement għadda l-messaġġ li fid-dinja tax-xogħol huwa l-bniedem li ġie għas-servizz tal-ekonomija u mhux kif narawha aħna, il-kontra.  B’hekk jidher li qiegħed jabdika iktar mid-dmir tiegħu li jkun difensur veru tal-ħaddiem.



Riżultati evidenti



5.      Forsi nħossu iktar għal dawn mhux biss għax il-maġġoranza tal-ħaddiema huma Maltin u Għawdxin, imma wkoll għax il-kumpannija ġiet kontinwament sostnuta minna.  Ħdimna strateġija magħha, hija kompliet tinvesti u r-riżultati huma evidenti.  Hemm mijiet ta’ ħaddiema hemm jaqilgħu l-għixien tagħhom proprju għax kien hemm viżjoni u direzzjoni ċara, fejn il-Gvern Nazzjonalista kien jagħraf li m’għandux iwarrab jew idawwar wiċċu.  Għax kull settur ekonomiku f’dawn il-gżejjer irid jiġi sostnut u m’għandniex naċċettaw il-ħsieb li huwa s-suq li għandu jiġi permess libertà assoluta li jsuq.  Il-ħaddiem ġustament jippretendi mingħand il-Gvern tal-ġurnata li jintervjeni għalih.  Jippretendi li jiġi protett u mhux espost għall-elementi ekonomiċi li ma jiflaħx għalihom.



Inxommu l-kafè



6.      Dan huwa iktar u iktar relevanti fis-settur tad-dinja tax-xogħol ta’ pajjiżna, meta għandek fuq naħa wieħed u tletin elf ħaddiem li m’huwiex ċittadin ta’ dawn il-gżejjer jaħdmu hawn u l-fatt li x-xogħol għan-nisa huwa fil-maġġor parti tiegħu dak fil-part-time u fl-iskali l-iktar ‘l isfel.  Kif qed naraw, m’huwiex biżżejjed li nisimgħu ‘l-Kap tal-Gvern jitkellem il-Ħadd filgħodu fuq dawn is-setturi.  Huwa almenu pożittiv li qiegħed ixomm ir-riħa tal-kafè huwa wkoll.  Biss dan, kif qed naraw, f’dawn l-isfidi m’huwiex adegwat.  Id-diskors it-tajjeb jibqa’ dak li huwa, imma għandu jiġi wkoll segwit minn azzjonijiet diretti.  Għax nafu li dawn il-fatturi qegħdin jikkundizzjonaw is-suq u m’huwiex isir kumbattiment biex jiġu kontrollati.



Bidliet strateġiċi



7.      Hemm bżonn bidliet strateġiċi li ministeru wieħed jista’ jwettaq.  Għax wieħed jinkwieta meta jara li d-dinja tax-xogħol hija maqsuma bejn żewġ ministeri prinċipali u partijiet imqassma f’idejn oħrajn.  Ma hemmx min qiegħed jiddefendi u għandu wkoll l-għodda sabiex jagħmel dan.  Proprju għalhekk li diversi ħaddiema jagħrfu li m’għandhomx protezzjoni u bħal ma ġara lil ħaddiema oħrajn, għada pitgħada ser tmiss lilhom ukoll.  Hemm bżonn ta’ bidla f’dan.  Hemm bżonn li l-Gvern jifhem it-theddidiet ġodda fid-dinja tas-suq tax-xogħol u li jintervjeni.  Seta’ jagħmel dan għall-ħaddiema tad-De La Rue u m’għamilhiex.  Nittamaw li issa forsi jiċċaqlaq u jagħmilha ma’ dawk tal-Actavis.




UFFIĊĊJU TAL-ARBITRU – APPELLI PENDENTI TAĦT L-ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI MINN RESIDENTI TA’ WIED IL-GĦAJN



 
 
28801. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali ta’ residenti minn Wied il-Għajn preżentement u jista’ jinforma kemm hemm minnhom appuntati u kemm le?

18/11/2016

  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej:

Numru ta’ Appelli quddiem l-Arbitru ta’ Residenti minn Wied il-Għajn


Appelli pendenti
17
Appelli appuntati
Nil
Appelli solvuti
1

Seduta  456
29/11/2016

TELGĦA T’ALLA U OMMU – INSTALLAZZJONI TAD-DAWL



 
28800. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23617, għar-rigward tal-istallazzjoni tad-dawl fit-telgħa magħrufa bħala “T’Alla u Ommu” jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk dan huwiex ser jiġi installat fil-futur qarib?

18/11/2016

  ONOR. JOSEPH MUSCAT:  Kif indikat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23617, l-Enemalta plc mhijiex responsabbli għall-installazzjoni ta’ dwal ġodda f’toroq u postijiet pubbliċi.  Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeri kkonċernati.

Seduta  456
29/11/2016

UFFIĊĊJU TAL-ARBITRU – APPELLI PENDENTI TAĦT L-ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI MINN RESIDENTI TAŻ-ŻEJTUN.


 
28799. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali ta’ residenti miż-Żejtun preżentement u jista’ jinforma kemm hemm minnhom appuntati u kemm le?

18/11/2016




  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej :
Numru ta’ Appelli quddiem l-Arbitru ta’ Residenti miż-Żejtun


Appelli pendenti
11
Appelli appuntati
Nil
Appelli solvuti
1

Seduta  456
29/11/2016

RAĦAL ĠDID – PJAZZA - XOGĦLIJIET


 
28798. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26370, tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra f’liema stadju waslu x-xogħlijiet inkonnessjoni mal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid billi għaddej iż-żmien?

18/11/2016

  ONOR. HELENA DALLI:  Nirreferi lil Onor. Interpellant għat-twegiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 26370.

Seduta  456
29/11/2016

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...