1. Il-Partit Nazzjonalista daħal issa
fil-bidu tat-tielet sena tiegħu barra mir-responsabbiltà tal-poter. Żmien li għandu jkun wieħed marbut mal-ħsieb,
mar-riflessjoni u preparazzjoni. Kien
fuq din il-linja politika, bid-diffikultajiet u kumplikazzjonijiet li diversi
minna ġarrbu qabel, li nbena partit kapaċi jibdel ‘il-pajjiż. Fiż-żmien li l-pajjiż għabbiena
bir-responsabbiltà wrejna li mill-maġġoranza ta’ ħidmietna l-poplu avvanza ‘l
quddiem. Jingħad x’jingħad, il-Partit
Nazzjonalista kien strument ta’ bidla vera.
Waħda li kienet bażata fuq il-valuri nsara li huwa jħaddan. Iddur fejn iddur, xogħol tajjeb sar. L-istituzzjonijiet demokratiċi kibru. Il-liġijiet li taw iktar dinjità u drittijiet
lill-ħaddiema u liċ-ċittadini tagħna. Post,
pajjiż inbidel fid-dimensjoni soċjali u ekonomika tiegħu.
2. X’differenza għamilna, dawk ta’ warajna
għad iridu jifhmu u japprezzaw. Dan seħħ
minħabba, fost l-oħrajn, żewġ elementi determinanti. L-ewwel: il-valuri u l-prinċipji li l-Partit
Nazzjonalista rnexxielu jħaddan u jżomm.
It-tieni: minħabba l-bnedmin li rawwem u basket ġewwa fih. Il-valuri tagħna ta’ reliġjon u patria kienu
u jibqgħu ankri sodi. Ma għandniex minn
xhiex nistħu minnhom. Dan għax dawn
iż-żewġ prinċipji qatt ma ġew meħuda f’linja ta’ partit li qiegħed fuq
il-lemin, iżda f’wieħed li qiegħed fiċ-ċentru.
Meta tkellmu fuq reliġjon qabel, missirijietna ħarsu u kitbu li fehmu li
dan kien fl-enċikliċi tal-Papiet li kienu l-iktar avvanzati u soċjali, bħal
f’dak il-mument ir-Rerum Novarum.
Il-patria qatt ma rajniha min-nazzjonaliżmu tal-lemin estrem. Ħadniha fid-dimensjonijiet ta’ indipendenza,
ta’ fiduċja u abbiltà li mmexxu lilna nfusna ‘l quddiem.
3. Dawn il-prinċipji għamluna u assigurawna
iktar bħala partit li huwa demokratiku nisrani.
Għandna valur bħala partit proprju
minħabba dan. Ma aħniex allejanza
ta’ membri parlamentari indipendenti minn xulxin. Ma aħniex ġabra ta’ bnedmin li ngħaqadna
għall-interessi personali, iżda ġejna flimkien biex inservu taħt bandiera waħda
li l-valuri demokristjani jagħtuna.
Il-partit għandu fih storja, valuri, ideat u wirt li ħadd ma jista’
jiddikjara ruħu superjuri għalih.
Il-partit huwa ikbar minn kull min jikkomponih. U min huwa fih huwa f’ugwaljanza ma’
oħrajn. Min jaħseb li għandu xi poter
ikbar ikun qiegħed jiżbalja.
4. Fil-Partit Nazzjonalista l-wirt u
l-istorja huma li kull darba li d-deċiżjonijiet ġew meħuda f’daqqa kien hemm
suċċess. Il-proċess demokratiku, dak ta’
qsim, diskussjoni u djalogu interni jwasslu għal punti ta’ konvenġenza. Punti fejn l-esperjenzi, il-viżjonijiet
iwasslu għal pożizzjonijiet li jmexxuna ‘l quddiem. Il-vantaġġ tal-Oppożizzjoni hawn qiegħed: li
kull tmexxija għandha d-dmir li timxi fuq dawn it-toroq. Ma aħniex u ma għandniex inkunu xi forma ta’ partit
monarkiku fejn persuna jew ftit jiddeċiedu għall-oħrajn. Il-kolleġġjalità, ir-responsabbiltà
demokratika hemm qegħda. Waħda li timxi
fuq il-linja li ġġib għaqda, anke fejn diversi jkollhom ideat
konfliġġenti. Is-saħħa tagħna bħala
partit hawn qegħda. Iktar ma nħaddmuha,
iktar aħjar. Kif tifred u tibdel
il-kontra ta’ dan ma nimxux ‘il quddiem.
5. L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ġiebu
ħafna bidliet fil-partit. Sejrin issa
għal bidliet oħra. Biss, jekk naħarbu
minn dawn il-prinċipji nkunu qed niżbaljaw u flok inkomplu navvanzaw, immorru
lura fejn konna. Agħar minn dan, jekk ma
noqogħdux attenti, allura nistgħu nimxu sabiex inwaqqgħu lilna nfusna
fir-redikolu. Il-pożizzjonijiet tagħna
jridu jittieħdu fid-dawl li l-partit huwa wieħed kbir, fejn id-demokrazija
interna tiegħu taħdem sew. Wieħed li
jirrispetta lil min jikkomponih u jagħtih l-ispazju u l-post fejn jesprimi
l-vuċi tiegħu. Kull min jidentifika ruħu
fil-partit tagħna jrid aktar dan kollu.
Il-qabżiet li rridu nwettqu m’humiex dawk li jiġu bażati fuq
l-apparenzi, imma fuq is-sustanza.
6. Is-saħħa tagħna ġejja mill-fatt li għandna wirt ta’ serjetà
u responsabbiltà li ta’ qabilna tawna.
Punti li ġew issudati proprju għax fittixna li mmorru iktar lejn dak li
huwa veru milli dak li huwa apparenti.
Dan huwa li jkompli jmexxini, bħal ma jien ċert, diversi oħra
bħali. Għax kull ġurnata f’dawn is-snin
li għandna quddiemna huma determinanti biex nimxu fuq dan. Determinanti sabiex aktar nies jisimgħu
l-vuċi tagħna. Iktar mill-poplu biex jifhem
u jipperswadi ruħu minn dak li qed ngħidu.
Li dak li qed insostnu huwa tajjeb u kapaċi sabiex issir il-bidla minn
dak li qiegħed isir ħażin illum. Il-partit
jibqa’ sod, jibqa’ rilevanti kemm jibqa’ jagħti każ il-prinċipji tiegħu u
l-eżempji tajba li ħallewlna ta’ qabilna.
Fil-jiem li ġejjin nittama li dan ikun f’moħħ kull min għandu d-dritt li
jġib il-bidla. Jekk le, nitilfu
mis-saħħa li għandna.
No comments:
Post a Comment