27.6.20

Spiċċa żmien il-Populiżmu u lura magħna dak tal-Prinċipju .


Diskors tal-Onor. Carm Mifsud Bonnici, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, waqt il-Kunsill Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2020

 

Kap tal-Partit.

Kunsilliera sħabi.

 

Illum qegħdin f’mument partikolari tal-istorja politika tagħna.Illum wasalna fl-aħħar tal-proċess intern sabiex l-istatut tagħna jiġġedded.

Proċess li ma kienx mgħaġġel, ħa l-ħin tiegħu.  Kien iggwidat b’attenzjoni minn Dr Louis Galea u l-Kap tal-Partit sabiex issa għandna qafas li fuqu l-Partit jista’ jiddependi għaż-żmien li ġej.

Biddilna bil-ħsieb li dak li ħadem qabel, imma li issa m’għadux, għandu jiġi sostitwit b’linji ġodda. Dak li baqa’ jaħdem ħallejnih jaħdem, u anzi, ġie iktar issudat.

Għax l-istatut huwa l-għodda – l-istruttura u organizzazzjoni li partit modern u progressiv ikollu, u għandu l-bżonn, biex jaħdem aħjar. Id-dinja tinbidel, u magħha rridu nagħrfu li għandna d-dmir li nibnu mekkaniżmi biex nisimgħu aktar mingħand, u naslu iktar għand il-poplu.

Il-ħidma tagħna għas-sewwa f’dan il-pajjiż titlaq minn hemm.  Mill-bżonnijiet essenzjali, dawk soċjali u ekonomiċi li l-bnedmin li naħdmu għalihom jesiġu minn kull min imexxi b’responsabbiltà u attenzjoni dawn il-gżejjer. Irridu nkunu fil-pożizzjoni li nkunu kapaċi nagħrfu l-polz, kif ukoll li jkollna l-viżjoni fit-tul sabiex nibnu, kif għamlu ta’ qabilna, politika soda.

Irridu nkunu fil-pożizzjoni li nwasslu l-messaġġ politiku tagħna lill-poplu.  Biex dan jifhem il-verità li tingħad fil-karità li l-Gvern Laburista, li kellu maġġoranza elettorali kbira, wettaq daqshekk żbalji, skandli u dnubiet mortali. Irridu nifhmu iktar kemm huwa essenzjali li jkollna l-mezzi tagħna: il-gazzetti, ir-radju, l-istazzjoni u l-għodda l-oħra, f’posthom.

 

Huma l-garanzija finali tad-demokrazija. Li jibqgħu jifirdu l-interessi ekonomiċi ta’ wħud li ġiebu velenu iswed fis-sistema, u dawk l-interessi politiċi veri u trasparenti li l-poplu jixraqlu. Dik il-politika li minnha jseħħ il-ġid għall-pajjiż, u mhux għal ftit bnedmin. Dik li tibni b’direzzjoni u fuq il-valuri fundamentali tal-bniedem.

Dan kollu jista’ jsir.  U aħna għarafna li l-istatut huwa mezz biex naslu biex dan jitwettaq. Għalhekk illejla qegħdin hawn.

 

Biss, m’għamilniex bidla fil-prinċipji tal-Partit.  Dan jibqa’ kif ġie mwaqqaf: Partit Demokratiku Nisrani.

Jibqa’ wieħed li jħares b’patrijottiżmu modern, u b’intelliġenza, l-interessi nazzjonali. Jibqa’ dak li jispira ruħu mid-duttrina soċjali, li tibqa’ fonti ta’ għerf għalih. Jibqa’ dak ta’ partit taċ-Ċentru interklassista, li jħares li jiddefendi l-klassijiet kollha fis-soċjetà. Li jaqbeż għal min huwa l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà, sabiex jagħtih l-għajnuna li għandu bżonn biex huwa wkoll javvanza. Jibqa’ dak li jemmen fid-deċentralizzazzjoni tal-poter, fis-sussidjarjetà u fis-solidarjetà. Jibqa’ l-partit tad-demokrazija, tal-libertà, tal-ġustizzja, li jaħdem għal ambjent aħjar.

Illum qegħdin naffermaw mill-ġdid dak li aħna.  M’aħniex, u ma konniex, partit korrott. M’għandniex il-problemi li ħaddieħor għandu biex jibda t-tindif ta’ Partit Laburista li fis-seba’ snin fil-Gvern xeħet lilu nnifsu fit-tajn, u fl-istess ħin, lil pajjiżna. Ma rawwimx, u anqas tmajna “qarnita mafjuża”, li ħaddieħor illum qiegħed jaċċetta li għandu qawwija ġewwa fih.

M’aħniex, anqas, partit populista, imma nibqgħu wieħed popolari. Għax proprju m’aħniex opportunisti, m’aħniex il-partit li ngħaġġlu sabiex nieħdu vantaġġ temporanju li jiswielna d-deni fit-tul.  Nibqgħu, anzi, nibnu fl-għarfien li s-sewwa jirbaħ.

Għandna, għalhekk, inkomplu nżommu l-għaqal tal-paċenzja, tas-sabar, tar-rieda t-tajba, li naħdmu b’attenzjoni u fid-dettall dak li jrendi l-frott.

Fuq kollox, għandna nifhmu iktar li m’għandniex, f’ebda mument, nagħmlu l-iżball politiku li narmu l-prinċipji tagħna bħalma għamel ħaddieħor f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Għax iż-żmien tal-populiżmu artifiċjali u qerriedi spiċċa, u żmien il-prinċipju tas-sewwa huwa lura sod magħna.


Anki jekk ma taqbilx magħna


 

1.     Din il-ġimgħa, wara xhur li fih il-pajjiż kien sieket, issa beda jagħti widen għal dak li ħadd ma xtaq li jisma’.  Dak li għaddej fil-Qorti u ġewwa l-Partit Laburista m’humiex proprju paġni tad-deheb fl-istorja ta’ dan il-poplu.  Hemm wisq kumplikazzjonijiet.  L-istqarrija tal-fatti hija intriċċjata waħda sew.  Tisma’ u lanqas tkun trid temmen.  F’mument tinġibed naħa u f’ieħor oħra.  Wieħed irid, però, joqgħod attent u jifhem li hemm min għandu l-ħsieb li jiġbed travers u bil-maqlub.  Imma, jagħmel x’jagħmel, l-attenzjoni, il-verità hemm tibqa’ tinsab.

 

Iva, anki

 

2.     Anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li xorta taqbel li dak li jum wara jum qed nisimgħu: l-ewwel, m’huwiex sew fih innifsu, u t-tieni, wisq anqas għalhekk ta’ ġid għal dawn il-gżejjer tagħna.  Dan huwa l-istat ta’ fatt.  Dan huwa l-punt prinċipali li ma nistgħux, u m’għandniex naħirbu minnu.  Din hija l-verità mhedda li ħierġa.  Id-dritt, għandna iktar ukoll naqblu, li huwa fil-periklu, fis-sogru.  Hemm proċess legali li jmiss: l-ewwel, fundamentalment mal-ħajja ta’ persuna li ħaqqha protezzjoni vera; it-tieni u wara hemm il-kunsiderazzjonijiet politiċi tal-Istat.  Għandna naqblu li m’għandniex inħalltu jew naqilbu l-prijorità essenzjali li fuqha joqgħod kollox.

 

Iva saħansitra

 

3.     Huwa fatt indiskuss li l-poplu, għal elezzjoni wara oħra, esprima fiduċja qawwija fil-Gvern preżenti.  Għandna, però, il-libertà li nistaqsu jekk din il-fiduċja ġietx rispettata, jew imqarrqa.  Għandna nistaqsu jekk din il-maġġoranza setgħetx, f’isimna lkoll, tieħu deċiżjonijiet żbaljati li qed insiru nafu bihom.  Kellha l-mandat li tippermetti lil numru, fil-Partit Laburista jew barra minnu, li jieħdu l-miljuni ta’ ewro, li nafu li nsterqu u li fil-fatt għadhom?  Dak li jitlaq b’rispett fix-xenarju politiku Malti bħala l-Partit tal-Ħaddiem, nistaqsu, ippermetta li persuni fin-“negozju tagħhom” jersqu viċin u jiddominaw dak li ma kellhomx?

 

Daħlet l-Aċċedja?

 

4.     Ngħid dan għax għandna, anki jekk ma naqblux politikament, li qiegħed jidher evidenti li dan kollux m’huwiex jara reazzjoni ġusta.  Hemm l-għoti ta’ xeħta oħra, meta l-verità hija waħda.  Hemm involviment qawwi ta’ dawk li kellhom, u għad għandhom il-poter effettiv tal-Istat.  Hemm adurazzjoni u ġustifikazzjoni tal-aġir għall-kilba bla rażan għall-flus.  M’hemmx imma, fuq in-naħa l-oħra, l-għarfien tar-responsabbiltà.  L-ewwel, dik morali.  It-tieni, legali.  It-tielet, politika.  Dan minn min qiegħed imexxi l-pajjiż.  Ser, għal dan in-nuqqas, ikun hemm effetti.  Għax dak li ma jingħadx, imma li qiegħed hemm huwa li, quddiem il-poplu, il-Partit Laburista bewweġ mill-fatti.

 

Sens tal-Istat

 

5.     Ir-realtà hija li dan il-partit fdat bil-piż tar-responsabbiltà tal-poter m’huwiex jaffronta s-sitwazzjoni.  U, fil-frattemp, il-kredibilità interna tiegħu nieżla.  Deputati ser jaraw ruħhom “oskurati”, anki jekk ma kinux parti, b’xi mod, minn dak li kien seħħ.  It-tajjeb ser jeħel mal-ħażin li twettaq.  Il-karriera u r-reputazzjoni ta’ numru ta’ politiċi li qed jippruvaw jagħmlu l-“ġlieda interna” f’din il-mewġa li qed tikber, ser jarawha tittappan.  Il-partit jista’, f’dan il-mument, ikompli jgħid il-kontra ta’ dak li hu, imma l-immaġini tiegħu ser tiġma iktar biex tiġi mdallma.  Anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li xorta tista’ tasal biex taqbel ma’ dan.

 

Benefiċċju mitluf

 

6.     Kelli l-ħsieb, dejjem jekk jippermettili ż-żmien, li xhur ilu nikteb nissuġġerixxi li l-Prim Ministru, avukat bħali, kien imissu jaċċetta fil-bidu l-wirt li ħallielu l-Prim Ministru ta’ qablu, bil-benefiċċju tal-inventarju.  Għal min mhux midħla tal-liġi, dan il-benefiċċju jingħata lil min ikun qiegħed jibża’ jieħu fuqu d-dejn ikrah u qawwi li setgħu għamlu dawk li jkun ser jiret mingħandhom.  B’hekk, wieħed jaċċetta l-wirt: iżda mhux fil-għama.  Jagħmel inventarju – tal-ġid u tad-dejn politiku.  Dan issa għadda.  Issa huwa tard wisq għall-firda, għax hemm illum iż-żewġ patrimonji f’daqqa.  Laħaq aċċettah bis-sħiħ u dan, mill-fatti, qegħda tidher iktar ċara l-konklużjoni li kien jaf minn qabel dan li kien hemm.

 

Patrijottiżmu

 

7.     Xorta waħda, anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li bla differenza għandek taqbel li għandu jkun hemm iktar is-sens tal-interess nazzjonali.  Anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li tista’, fil-libertà, taqbel li għandu jkun hemm, bħala Maltin u Għawdxin ta’ patrijottiżmu ġenwin, il-passi biex l-affarijiet jinbidlu.  F’jiem bħal dawn, meta l-patrijota jista’ faċilment jitlef rasu, jew jiġi aljenat, hemm bżonn ta’ iktar raġuni u l-kelma t-tajba.  Aktar għarfien tar-riżultat negattiv li qiegħed jinġabar f’pajjiżna u barra minn xtutna għalina.  Aktar ammissjoni li jridu jittieħdu l-miżuri fi ħdan, u min-naħa tal-Partit Laburista, biex dan kollu jibda, forsi, il-proċess tal-bidla.  Għax anki jekk ma taqbilx magħna, xorta tista’ taqbel li għandna nassiguraw li l-ġustizzja sseħħ u li nieħdu lura l-isem tajjeb tagħna.

 

 

 

 

 

   

 

 


Il-ġlieda tagħna għas-Sewwa


 

1.     F’dak kollu li qed naraw jiżviluppa jum wara jum, nifhmu dejjem iktar kemm hemm bżonn li wieħed jissielet għas-sewwa.  M’huwiex faċli taċċetta, fuq in-naħa l-oħra, li dan il-pajjiż, li nħobbu tant, kellu jaqa’ taħt ħakma daqshekk żbaljata.  Jum wara jum qed joħorġu dettalji, fatti, punti li jitkellmu waħdehom.  M’għandhomx il-bżonn li jiġu deskritti jew spjegati.  Tant huma gravi li, ngħidu x’ngħidu aħna l-politiċi jidher żejjed.  Il-poplu jifhem waħdu u hemm iktar għaqal li dan iseħħ sabiex il-fatti jibqgħu fatti u ħadd ma jinħeba wara xi kumment politiku.

 

Jitħammar il-wiċċ

 

2.     Nara iktar bnedmin li fdaw lill-Moviment Partit Laburista fl-aħħar snin li ma jistgħux jaċċettaw.  Ma jistgħux jirrikonċiljaw id-deċiżjonijiet li ħadu qabel ma dak li qed jaraw għaddej fi storja ta’ telenovela traġika u velenuża.  Ċertament, għad hemm ferm iktar x’joħroġ.  Ċertament, ser ikun hemm iktar bnedmin fil-poter preżenti fil-Gvern Muscat li ser isibu ruħhom maqbuda.  Nifhem ir-reazzjonijiet ta’ diversi.  Napprezza, imma, li l-verità ħarġet u ser tibqa’ għax din ħadd ma jista’ jżommha lura.  Din hija lezzjoni tal-ħajja però, iktar minn hekk, dik politika.

 

Is-Soluzzjoni

 

3.     Persuna li nafu li ma tantx jivvota magħna, imma li narah miftuħ għall-ħsieb u ma tantx jaqbżulu dettalji, din il-ġimgħa stqarr miegħi li jittama li l-Partit Nazzjonalista joħroġ ‘il-pajjiż minn din il-pożizzjoni.  Spjegali li hemm żbalji ta’ dawk li jagħmlu, u ta’ dawk li jonqsu.  Tat-tieni wieħed jista’ jifhem ċerta forma ta’ prudenza meta d-dnubiet ikunu venjali.  Imma meta jkunu mortali, allura ma hemmx difiża.  Meta jkollok aġir korrott mill-iktar gravi, kif għandna, kien ċertament id-dmir politiku ta’ kull membru tal-Kabinett li jitkellem.  Kien dmir li jirrapporta, mhu jieqaf jilmenta internament.

 

Spjegazzjonijiet

 

4.     Hemm, f’dan, bżonn ta’ bidliet kbar.  Diversi tesserati tal-Partit Laburista dan jagħrfuh.  Kemm dan ser iseħħ, huma stess għandhom id-dubji tagħhom.  Imma lkoll jifhmu li r-realtà hija li dak kollu li ġie ppriedkat, dak kollu li ngħad li ser ikun il-Partit Laburista l-ġdid, fil-fatt, ma seħħx.  Niftakru kemm ġew attakkati ħafna persuni li kienu fil-politika u kienu innoċenti.  Kemm ġew imċekkna, imkasbra, sija mill-istess partit, kif ukoll minn parti mill-medja, mill-ġurnalisti.  Kienu saru forza f’daqqa.  Illum nafu wkoll li kien hemm min kellu l-“missjoni” fid-dinja tal-ġurnaliżmu li ma tantx juri f’dawl tajjeb dak li kien sar, u li kien qiegħed isir.  Biss, wara dan, ilkoll naqblu li r-riżultat m’huwiex kif kellu jkun.

 

Daħku bina lkoll

 

5.     Minkejja d-diskors kollu li kien sar dwar it-trasparenza, il-meritokrazija u l-akkontabilità, illum il-poplu jagħraf li min mexxa l-messaġġ daħak b’ħafna.  Kien, u sser jibqa’ l-ikbar att ta’ tradiment.  Ser jibqa’ dabra xejn faċli biex titneħħa, li r-responsabbiltà tagħha toħroġ minn ħdan il-Partit Laburista.  Din hija r-realtà, għalkemm napprezza li f’dawn ix-xhur ser ikun hemm ħafna li jippruvaw jaħirbu mill-verità.  Imma, kif rajna u ser jibqgħu naraw, il-verità tirbaħ.  Taħrab kemm taħrab, trid tiġi lura għaliha.  Is-sewwa hemm tibqa’,  ma tinbidilx.

 

Lezzjonijiet żbaljati

 

6.     Fil-politika hemm lezzjonijiet li għalkemm ma jinstemgħux, ma jintilfux.  Dawk fundamentali huma marbuta mal-bżonn li wieħed jissielet għas-sewwa.  Meta, flok l-interess, il-ġid komuni, wieħed iħares lejn dak personali, dan kollu jiġi.  Iseħħ, kif rajna, f’ħakka t’għajn.  Kurrent, mewġa qawwija li tneħħi kollox.  Ħadd ma kien jimmaġina li f’dawn il-ġimgħat kellhom iseħħu l-eventi li qegħdin naraw, u bil-pass u veloċità tagħhom.  Imma r-realtà hija li imperu spiċċa, li ħakma ġiet fi tmiemha qabel.  Dak li kien jidher daqshekk sod u b’saħħtu, spiċċa issa fit-trab politiku.  Mertu tal-bniedem li ġie mċekken u kontestat, il-Kap tal-Partit Dr Adrian Delia, bil-perseveranza u d-determinazzjoni tiegħu nbeda proċess li ma jistax jinżamm lura.

 

Ġlieda għas-sewwa

 

7      F’dawn il-mumenti, nikkonferama dejjem iktar kemm huwa żbaljat min jibbaża l-politika kontra, jew fl-abbandun, tal-valuri Nsara.  Dan id-dibattitu huwa ċertament ikbar minn dan l-artikolu.  Però, hemm bżonn li l-punt isisr, għax huma l-prinċipji li minnhom sawwarna d-demokrazija Ewropea tagħna.  Meta jiġu mkasbra, hemm effetti li jseħħu.  Proprju għalhekk li tul din is-sena li ġejja rridu nifhmu, iktar minn qatt qabel, li rridu niġġieldu sabiex is-sewwa, fis-sustanza mhux fil-formalità, isseħħ.  Sabiex f’dan il-pajjiż issaltan mill-ġdid dak li aħna, mhux dak li ħaddieħor, fl-abbuż tiegħu, ipprova jagħmel minna.

 

Bidla fil-ħsieb

 

8.     Hemm ġlieda li trid issir, u fiha rridu nifhmu li ser insibu kurrenti kontra.  Ser insibu min, sfortunatament, daħal parti sħiħa minn din il-moffa li qabdet.  Ser jgħaddi żmien u rridu nkunu iktar determinati u perseveranti biex innaddfu.  Dan huwa issa dmirna, anzi iktar, il-missjoni ċara tagħna.  Bnedmin, politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, wieħed li jispira ruħu sabiex ikun demokratiku Kristjan.  Ċertament hemm proċess li ser ngħaddu minnu f’dan.  Imma, kif nafu u qed naraw quddiemna, is-sewwa jirbaħ żgur.

 

9.     Minn qalbi nawguralkom is-Sena t-Tajba – waħda li fiha tingħaqdu magħna sabiex niġġieldu f’daqqa, bil-mezzi demokratiċi, sabiex inġibu lura s-sewwa f’pajjiżna.

 

 

 


IPS - ĦIDMA


 

15329. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’ħidma saret tul is-sena li għaddiet 2019 mill-Institute for Public Services u kemm ġiet tiswa?

 

04/06/2020

  ONOR. ROBERT ABELA:  It-tagħrif għadu qed jinġabar.

 

Seduta  349

24/06/2020

 


MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI – SPIŻA FUQ MOBILE PHONES


 

15328. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji: Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża li saret fil-Ministeru tul is-sena 2018 f’mobile phones kif ukoll jista’ jiġi indikat l-ispiża li saret fis-segreterija privata tal-ministru tul dik is-sena? 

 

04/06/2020

 

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda spiza fuq xiri ta’ mobile phones fl-2018.

 

Seduta  349

24/06/2020


ĦAL TARXIEN – TRIQ IL-KURUNELL MAS – OPEN AIR GYM – FONDI ALLOKATI

15327. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14523 jista’ l-Ministru jgħid għala l-ammont tal-proġett biex isir Open Air Gym fi Triq il-Kurunell Mas ġie daqshekk “in eċċess tal-baġit stabbilit u x’spjegazzjoni ngħatat għal dan?

 

04/06/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-istima tal-proġett hekk kif stabbilit meta ħarġet is-sejħa għall-offerta kien jammonta għall-€354,000 (VAT inkluż). Wara sejħa għall-offerti, il-kuntratt li sar ma’ Catbros Ltd kien jammonta għall-€336,446.32 (jinkludi l-VAT).

 

Il-fondi in eċċess referuti f’PQ 14523 u li qed jitħallsu mill-fondi tal-Kunsill Lokali jirreferu għad-differenza bejn il-grant mogħtija ta’ €250,000 u l-ammont ta’ €335,791.80 li hija l-ispiża totali tal-proġett.

 

Seduta  349

24/06/2020


ĦAL TARXIEN – QAGĦDA FINANZJARJA TAL-KUNSILL LOKALI

 

 15326. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14520, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex id-defiċit reġistrat, jiġi kkontrollat tul din is-sena?

 

04/06/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din is-sena l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien ħa azzjoni sabiex jikkontrolla d-deficit tiegħu. Fil-fatt, il-Kunsill ra kif ġabar uħud mill-ammonti dovuti lilhu, ikkontrolla l-infieq u qed iħallas lura d-dejn li kellhu.

Hu mistenni li sa tmiem Lulju tal-2020, d-deficit pendenti ta’ €135,646 (skont ir-Rapport Finanzjarju tal-ewwel kwart tas-sena) ikun imħallas.

 

Seduta  349

24/06/2020


KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...