30.10.14

Il-Gvern għandu jkun onest mal-impjegati tal-Air Malta



Il-Gvern għandu jieqaf jilgħab bil-futur tal-impjegati tal-Air Maltau jkun ones magħhom. Skont ir-rendikont finanzjarju tal-Air Malta waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-kumpanija u li nżammet ilbieraħ, l-Air Malta din is-sena għamlet telf ta’ 16.2 miljun ewro meta suppost kellha tagħmel profitt ta’ 3.2 miljun ewro. Dan meta sal-2012, il-pjan ta' ristrutturar kien qiegħed on track.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Turiżmu Robert Arrigo għamel referenza għal dak li ħareġ waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Air Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet u li għaliha attendew ukoll il-Kelliema għall-Kompetittivita’ u t-Tkabbir Ekonomiku Kristy Debono u l-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali Aaron Micallef. 

Robert Arrigo qal li hu inaċċettabli li jkollok Gvern li waqt proċess ta’ ristrutturar, li kien miftiehem mill-Gvern preċedenti, b’konsultazzjoni anke mal-Oppożizzjoni li dak iż-żmien kienet immexxija minn Joseph Muscat, u maqbul mal-Kummissjoni Ewropea,  ikun hemm indħil politiku mill-Gvern f’din il-kumpanija. Jekk il-Gvern se jibqa’ miexi b’dan il-mod, l-Air Malta mhux se tlaħħaq mal-pjan li għandha u dan se jħalli impatt kbir fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Arrigo qal li l-Gvern Laburista għandu jwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet li s’issa qed jibqa’ jagħżel li ma jweġibx u li l-poplu għandu dritt li jkun jaf. Fost oħrajn il-Partit Nazzjonalista, bħall-ħaddiema tal-Air Malta, qed jistaqsi jekk huwiex veru li l-Air Malta se tinbigħ, u jekk iva, liema parti ta’ din il-kumpanija se tinbigħ. Hu fakkar li l-Partit Laburista fil-Gvern m’għandux mandat elettorali biex ibigħ l-Air Malta u tenna li fid-diskors li l-Ministru responsabbli minn din il-linja tal-ajru għamel fl-AĠM tal-kumpanija, ammetta li f’dawn l-aħħar sentejn il-Gvern falla f’dan is-settur.

Il-Gvern Laburista għandu jieqaf iġib l-iskużi biex jiġġustifika l-falliment tiegħu fit-tmexxija tal-Air Malta u jammetti li l-pjan maqbul bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-ristrutturar tal-Air Malta mhux sejjer kif ippjanat. Arrigo fakkar kif f’dawn l-aħħar xhur l-Air Malta impjegat 300 persuna iżjed u ingħataw promotions lil 17-il persuna li jammontaw għal 20,000 ewro fix-xahar iżjed fin-nefqa ta’ din il-kumpanija.

Kristy Debono saħqet fuq l-importanza tal-Air Malta u li s-settur turistiku qed isir aktar sinifikanti għal pajjiżna la darba l-kontribuzzjoni tiegħu qegħda dejjem tiżdied. Għaldaqstant hu importanti li nieħdu ħsieb dan is-settur billi nassiguraw li l-Air Malta tkun b’saħħitha u sostenibbli, sostniet Debono.

Kristy Debono appellat biex il-Gvern jispjega għalfejn il-pjan ta’ ristrutturar m’huwiex on track, kif ukoll biex ikun trasparenti mhux biss mal-ħaddiema tal-Air Malta iżda anke mal-poplu Malti u Għawdxi.  

29.10.14

It-telf tal-Air Malta żdied taħt Gvern Laburista.



Kuntrarju għall-impressjoni li qed jiprova jagħti l-Gvern, l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta matul is-sena li għaddiet żiedet it-telf u mhux naqsitu.

Il-Partit Laburista, minkejja li l-amministrazzjoni kollha tiegħu bħalissa tinsab fiċ-Ċina, ħareġ jiddefendi malajr il-Gvern, u fi stqarrija qal li t-telf tal-Air Malta taħt il-Partit Laburista naqas bin-nofs.

Dan mhuwiex minnu. It-telf tal-Air Malta fl-2011 kien dak ta' 30 miljun ewro, fl-2012 kien ta' 13.7 miljun ewro. Issa taħt it-tmexxija tal-Gvern Laburista, u li kif indikat l-istess Chairperson tal-Air Malta, it-telf żdied għal 16-il miljun ewro.

Dawn il-fatti jfissru żewġ affarijiet :
  • taħt Gvern Laburista, t-telf tal-Air Malta flok naqas, żdied
  • taħt Gvern Nazzjonalista, l-proċess ta' ristrutturar tal-Air Malta kien on track, u l-uniku ħaġa li wasslet biex il-proċess imur off track hija l-bidla fil-Gvern.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis mhuwiex kredibbli meta jgħid li “l-Air Malta tħalliet taħdem b'mod seren.” L-Oppożizzjoni tfakkar lill-Ministru Zammit Lewis li taħt it-tmexxija tal-Gvern Laburista, diġa' kellhom jinbiddlu 3 CEOs u 3 Chairm
​e​

n.

29.10.14

Aġir anti-demokratiku li ma jagħmilx ġieh lis-soċjeta' Maltija



Dak li qal il-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament nhar it-Tlieta li għadda, fejn bil-mod tiegħu hedded lil min jagħti informazzjoni biex jinkixef l-abbuż, il-vendikazzjonijiet u l-inkompetenza tal-Ministeru li hu jmexxi, ħadu lil pajjiżna fil-passat u f’perjodu iswed tal-politika Maltija.

Il-Kelliem għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament fi Pjazza San Ġorġ fil-preżenza tal-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit. Jason Azzopardi saħaq li l-Gvern m’għandux jiddejjaq li jkun hemm min ikollu l-kuraġġ jikxef il-ħażin bħalma huma abbużi u/jew korruzzjoni.

Kliem il-Ministru Mallia fil-Parlament jikkonfermaw dak li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirrimarka dwar it-tmexxija inkompetenti tal-Ministru Mallia. Aktar minn hekk, dan l-aġir qed iġib fix-xejn il-Liġi tal-Whistleblower. Azzopardi żied jgħid li l-Gvern qed jibża’ mill-verita’ u qed iżomm il-verita’ milli toħroġ. Kien hawnhekk li fakkar dwar numru ta’ każijiet li juru ksur fil-liġi fl-aħħar xhur, fosthom
  • l-allegat twaqqif abbużiv ta’ proċeduri kriminali mill-eks Kummissarju tal-Pulizija,
  • l-arrest ta’ persuna innoċenti fuq akkużi ta’ hold-up
  • l-għibien ta’ żewġ tankers maqbudin b’ordni tal-Qrati minn taħt għajnejn l-Armata,
  • il-fatt li l-Korp tal-Pulizija spiċċawlu l-flus tal-overtime,
  • il-fatt li l-Korp fetaħ għassa bla permessi tal-MEPA,
  • il-fatt li ngħataw promotions lil tal-qalba fl-Armata mingħajr is-security clearance skond il-liġi u mingħajr rakkomondazzjoni skont il-liġi,
  • il-fatt li Pulizija tal-qalba qed jipprovdu protezzjoni lill-barranin li qed jiġu biex japplikaw għax-xiri taċ-ċittadinanza,
  • il-fatt li l-Gvern ta assistenza lill-barrani b'konnessjonijiet mal-Al Qaeda,
  • li ngħataw transfers vendikattivi fil-Korp tal-Pulizija, inkluż tnejn f'jum wieħed lill-istess persuna u erba' f'ġimgħa lil Maġġur,
  • u l-fatt li ġew ingaġġati Pulizija eks uffiċjali tal-Armata mingħajr taħriġ.

Minn naħa tagħha, Alessia Psaila Zammit qalet li hu inkwetanti li pajjiżna għandu Ministru tal-Gvern jitkellem b’dan il-mod. Politiku li m’għandu xejn x’jaħbi ma jagħmilx dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet għaliex ikollu moħħu mistrieħ li fil-Ministeru li hu jmexxi l-iskoretezza qed tiġi indirizzata. Alessia Psaila Zammit irreferiet ukoll għall-każ ta’ ġurnalist tat-Times, li fil-jiem li għaddew kien vitma ta’ tattiċi tal-bullying mill-Ministru Mallia meta dan għamel mistoqsijiet leġittimi dwar il-Ministeru li Mallia stess imexxi.

30.10.14

Il-Gvern għandu jwieġeb mistoqsijiet dwar wieħed mix-shareholders tal-konsorzju Electrogas.



Il-Gvern Laburista għandu jkun trasparenti u jwieġeb għall-mistoqsijiet li qed jagħmel il-poplu Malti u Għawdxi dwar il-bini ta’power station ġdida, b'mod speċjali issa li ġie żvelat li waħda mix-shareholders tal-konsorzju Electrogas, il-Gasol, għandha problemi finanzjarji kbar. Il-Gvern għandu jgħid ukoll

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament Mario de Marco qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino u mill-Inġinier u Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut.

Mario de Marco kkwota r-rapporti tal-awdituri tal-kumpanija Gasol li qalu li l-kumpaniaj qed tħabbat wiċċha ma' problemi finanzjarji kbar. Il-kumpanija Gasol għandha 30 fil-mija tal-konsorzju Electrogas li ntgħażel mill-Gvern biex jibni l-Powerstation il-ġdida, li skont kif wiegħed il-Gvern, se twassal biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl. Din il-Powerstation kellha tkun mibnija sa Marzu li ġej, iżda l-Prim Ministru ma żammx mal-wegħda tiegħu, u sal-lum, ħadd għadu ma jaf meta se jibda l-bini tal-Powerstation u wisq anqas meta din se titlesta.

Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tagħmel numru ta' mistoqsijiet li l-poplu għandu dritt li jkollu tweġiba għalihom. Mario de Marco staqsa jekk il-fatt li din il-kumpanija, li hi shareholder prinċipali ta’ dan il-konsorzju, mhux se jkollha flus biżżejjed, huwiex se jkollu impatt fuq il-proġett tal-power station. Hu staqsa ukoll jekk il-Gvern għamilx financial due dilligence ta’ Gasol, min kien responsabbli għal dan id-due dilligence, x’impat l-istat finanzjarju preżenti ta’ Gasol jista’ jkollu fuq dan il-proġett u fuq kollox jekk il-problema finanzjarja ta’ din il-kumpanija hijiex marbuta mal-fatt li ma tħallasx id-depożitu lill-Gvern Malti.

George Pullicino staqsa jekk illum, l-investituri humiex qed jemmnu li dan il-proġett huwa sostenibbli u fattibli kif kien jgħid li hu l-Partit Laburista. Pullicino fakkar kif Gasol kienet il-kumpanija magħżula mill-Gvern mingħajr sejħa għal tender għaliex il-Gvern ried jaġgħel il-proċess tal-bini ta’power station biex tkun lesta sa Marzu li ġej meta issa rriżulta li din il-wegħda ma kienet xejn ħlief gidba.

Mark Anthony Sammut fakkar kif il-Partit Laburista kien jitkellem dwar it-trasparenza iżda f’dan l-każ mhux qed jagħti rendikont lill-poplu ta’ x’qed jiġri.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jisfida lil Gvern biex ikun trasparenti u onest mal-popl. Il-poplu għandu kull dritt li jistaqsi u għal kull mistoqsija, jistenna tweġiba.

30.10.14

29.10.14

KAP B'DIREZZJONI--- Mario Rizzo Naudi



Il-Partit Laburista għandu ħabta jipprova jnessi l-passat tiegħu lill-poplu.  U biex jagħmel dan jew jgħawweġ il-fatti inkella jipprova jiskredita lill-Partit Nazzjonalista.  Ftit ġimgħat ilu prova   jpingiha li fil-Partit Nazzjonalista hemm xi konfoffa kontra l-kap tal-Partit Simon Busuttil. 
Irrid infakkar li l-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ntagħżel bħala kap b’vot siġriet qawwi ħafna tad-delegati tal-partit, fi proċess trasparenti u demokratiku. Ma tqiegħedx hemm minn xi ħadd kif kien sar meta Karmenu Mifsud Bonnici kien sar kap tal-Partit Laburista fis-snin tmenin.
Illum il-Laburisti insew f’liema stat prekarju kienu wara t-telfiet elettorali tas-snin tmenin u disgħin.  Tant kellhom diżgwid bejniethom li biex irażżnu l-kritika kontra l-amministrazzjoni tal-partit kienu ħolqu bord li sejħulu l-Bord ta’ Viġilanza u Dixxiplina tal-Partit Laburista, li xogħlu kien li jsikket jew jagħmel sarima ma ħalq l-imqarbin.  Tiftakruhom dawk it-tliet membri ta’ dak il-Bord li tant kienu jidhru fl-aħbarijiet tas-Super One, qishom it-tliet slaten maġi? 
Il-PN wara l-aħħar elezzjoni ukoll kellu problemi u beda proċess ta’ tiġdid li r-riżultati tiegħu jibdew jidhru aktar ma jgħaddi ż-żmien.  M’għamilniex bordijiet ta’ viġilanża.  Anzi, ftaħna diskussjoni matura u trasparenti biex nanaliżżaw l-iżbalji li wassluna għal telfa elettorali. Fl-istess ħin bdejna nġeddu l-politika tagħna f’kull qasam biex noffru oppożizzjoni serja u kostruttiva bi programm alternattiv għall-ġid ta’ pajjiżna.  
Il-PN sab ukoll problemi finanzjarji bħal ħaddieħor iżda ma kellux propjeta’ pubblika li kienet inagħtat lilu fil-passat biex tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ.  Għaldaqstant it-triq li Simon Busuttil u l-amministrazzjoni tal-Partit sabu ma kinitx waħda lixxa u d-delegati tal-partit jirrikonoxxu l-ħidma sfiqa li qed issir f’dan ir-rigward mill-amministrazzjoni tal-Partit immexxija mis-segretarju ġenerali Chris Said.
Fil-fehma tiegħi, pero’, il-Partit Nazzjonalista llum qed ikollu jħabbat wiċċu mal-konsegwenzi tal-liberta’ li jemmen fiha. Din il-liberta’ wasslet biex il-PN ma ddejjaqx jumilja ruħu u jammetti li għamel l-iżbalji meta kien fil-gvern, ħaġa li l-Partit Laburista qatt ma għamel dwar affarijiet ferm agħar li saru meta l-laburisti kienu fil-gvern.  Dan qed wassal biex illum qisha saret kultura normali li tikkritika lill-PN anke meta ma jkunx hemm fuqhiex, fil-waqt li dak li jagħmel il-PL, anke meta jkun ħażin, jinħeba taħt it-tapit il-ħin kollu u ħadd ma jsemmi xejn.  Sfortunatament araw x’qed jiġri meta jsiru l-abbużi taħt dan il-gvern; minflok issib kritika ħarxa, issib l-istess politiċi tal-gvern u ġurnalisti ħbieb tagħhom moħħhom biex jiġġustifikaw l-abbużi.
Dan hu proċess li finalment isaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista.  Iżda rridu nkunu rejalistiċi.  Minflok noqgħodu nokorbu, jew li nistennew li fi żmien qasir jsiru l-mirakli, għandna  nibdew naħlu l-enerġija tagħna biex nipproponu r-riformi aħna stess, internament.  Fl-istess ħin nassiguraw li niflu mill-qrib l-operat tal-gvern, biex ma nħalluhx iwettaq l-abbużi.  Issa għidna biżżejjed li ma konniex qrib tan-nies, u llum kull wieħed u waħda minna qed nagħmlu minn kollox biex inkunu qrib il-ħin kollu tal-elettorat.
Simon Busuttil qed jirnexxilu jwettaq ir-riformi kemm fl-istrutturi kif ukoll fid-direzzjoni politika tal-partit.  U dan qed iseħħ b’konsultazzjoni sħiħa ma kull min hu involut fil-partit. Għalhekk hu mportanti li l-kontribut tagħna għandu jibda billi nwasslu l-messagg fl-istrutturi nterni tal-partit inniffsu. Din hija d-dixxiplina mistennija minn kull membru ta’ partit politiku.
Din id-dixxiplina ssaħħaħ it-tmexxija tal-partit u tkattar it-twettiq tar-riformi neċessarji. Naturalment, l-avversarji politiċi tagħna ma jieħdux gost b’dan u ma jitilfux okkażjoni biex jippruvaw ipinġu sitwazzjoni bil-maqlub.  Pero’ dan mhux se jaqtagħlna qalbna. Aħna konvinti mis-serjeta’, il-commitment u l-ispirazjoni tal-kap tagħna.

Simon Busuttil huwa kap b’direzzjoni, konvint u determinat.  U aħna lkoll ċerti li għad jasal iż-żmien meta l-ħidma tiegħu tagħti l-frott u l-PN jerġa’ jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu b’Simon jieħu postu bħala Prim Ministru futur ta’ pajjiżna.  

Joseph Muscat għandu jieqaf jidħaq bin-nies.



Aħbar wara l-oħra qed tikkonferma kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed jidħaq bin-nies. Wara l-gidba b'rabta mal-bini tal-Power Station, meta baqa' jsostni sal-aħħar li kollox kien “on track”, issa Muscat se jkun qed jagħti 58c bħala żieda tal-għoli tal-ħajja.

Dan qalu l-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieqaf jidħaq bil-poplu Malti u Għawdxi. “Huwa ta' insult li filli tgħid li l-ekonomija miexja tajjeb, u filli tħabbar li se tkun qed tagħti biss 58c lill-familji Maltin u Għawdxin,” qal Tonio Fenech. Hu fakkar li ċ-ċifra ta' 58c hija n-nofs tal-ammont li ngħata lill-poplu Malti u Għawdxi erba' snin ilu meta Joseph Muscat niżżel in-nies fit-toroq biex jiprotestaw.

Dwar dan, il-Ministru Fenech fakkar li l-Partit Nazzjonalista diġa' għamel appell lill-Gvern biex minnufih iraħħas dawn il-prezzijiet. Hu fakkar li l-prezz internazzjonali taż-żejt illum jinsab fl-istess livell li kien fih f'Settembru 2010. “L-uniku differenza hi li l-prezz li l-poplu Malti qed iħallas għad-diesel hu ta' 30c aktar, u għall-petrol 22c aktar. Din hija taxxa u għalhekk mhux aċċettabli, u l-Gvern għandu jraħħas dawn il-prezzijiet minnufih,” sostna Tonio Fenech.

Tonio Fenech spjega kif bejn l-2008 u l-2012, il-ħaddiema u l-pensjonanti Maltin ingħataw medja ta' 3.84 ewro fil-ġimgħa bħala żieda skont l-għoli tal-ħajja. Dan ifisser medja ta' 200 ewro fis-sena. Is-sena d-dieħla, għal kuntrarju, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun biss ta' 30 ewro f'sena sħiħa.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem għall-Impjiegi u l-Persuni b'Diżabilita' Stephen Spiteri spjega kif bosta familji mhux qed ilaħħqu mal-ħajja u għalhekk, iż-żieda minima ta' 58c hija redikola. Hu spjega kif fl-aħħar xhur, il-bejgħ mill-ħwienet naqas sew u sostna li biex l-ekonomija terġa' tibda tirpilja hemm bżonn azzjonijiet aktar drastiċi.

Stephen Spiteri spjega kif filwaqt li l-poplu Malti se jkun qed jieħu biss żieda ta' 58c fil-ġimgħa, l-Gvern ta' Joseph Muscat introduċa numru ta' taxxi ġodda li jammontaw għal ferm aktar minn 58c fil-ġimgħa. Fost dawn wieħed isib iż-żidiet fit-tariffi tal-eżamijiet tal-MATSEC, iż-żidiet fit-tariffi tal-liċenzji tas-sewqan, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan, miżati fis-settur edukattiv, iż-żieda fil-prezz tal-gass, kif ukoll l-insistenza li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jibqgħu għoljin meta l-prezz internazzjonali taż-żejt qed jitbaxxa u laħaq livelli baxxi ħafna. Hu esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li filwaqt li l-familji Maltin se jingħataw biss 58c fil-ġimgħa, l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed tingħata 3,250 ewro fl-istess perjodu.

Fl-aħħarnett, Tonio Fenech qal li l-Gvern, fil-budget li jmiss għandu jassigura li l-ħaddiema u l-pensjonanti ma jmorrux lura iżda 'l quddiem. “Dan jista' jagħmlu billi jnaqqas it-taxxa fuq id-dħul u jagħti kumpens rikorrenti lill-ħaddiema li ma jħallsux taxxa, kif ukoll lill-pensjonanti,” appella Tonio Fenech.

23.10.14

Il-Gvern qed joħloq dipendenza soċjali fuqu nnifsu.



Il-Gvern Laburista qed iżid id-dipendenza ekonomika fuqu biż-żieda ta’ impjiegi mal-Gvern u bin-nefqa bla rażan. Dan qed iwassal sabiex pajjiżna mhux qed ikollu tkabbir sostenibbli iżda tkabbir artifiċjali. F’termini ekonomiċi dan m’huwiex tkabbir vijabli u qed iwassal sabiex jinħoloq żbilanċ fil-pajjiż li fil-futur jaf joħloq problemi serji.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Tonio Fenech qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali u li fiha ta l-ewwel reazzjonijiet tiegħu għad-dokument ta’ qabel il-baġit li ppreżenta l-Gvern. Fenech fisser kif bil-passi li qed jieħu l-Gvern qed joħloq aktar dipendenzi milli opportunitajiet. Hu ikkonferma li l-Gvern qed joħloq it-tkabbir ekonomiku li qed jitkellem dwaru iżda meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hemm tħassib serju dwar kif qed isir dan it-tkabbir. Dan għaliex it-tkabbir tal-Gvern hu riflessjoni tan-nefqa bla rażan u żieda kbira ta’ nies li daħlu jaħdmu mal-Gvern f’din il-leġislatura. L-istatistika turi biċ-ċar li fi tlettax-il xahar ta’ Gvern Laburista, il-Gvern daħħal 3,700 persuna ġdida fis-settur pubbliku; ekwivalenti għal għaxar impjiegi ġodda kuljum mill-Gvern mal-Gvern. F’termini aktar sempliċi, nofs il-ġid li qed jinħoloq qed jinħoloq mill-Gvern u dan għaliex iż-żieda ta’ aktar ħaddiema mal-Gvern qed tagħmel l-ekonomija ikbar.
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Fenech saħaq fuq l-importanza li nżidu l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ pajjiżna. Bil-mod ta’ kif qed imexxi l-Gvern, id-dejn tal-pajjiż qed ikompli jikber la darba l-Gvern qed jonfoq iktar biex ikabbar l-ekonomija li tiddependi fuqu. Dan m’huwiex il-mod ta’ kif Gvern serju għandu jmexxi l-finanzi tiegħu, sostna Tonio Fenech.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni tenna li għalkemm kien hemm żieda fis-settur privat, din iż-żieda m’hijiex biżżejjed u l-Gvern qed jiġġustifika dan b’żieda fl-impjiegi mas-settur pubbliku. Fenech għamel referenza għas-settur tal-manifattura li sejjer għall-agħar xahar wara l-ieħor. Għaldaqstant wieħed kien jistenna li fid-dokument ippreżentant, il-Gvern kien se jindirizza dan is-settur biex jerġa’ jagħti spinta lil dawn in-negozji. L-istess jgħodd għall-bejgħ fil-ħwienet li skont l-aħħar statistiċi qed ikompli jonqos u l-Gvern għandu jara kif se jinċentiva dan is-settur tant importanti.

Fenech tkellem ukoll dwar id-defiċit ta’ pajjiżna li bħalissa hu 210 miljun ewro. Id-dejn żdied b’400 miljun ewro. Tonio Fenech appella lill-Gvern u lill-Ministru Scicluna biex ma jilgħabx bid-defiċit ta’ pajiżna u ħeġġeġ lill-Ministru sabiex jżomm mal-miri finanzjarji skont il-figuri oriġinali li kien tkellem dwarhom.


02.10.2014

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...