Il-Partit Laburista għandu ħabta jipprova jnessi l-passat tiegħu lill-poplu. U biex jagħmel dan jew jgħawweġ il-fatti inkella jipprova jiskredita lill-Partit Nazzjonalista. Ftit ġimgħat ilu prova jpingiha li fil-Partit Nazzjonalista hemm xi konfoffa kontra l-kap tal-Partit Simon Busuttil.
Irrid infakkar li l-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ntagħżel bħala kap b’vot siġriet qawwi ħafna tad-delegati tal-partit, fi proċess trasparenti u demokratiku. Ma tqiegħedx hemm minn xi ħadd kif kien sar meta Karmenu Mifsud Bonnici kien sar kap tal-Partit Laburista fis-snin tmenin.
Illum il-Laburisti insew f’liema stat prekarju kienu wara t-telfiet elettorali tas-snin tmenin u disgħin. Tant kellhom diżgwid bejniethom li biex irażżnu l-kritika kontra l-amministrazzjoni tal-partit kienu ħolqu bord li sejħulu l-Bord ta’ Viġilanza u Dixxiplina tal-Partit Laburista, li xogħlu kien li jsikket jew jagħmel sarima ma ħalq l-imqarbin. Tiftakruhom dawk it-tliet membri ta’ dak il-Bord li tant kienu jidhru fl-aħbarijiet tas-Super One, qishom it-tliet slaten maġi?
Il-PN wara l-aħħar elezzjoni ukoll kellu problemi u beda proċess ta’ tiġdid li r-riżultati tiegħu jibdew jidhru aktar ma jgħaddi ż-żmien. M’għamilniex bordijiet ta’ viġilanża. Anzi, ftaħna diskussjoni matura u trasparenti biex nanaliżżaw l-iżbalji li wassluna għal telfa elettorali. Fl-istess ħin bdejna nġeddu l-politika tagħna f’kull qasam biex noffru oppożizzjoni serja u kostruttiva bi programm alternattiv għall-ġid ta’ pajjiżna.
Il-PN sab ukoll problemi finanzjarji bħal ħaddieħor iżda ma kellux propjeta’ pubblika li kienet inagħtat lilu fil-passat biex tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ. Għaldaqstant it-triq li Simon Busuttil u l-amministrazzjoni tal-Partit sabu ma kinitx waħda lixxa u d-delegati tal-partit jirrikonoxxu l-ħidma sfiqa li qed issir f’dan ir-rigward mill-amministrazzjoni tal-Partit immexxija mis-segretarju ġenerali Chris Said.
Fil-fehma tiegħi, pero’, il-Partit Nazzjonalista llum qed ikollu jħabbat wiċċu mal-konsegwenzi tal-liberta’ li jemmen fiha. Din il-liberta’ wasslet biex il-PN ma ddejjaqx jumilja ruħu u jammetti li għamel l-iżbalji meta kien fil-gvern, ħaġa li l-Partit Laburista qatt ma għamel dwar affarijiet ferm agħar li saru meta l-laburisti kienu fil-gvern. Dan qed wassal biex illum qisha saret kultura normali li tikkritika lill-PN anke meta ma jkunx hemm fuqhiex, fil-waqt li dak li jagħmel il-PL, anke meta jkun ħażin, jinħeba taħt it-tapit il-ħin kollu u ħadd ma jsemmi xejn. Sfortunatament araw x’qed jiġri meta jsiru l-abbużi taħt dan il-gvern; minflok issib kritika ħarxa, issib l-istess politiċi tal-gvern u ġurnalisti ħbieb tagħhom moħħhom biex jiġġustifikaw l-abbużi.
Dan hu proċess li finalment
isaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista. Iżda rridu nkunu rejalistiċi.
Minflok noqgħodu nokorbu, jew li nistennew li fi żmien qasir jsiru l-mirakli,
għandna nibdew naħlu l-enerġija tagħna biex nipproponu r-riformi aħna
stess, internament. Fl-istess ħin nassiguraw li niflu mill-qrib l-operat
tal-gvern, biex ma nħalluhx iwettaq l-abbużi. Issa għidna biżżejjed li ma
konniex qrib tan-nies, u llum kull wieħed u waħda minna qed nagħmlu minn kollox
biex inkunu qrib il-ħin kollu tal-elettorat.
Simon Busuttil qed jirnexxilu jwettaq ir-riformi
kemm fl-istrutturi kif ukoll fid-direzzjoni politika tal-partit. U dan
qed iseħħ b’konsultazzjoni sħiħa ma kull min hu involut fil-partit. Għalhekk hu
mportanti li l-kontribut tagħna għandu jibda billi nwasslu l-messagg
fl-istrutturi nterni tal-partit inniffsu. Din hija d-dixxiplina mistennija minn
kull membru ta’ partit politiku.Din id-dixxiplina ssaħħaħ it-tmexxija tal-partit u tkattar it-twettiq tar-riformi neċessarji. Naturalment, l-avversarji politiċi tagħna ma jieħdux gost b’dan u ma jitilfux okkażjoni biex jippruvaw ipinġu sitwazzjoni bil-maqlub. Pero’ dan mhux se jaqtagħlna qalbna. Aħna konvinti mis-serjeta’, il-commitment u l-ispirazjoni tal-kap tagħna.
Simon Busuttil huwa kap b’direzzjoni, konvint u determinat. U aħna lkoll ċerti li għad jasal iż-żmien meta l-ħidma tiegħu tagħti l-frott u l-PN jerġa’ jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu b’Simon jieħu postu bħala Prim Ministru futur ta’ pajjiżna.
No comments:
Post a Comment