29.10.14

Taxxa bil-moħbi fuq l-edukazzjoni.



Il-Gvern ta' Joseph Muscat introduċa taxxa ġdida fuq l-edukazzjoni. Għall-kuntrarju ta' kif issoltu jimxi dan il-Gvern, li għal kull ħaġa jsejjaħ lill-ġurnalisti u l-kameras għal konferenza tal-aħbarijiet, iż-żidiet fil-miżati tal-eżamijiet tal-MATSEC inżammu moħbija, u kellha tkun il-media li tinforma lill-pubbliku b'dawn iż-żidiet.

F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Edukazzjoni Joe Cassar esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Gvern għażel li jintroduċi taxxa fuq l-edukazzjoni, u żied il-piż finanzjarju fuq l-istudenti u l-familji tagħhom.

Joe Cassar sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa favur li s-sistema li tamministra l-MATSEC tissaħħaħ u tiġi ffinanzjata b'mod aħjar. “L-istudenti u l-familji tagħhom iridu li tissaħħaħ is-sistema iżda żgur li ma jaċċettawx il-fatt li jkunu huma li jħallsu aktar għal dan, meta hemm eluf ta' ewro li qed imorru fil-bwiet tal-Ministri, n-nisa tagħhom, u Deputati tal-Gvern li għandhom diversi rwoli,” sostna Joe Cassar.
Il-Kelliem tal-Edukazzjoni spjega kif familja b'żewġt itfal li se jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC issa jridu jħallsu 140 ewro aktar.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll ma' min saret konsultazzjoni dwar dawn iż-żidiet. Hu fakkar li l-għaqdiet tal-istudenti kollha esprimew id-diżappunt tagħhom li ma ġewx ikkonsultati dwar dawn iż-żidiet fil-miżati. Joe Cassar talab lill-Ministru Evarist Bartolo biex jippubblika kull tip ta' studju li sar qabel ma daħlu fis-seħħ dawn iż-żidiet. “Lanqas ħaġa li seta' jagħmel il-Gvern qabel jintroduċi miżati bħal dawn hu li jagħmel Social Impact Assessment. Dan għandu jiġi ppubblikat minnufih,” sostna Joe Cassar.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri spjega kif din iż-żieda mhijiex waħda ta' għażla, iżda obbligatorja. “L-eżamijiet qegħdin hemmhekk u huma pass naturali fil-proċess tal-edukazzjoni. Illum-il ġurnata, l-istudenti ma jpoġġux għal eżami wieħed jew tnejn, iżda l-maġġoranza tagħhom jpoġġu għal medja ta' 8 eżamijiet jew aktar kull sena,” sostna Justin Schembri.

Justin Schembri esprima l-ħsibijiet tiegħu li din iż-żieda taf twassal biex studenti li l-familji tagħhom ma jkunux jifilħu jħallsu dawn iż-żidiet, jispiċċaw biex ma jpoġġux għal eżamijiet li forsi ma jkunux daqshekk importanti.

23.10.14.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...