Il-Partit Popolari Ewropew se jlaqqa' Konvenzjoni straordinarja f'Malta fl-ewwel nofs tas-sena 2017.
Dan tħabbar illum fi tmiem laqgħa tal-Kapijiet tal-Partit tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell li għaliha kien preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Il-Konvenzjoni straordinarja tal-PPE se tissejjaħ f'Malta fuq talba tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tħabbret fi tmiem negozjati li fihom ipparteċipa direttament Dr. Simon Busuttil.
Għal din il-Konvenzjoni se jkunu preżenti f'Malta il-Kapijiet tal-partiti politiċi li huma membri tal-Partit Popolari Ewropew fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, il-Prim Ministru tal-Greċja Antonis Samaras u Prim Ministri oħra minn pajjiżi bħall-Polonja, il-Portugall, il-Fillandja, l-Ungerija, il-Lavja u l-Irlanda.
Għall-Konvenzjoni tal-Partit Popolari Ewropew huwa mistenni li jattendu mal-1,000 delegat tal-PPE minn madwar l-Ewropa kollha.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-ahbar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Simon Busuttil laqa' b'sodisfazzjon kbir id-deċiżjoni tal-Partit Popolari Ewropew li jlaqqa' Konvenzjoni straordinarja f'Malta.
Dr Busuttil qal: "Din hija l-ewwel darba li l-Partit Popolari Ewropew se jsejjaħ Konvenzjoni fuq din l-iskala f'Malta u dan sar fuq insistenza tal-Partit Nazzjonalista. B'dan il-ġest, il-Partit Nazzjonalista se jġib f'Malta bosta mexxejja Ewropej fi żmien meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea."
Huwa żied jgħid li "anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista għadu rispettat ferm fi Brussell u huwa kapaċi jipperswadi lil ħaddieħor fl-aħjar interess ta' pajjiżna."
Dr. Busuttil qal li d-deċiżjoni ta' llum ittieħdet wara ħidma intensiva mill-Partit Nazzjonalista li ilha għaddejja sa mis-sajf li għadda, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom, fosthom is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, is-Segretarju Internazzjonali Trevor Degiorgio, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia kif ukoll numru ta' uffiċjali tal-Partit f'Malta u fi Brussell.
Għat-taħdidiet fi Brussell, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.
23.10.14
No comments:
Post a Comment