30.10.14

Aġir anti-demokratiku li ma jagħmilx ġieh lis-soċjeta' Maltija



Dak li qal il-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament nhar it-Tlieta li għadda, fejn bil-mod tiegħu hedded lil min jagħti informazzjoni biex jinkixef l-abbuż, il-vendikazzjonijiet u l-inkompetenza tal-Ministeru li hu jmexxi, ħadu lil pajjiżna fil-passat u f’perjodu iswed tal-politika Maltija.

Il-Kelliem għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament fi Pjazza San Ġorġ fil-preżenza tal-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit. Jason Azzopardi saħaq li l-Gvern m’għandux jiddejjaq li jkun hemm min ikollu l-kuraġġ jikxef il-ħażin bħalma huma abbużi u/jew korruzzjoni.

Kliem il-Ministru Mallia fil-Parlament jikkonfermaw dak li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirrimarka dwar it-tmexxija inkompetenti tal-Ministru Mallia. Aktar minn hekk, dan l-aġir qed iġib fix-xejn il-Liġi tal-Whistleblower. Azzopardi żied jgħid li l-Gvern qed jibża’ mill-verita’ u qed iżomm il-verita’ milli toħroġ. Kien hawnhekk li fakkar dwar numru ta’ każijiet li juru ksur fil-liġi fl-aħħar xhur, fosthom
  • l-allegat twaqqif abbużiv ta’ proċeduri kriminali mill-eks Kummissarju tal-Pulizija,
  • l-arrest ta’ persuna innoċenti fuq akkużi ta’ hold-up
  • l-għibien ta’ żewġ tankers maqbudin b’ordni tal-Qrati minn taħt għajnejn l-Armata,
  • il-fatt li l-Korp tal-Pulizija spiċċawlu l-flus tal-overtime,
  • il-fatt li l-Korp fetaħ għassa bla permessi tal-MEPA,
  • il-fatt li ngħataw promotions lil tal-qalba fl-Armata mingħajr is-security clearance skond il-liġi u mingħajr rakkomondazzjoni skont il-liġi,
  • il-fatt li Pulizija tal-qalba qed jipprovdu protezzjoni lill-barranin li qed jiġu biex japplikaw għax-xiri taċ-ċittadinanza,
  • il-fatt li l-Gvern ta assistenza lill-barrani b'konnessjonijiet mal-Al Qaeda,
  • li ngħataw transfers vendikattivi fil-Korp tal-Pulizija, inkluż tnejn f'jum wieħed lill-istess persuna u erba' f'ġimgħa lil Maġġur,
  • u l-fatt li ġew ingaġġati Pulizija eks uffiċjali tal-Armata mingħajr taħriġ.

Minn naħa tagħha, Alessia Psaila Zammit qalet li hu inkwetanti li pajjiżna għandu Ministru tal-Gvern jitkellem b’dan il-mod. Politiku li m’għandu xejn x’jaħbi ma jagħmilx dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet għaliex ikollu moħħu mistrieħ li fil-Ministeru li hu jmexxi l-iskoretezza qed tiġi indirizzata. Alessia Psaila Zammit irreferiet ukoll għall-każ ta’ ġurnalist tat-Times, li fil-jiem li għaddew kien vitma ta’ tattiċi tal-bullying mill-Ministru Mallia meta dan għamel mistoqsijiet leġittimi dwar il-Ministeru li Mallia stess imexxi.

30.10.14

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...