Il-Gvern ta' Joseph Muscat żied id-dejn fuq il-familji Maltin u Għawdxin bi 3 miljun ewro kuljum fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati lbieraħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna.
Din l-istatistika turi kif fuq perjodu ta’ sitt xhur biss, il-Gvern irnexxilu jgħabbi lil-pajjiżna b’aktar minn nofs biljun ewro f’dejn ġdid. Dan l-iżvilupp iħasseb serjament lill-Partit Nazzjonalista dwar il-futur tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna. Is-saħħa tal-finanzi ta’ pajjiżna hija fattur importanti biex Malta tibqa’ attraenti għal investiment produttiv li joħloq il-postijiet tax-xogħol.
Fl-aħħar snin, pajjiżna kien iddejjen mingħand il-familji Maltin u Għawdxin u r-riżultat ta’ dak is-self huwa investiment sostanzjali fi proġetti kapitali li pajjiżna għadu jgawdi minnhom sal-lum, minn skejjel sa sptarijiet ġodda, minn ajruport sa toroq arterjali ġodda kif ukoll f’impjanti li jtejbu l-kwalità tal-arja u l-baħar ta’ pajjiżna.
Għall-kuntrarju, il-Gvern ta' Joseph Muscat m’għandux x’juri għal dawn it-3 miljun ewro kuljum li qed jonfoq, ħlief għall-ħolqien ta’ mijiet ta’ impjiegi ġodda u żieda ta’ salarji għal tal-qalba u għall-ispejjeż operattivi tal-Gvern bl-akbar Kabinett fl-istorja. Fl-istess perjodu, biex ipatti għall-infiq żejjed tiegħu, ħalla lill-poplu Malti jħallas l-petrol u diesel bl-għoli minkejja li l-prezz taż-żejt niżel fl-aktar livelli baxxi ta’ dawn l-aħħar 5 snin.
Joseph Muscat innifsu kien wiegħed li se jkun qed jikkontrolla l-infiq tal-Gvern. L-istatistika tal-NSO tikkonferma kemm dak li qal Muscat mhuwiex minnu. Dan huwa sinjal ieħor ta' kemm lil Muscat, ħadd ma jista' jemmnu.
F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lil Gvern jispjega għalfejn għadu qed jgħabbi lill-familji Maltin u Għawdxin b'dan id-dejn li qed inawwar l-istabilita' ekonomika u finanzjarja li pajjiżna għandu bżonn biex jattira l-investiment u joħloq ix-xoghol.
22.10.14.
No comments:
Post a Comment