7.3.18

ĦAL TARXIEN - XOGĦLIJIET






3783. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura f’Ħal Tarxien? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?



29/01/2018



  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma:

· Tiswija ta’ central strip fi Triq San Anard, Tarxien.

· Tiswija tal-boundary wall fi Triq Tal-Barrani, Tarxien.



In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet ta’ € 899.01.

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi , liema lista qed isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.



Seduta  90

06/03/2018


FGURA - XOGĦLIJIET






3781. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura fil-Fgura? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?



29/01/2018



  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet xogħlijiet f’dawn it-toroq imsemmija hawn taħt. Indikat ukoll l-istima tax-xoghlijiet li saru. Tul din il-legislatura, fil-Fgura, Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi , liema lista qed isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.



Triq il-Ġdida fi Triq il-Merħba, Fgura
€50,000
Parti minn Triq Għarnuq, Fgura
€25,000
Parti minn Triq Pawlu Micallef, Fgura
€50,000
Titjieb fil-Junction fi Triq id-Dejma, Fgura
€20,000



Seduta  90
06/03/2018

RAĦAL ĠDID - XOGĦLIJIET





3780. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura f’Raħal Ġdid? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?



29/01/2018



  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma:

· Tiswija ta’ ħajt fi Triq il-Perit Mintoff.

· Tiswija tar-rounabout fi Triq il-Baċir, Kordin.

· Tiswija ta’ traffic island fl-area ta’ Kordin.



In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet dik ta’ € 2,369.32.

 Barra minn hekk, x-xogħlijiet li beħsiebhom isiru huma:

·              Kostruzzjoni ta’ uffiċini u faċilitajiet anċillari f’Laboratory Wharf- (xogħol li qed isir għad-Dipartiment tad-Dwana).

·              Xogħlijiet ta’ alterazzjoni f’bini (ex- Quality Control Section) ġewwa Kordin – (xogħol li qed isir għall-Building Regulations Office).



In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet hija stmata li tkun dik ta’ € 981,408.



Seduta  90
06/03/2018

ĦAL GĦAXAQ - XOGĦLIJIET




3779. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura f’Ħal-Għaxaq? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?



29/01/2018



  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Ħal Għaxaq saru xogħlijiet ta’ patching u manutenzjoni tal-infrastruttura. Il-parti l-kbira ta’ dawn ix-xogħlijiet saru f’Dawret Ħal Għaxaq. In-nefqa sa issa hija stmata €15,000.



Seduta  90

06/03/2018

GUDJA – XOGĦLIJIET




3778. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura fil-Gudja? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?



29/01/2018



  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma:



· Tiswijiet fil-Boundary Wall Triq il-Ġibjun, Gudja By-pass. In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet dik ta’ € 1,954.99.



· Filwaqt wkoll fil-Gudja saru xogħlijiet ta’ patching u manutenzjoni tal-infrastruttura. Il-parti l-kbira ta’ dawn ix-xogħlijiet saru f’Dawret il-Gudja. In-nefqa sa issa hija stmata €15,000.



Seduta  90

06/03/2018

6.3.18

L-Ordni f’ħajjitna.


 
1.      Fis-sena 543, id-dinja tilfet bniedem mimli intelliġenza li biddel u influwenza l-istorja tal-Ewropa. Ħidmietu għadha, elf, erba’ mija u erbgħa u sebgħin sena wara, tinħass sallum. Għalkemm wieħed irid jgħid li ma tiġix mfakkra biżżejjed. Kien hu li rregola l-ġabriet ta’ bnedmin li ddeċidew jiddedikaw ħajjithom għall-ħajja reliġjuża.

2.      Kien San Benedittu ta’ Norcia, kif inhuwa magħruf, dak iż-żagħżugħ li emmen fir-regola li “żomm l-ordni u l-ordni żżommok”. Bena għalhekk regola li hija waħda bażata fuq il-bniedem. Waħda unika, moderata, bażata fuq ir-raġuni li żżomm l-ordni bejn bnedmin li jinqatgħu mid-dinja u jiddedikaw ħajjithom għat-talb u fil-mixja tagħhom lejn ħajja għas-sewwa, fis-sewwa.

3.      Miegħu nfakkru f’dawni l-jiem lil oħtu, Santa Skolastika, li l-festa tagħha tiġi ċelebrata fid-dinja fl-10 ta’ Frar, però f’pajjiżna, kif nafu, iċċedi b’imħabba l-post għal Missierna San Pawl. Hija wkoll imxiet fil-passi ta’ ħuha u nqatgħet mid-dinja, tgħix il-ħajja li daħal għaliha hu waqt li tixxennaq għall-kumpannija qaddisa tiegħu.

4.      Għax irid jingħad li diversi huma r-reliġjonijiet fid-dinja li għandhom ġabriet ta’ bnedmin, daqqa rġiel u daqqa nisa, li jersqu flimkien biex jgħixu f’daqqa ħajja maqtugħa mid-dinja. Għax irridu f’dan naċċettaw li hemm sejħa interna u naturali li tinħass f’qalb u f’moħħ f’ħafna mal-wiċċ ta’ din l-art, f’kull rokna tagħha.   Biss ħadd ma għandu l-qafas, l-istruttura bilanċjata li assigurat tul dawn is-sekli ħajja f’daqqa ta’ bnedmin taħt l-istess saqaf indirizzata lejn “Ora et labora”: talb u xogħol.

5.      F’pajjizna kunventi ta’ patrijiet Benedittini ma kellniex, però kellna x-xorti li jkollna żewġ kunventi: wieħed l-Imdina, u l-ieħor il-Birgu ta’ sorijiet li ħaddnu, u għadhom iħaddnu sallum din r-regola. Kunventi mill-isbaħ, magħmula minn bnedmin li jqegħdu lilhom nfushom għas-servizz tal-oħrajn. Kull ħin tal-jum immirat lejn s-sewwa. Għax għandu jkun iktar magħruf li meta wieħed igib l-ordni f’ħajtu, ħinu jiżdied, u hemm wieħed jagħti iktar glorja lil Min ħalaqna, billi jaħdem iktar fis-servizz tiegħU.  

6.      Ħidmet Benedittu u Skolastika wasslu sabiex, kif nafu, l-ordnijiet reliġjużi l-oħra ġew kollha, b’xi mod jew ieħor, influwenzati mir-regoli tagħhom.  F’dan, diversi jaqraw, janalizzaw u japprezzaw l-abbiltà ta’ moħħ dan il-bniedem sabiex min irid jiddedika ħajtu għas-sejħa li jgħix u jservi lid-dinja ta’ Nisrani jsegwi dawn il-passi b’attenzjoni u dedikazzjoni u ma jfallix.  Hemm min jikkritika u jmaqdar dawn l-ordnijiet reliġjużi.  Biss, min jagħmel dan, ftit jagħraf il-ġid spiritwali li l-kunventi u l-ordnijiet reliġjużi għamlu fid-dinja u f’pajjiżna.

7.      Il-ġid biss mhuwiex limitat għall-aspett strettament reliġjuż, imma ġej ukoll fl-abbiltà li torganizza x-xogħol li jrid isir fil-kunvent u madwaru.  Ir-regola ta’ San Benedittu ġiebet magħha livell ogħla u differenti ta’ kunċetti li ssoltu mdorrija nisimgħu fid-dinja dominata mill-ekonomija kapitalista.

8.      Biddlet u ġiebet fis-seħħ effiċjenza, prosperità, sostenibilità, responsabbiltà, ambjentaliżmu, għarfien tad-dinja ta’ madwarna aqwa u tqassim ġust, ugwali u komuni tal-ġid.  Il-monasteri Benedittini assiguraw, għall-ewwel darba, li l-bnedmin li jiġbru ħajjithom f’daqqa huma kollha motivati u konxji minn dak li qegħdin iwettqu.  Hemm unjoni f’dak li għandu jinkiseb.  Hemm qbil li dak li qiegħed isir huwa parti minn viżjoni sħiħa u mhux individwali.  Fejn l-altruwiżmu jirbaħ kostantement u naturalment fuq l-egoiżmu.

9.      Hemm għalhekk il-bżonn li nimmarkaw u nirrikonoxxu l-ġid li sar, u għadu jsir, lis-soċjetà tagħna, mitlufa fil-materjaliżmu minn dawk li kitbu u fasslu dawn ir-regoli.  Hemm bżonn nagħrfu u napprezzaw li dak li aħna mhuwiex imwieled mill-prosperità, mill-ekonomija, imma mill-valuri Nsara li aħna writna tul dawn is-sekli.

10.    Għalhekk, waqt li niċċelebraw bil-qalb il-festa ta’ Santa Skolastika, inġibu u nżommu amment li meta soċjetà tinsa l-passat tagħha, tinsa dak li verament hi u dak li bnieha, tkun qegħda ċċekken u tarmi lilha nfisha.  Għalhekk hemm dejjem il-bżonn li nagħrfu dak li aħna u r-raġunijiet għas-sens u s-sustanza ta’ din is-soċjetà: li tibqa’ waħda li tħares lejn il-valuri Nsara tas-sewwa, il-paċi u l-ġustizzja.






Bruxelles ma hix is-Sinaj, lanqas ma hi Ġerusalemm jew Ruma





1.      Diżgrazzjatament, minħabba sekli sħaħ ta’ dominazzjoni barranija, għad hawn fostna min għandu l-mentalità li jara kull ħaġa ġejja minn barra bħala aħjar minn ta’ Malta. Kien hawn ħafna jaħsbu li dak li hemm l-Ingilterra huwa bilfors aħjar minn dak li għandna Malta. Kien hawn ukoll min jaħseb dan dwar l-Italja, jew il-Ġermanja, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor.  Kien hawn, u kif qed naraw, għad baqa’.

Mentalità post-kolonjali

2.      Hemm x’nitgħallmu mingħand ħaddieħor, ma hemmx dubju. Anzi, jkun ħażin ħafna kieku pajjiżna jingħalaq fih innifsu u ma jħarisx barra mill-Port il-Kbir. Iċ-ċiviltà u l-progress kibru għaliex il-ħsieb u l-kultura ta’ poplu jdakkru l-ħsieb u l-kultura ta’ popli oħra. L-iskoperti xjentifiċi u t-teknoloġiji ġodda għandhom ikunu ta’ kulħadd. L-ebda bniedem u l-ebda nazzjon ma għandu l-monopolju tal-għerf. Ħaqqu kumpens min isib il-ġdid, iżda r-riżultat tar-riċerka għandu, fl-ahhar tal-jum, jibbenefika l-bnedmin kollha.  Ikun iblaħ dak il-bniedem u dak il-poplu li jagħlaq għajnejh għall-ġdid.  Iżda altru x-x-xjenza u t-teknoloġija, u altru l-filosofija u l-istil tal-ħajja. Altru r-Reliġjon u l-morali.

Ikkumbattejna l-idea

3.      F’dawn il-ħwejjeġ kull nazzjon ikun sawwar tradizzjoni, frott tal-esperjenzi tiegħu. Fil-filosofija tal-ħajja u fl-istil tal-ħajja, l-esperjenza wrietna li ma għandniex għalfejn inħossuna inferjuri: għaliex ma aħniex. Il-Partit Nazzjonalista twieled biex jikkumbatti l-idea, li l-ħakkiema riedu jsammrulna, li huma aħjar minna.  Irbaħna l-indipendenza politika, iżda għad hawn min għadu jaħseb li għandu jimita lill-barranin.  Jeħtieġ nikkumbattu kuljum biex insaħħu l-indipendenza tal-ħsieb tagħna f’dak li ngħidu u f’dak li naġixxu fih.

Bruxelles mhix il-kapitali ta’ dominazzjoni ġdida

4.      Diżgrazzjatament, xi wħud qegħdin iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea bħala xi għajn ġdida ta’ kultura tal-ħajja. Bruxelles la hija l-Muntanja Sinaj, la hija Ġerusalemm, u lanqas ma hija l-Vatikan.  Kif lanqas ma hija l-belt tal-filosofija, tax-xjenzi u tal-Għerf. La hi Bologna, la hija Salamanca, la hija s-Sorbona, la Heidelberg, la Oxford u lanqas Cambridge. Ma hix għajn ta’ modi ġodda kif wieħed jaħseb. Hija kapitali ta’ Unjoni bejn pajjiżi. Biex l-Ewropa tingħaqad, il-ftehim kien li kulħadd iżomm l-identità u  l-kultura tiegħu.  Ma ġie impost l-ebda lsien. Il-Malti huwa lingwa uffiċjali daqs il-Franċiż u t-Taljan. L-ispirtu tal-Unjoni kien dak li kull nazzjon jibqa’ indipendenti, mhux biss politikament, (hu għalhekk meta jrid jitlaq, bħalma ddeċieda r-Renju Unit), iżda wkoll kulturalment.

Meta konna taħt l-Ingliżi

5.      Kien hawn min beda jimita l-ikel Ingliż: prinċipalment laħam moqli u patata. Kien hawn min beda jiddisprezza l-ħobż u l-għaġin, il-ħut u ż-żejt. Kien hawn min beda jiddisprezza l-kostumi u d-drawwiet tagħna. Imbagħad ġie żmien li d-dinja kollha skopriet li l-ikel tal-Mediterran kien iktar fih sens minn dak il-ħafna xaħmijiet tal-ikel tal-pajjiżi tan-Nord. L-ispeċjalisti tal-mard tal-qalb bdew jirrikmandaw ‘id-dieta Mediterranja”. Il-ħelu Ingliż kien fih iktar zokkor, u t-tobba bdew jirrikmandaw li f’pajjiż bħal tagħna, dik il-ħlewwa żejda kienet ta’ ħsara.  Għal xi wħud il-Barokk tal-knejjes tagħna beda jidher antikwat u marru jimitaw il-Gotiku tan-Nord. Imnalla ħallejna l-Gotiku għaċ-Ċimiteri u komplejna bl-istili tagħna.

Min imur Bruxelles

6.      Beda jinduna li f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa, in-nies birdet mir-Reliġjon. Sfortuntatament, xi wħud ġibdu l-konklużjoni li ladarba dawn jgħaddu mingħajr reliġjon, allura biex tkun progressiv u aġġornat, ma tridx turi li pajjiżek għadu Kattoliku. Biex tkun Ewropew, bħall-oħrajn, xi wħud kienu u għadhom disposti li jwarrbu r-reliġjon minn nofs.  Dan ‘ir-rispett uman huwa wkoll frott ta’ kumpless ta’ inferjorità. Huwa skandlu li tant Ewropej telqu l-fidi, huwa skandlu li tant Ewropej jiddejqu jaraw lill-Misilmin iżommuha. Huwa skandlu li xi Maltin jibdew jistħu mir-reliġjon ta’ pajjiżna.

Dawn il-pajjiżi nieqsa mill-fidi

7.      Sabu li mhux biss il-ħajja spiritwali u kulturali ftaqret; ftaqret ukoll il-ħajja soċjali. Divorzji, aborti, suwiċidji, individwaliżmu sfrenat.  Dawn ma humiex espressjoni tal-libertà. Kont qiegħed naqra x’qal il-filosfu Tedesk Jurgen Habermas, li ċertament ma hux xi abbati tas-sagristiji. Habermas qal li mill-Ateiżmu ma tistenniex l-imħabba. Proprjament huwa qalha iktar b’mod lajk. L-espressjoni tiegħu kienet li mill-Ateiżmu ma toħroġx is-solidarjetà. Kif indunaw meta kellhom is-soċjalismu ateu. Is-solidarjetà soċjali hija rabta li toħroġ mis-sens ta’ dmir morali lejn ħaddieħor: dik li l-Insara, antikwati għal xi wħud, progressivi fil-veru sens tal-kelma, isejħulha “l-imħabba lejn il-proxxmu”, li hi l-ikbar forza għall-progress soċjali. L-imħabba hi l-aqwa virtù. Is-solidarjetà, virtù lajka, hi dik li tgħaqqad is-soċjetà.

Ma għandniex minn xhiex nistħu

8.      Li pajjiżna jiddikjara ruħu Kattoliku. Mingħajr reliġjon tikber il-ħruxija tal-qalb ma’ ħaddieħor. Meta titwarrab ir-reliġjon jikbru l-pjagi kollha soċjali. Tikber il-korruzzjoni fit-tmexxija pubblika, jikber il-qerq fir-relazzjoni ta’ bniedem ma’ ieħor, tinħall ir-rabta mhux biss bejn il-miżżewġin, iżda wkoll dik bejn il-ġenituri u l-ulied, reċiprokament. Mingħajr ir-reliġjon l-etika soċjali tinxef.  Lajkament, mingħajr ir-reliġjon, lanqas l-etika tal-Istat ma tiffjorixxi. Is-suċċess relattiv li għamel pajjiżna fit-tmexxija demokratika tiegħu u fil-bini ta’ Stat Soċjali, relativament ħanin, nafuh sforz it-tagħlim ta’ solidarjetà Nisranija li kkaratterizza lilna s’issa. Mintoff kien jiftaħar li s-soċjaliżmu tiegħu kien Nisrani. Anki meta kellu l-kontroversji mal-Isqfijiet, qatt ma ċaħad li hu Nisrani. Dan biex ma nsemmux lil Boffa. Daqstant ieħor, u b’iktar dikjarar, kienu nsara l-mexxejja kollha tal-Partit tagħna. Biżżejjed insemmi lil Eddie Fenech Adami, biex ma noqgħodx immur lura għal Borg Olivier u ta’ qablu.

Frott r-Religjon.

9.      Ir-Reliġjon hi biss ta’ tfixkil għal min irid joqtol, jisraq, iqarraq, jikkorrompi u jigi korrot, jitkellem ħażin, u jżomm ġidu (li min jaf kif ġabru), marsus ma’ qalbu. L-imħabba tal-proxxmu hija dejjem għajn ta’ progress. L-indifferenza għat-tbatija ta’ ħaddieħor lanqas ma hi ‘business friendly’; verament, ma hix ‘friendly’.  Il-progress li sar f’pajjiżna nafuh għaliex aħna pajjiż ‘friendly’ mal-proxxmu kollu.  Frott tar-Reliġjon tal-imħabba: dik li nżommu għal qalbna miktuba fil-Kostituzzjoni tagħna.

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...