6.3.18

Bruxelles ma hix is-Sinaj, lanqas ma hi Ġerusalemm jew Ruma





1.      Diżgrazzjatament, minħabba sekli sħaħ ta’ dominazzjoni barranija, għad hawn fostna min għandu l-mentalità li jara kull ħaġa ġejja minn barra bħala aħjar minn ta’ Malta. Kien hawn ħafna jaħsbu li dak li hemm l-Ingilterra huwa bilfors aħjar minn dak li għandna Malta. Kien hawn ukoll min jaħseb dan dwar l-Italja, jew il-Ġermanja, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor.  Kien hawn, u kif qed naraw, għad baqa’.

Mentalità post-kolonjali

2.      Hemm x’nitgħallmu mingħand ħaddieħor, ma hemmx dubju. Anzi, jkun ħażin ħafna kieku pajjiżna jingħalaq fih innifsu u ma jħarisx barra mill-Port il-Kbir. Iċ-ċiviltà u l-progress kibru għaliex il-ħsieb u l-kultura ta’ poplu jdakkru l-ħsieb u l-kultura ta’ popli oħra. L-iskoperti xjentifiċi u t-teknoloġiji ġodda għandhom ikunu ta’ kulħadd. L-ebda bniedem u l-ebda nazzjon ma għandu l-monopolju tal-għerf. Ħaqqu kumpens min isib il-ġdid, iżda r-riżultat tar-riċerka għandu, fl-ahhar tal-jum, jibbenefika l-bnedmin kollha.  Ikun iblaħ dak il-bniedem u dak il-poplu li jagħlaq għajnejh għall-ġdid.  Iżda altru x-x-xjenza u t-teknoloġija, u altru l-filosofija u l-istil tal-ħajja. Altru r-Reliġjon u l-morali.

Ikkumbattejna l-idea

3.      F’dawn il-ħwejjeġ kull nazzjon ikun sawwar tradizzjoni, frott tal-esperjenzi tiegħu. Fil-filosofija tal-ħajja u fl-istil tal-ħajja, l-esperjenza wrietna li ma għandniex għalfejn inħossuna inferjuri: għaliex ma aħniex. Il-Partit Nazzjonalista twieled biex jikkumbatti l-idea, li l-ħakkiema riedu jsammrulna, li huma aħjar minna.  Irbaħna l-indipendenza politika, iżda għad hawn min għadu jaħseb li għandu jimita lill-barranin.  Jeħtieġ nikkumbattu kuljum biex insaħħu l-indipendenza tal-ħsieb tagħna f’dak li ngħidu u f’dak li naġixxu fih.

Bruxelles mhix il-kapitali ta’ dominazzjoni ġdida

4.      Diżgrazzjatament, xi wħud qegħdin iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea bħala xi għajn ġdida ta’ kultura tal-ħajja. Bruxelles la hija l-Muntanja Sinaj, la hija Ġerusalemm, u lanqas ma hija l-Vatikan.  Kif lanqas ma hija l-belt tal-filosofija, tax-xjenzi u tal-Għerf. La hi Bologna, la hija Salamanca, la hija s-Sorbona, la Heidelberg, la Oxford u lanqas Cambridge. Ma hix għajn ta’ modi ġodda kif wieħed jaħseb. Hija kapitali ta’ Unjoni bejn pajjiżi. Biex l-Ewropa tingħaqad, il-ftehim kien li kulħadd iżomm l-identità u  l-kultura tiegħu.  Ma ġie impost l-ebda lsien. Il-Malti huwa lingwa uffiċjali daqs il-Franċiż u t-Taljan. L-ispirtu tal-Unjoni kien dak li kull nazzjon jibqa’ indipendenti, mhux biss politikament, (hu għalhekk meta jrid jitlaq, bħalma ddeċieda r-Renju Unit), iżda wkoll kulturalment.

Meta konna taħt l-Ingliżi

5.      Kien hawn min beda jimita l-ikel Ingliż: prinċipalment laħam moqli u patata. Kien hawn min beda jiddisprezza l-ħobż u l-għaġin, il-ħut u ż-żejt. Kien hawn min beda jiddisprezza l-kostumi u d-drawwiet tagħna. Imbagħad ġie żmien li d-dinja kollha skopriet li l-ikel tal-Mediterran kien iktar fih sens minn dak il-ħafna xaħmijiet tal-ikel tal-pajjiżi tan-Nord. L-ispeċjalisti tal-mard tal-qalb bdew jirrikmandaw ‘id-dieta Mediterranja”. Il-ħelu Ingliż kien fih iktar zokkor, u t-tobba bdew jirrikmandaw li f’pajjiż bħal tagħna, dik il-ħlewwa żejda kienet ta’ ħsara.  Għal xi wħud il-Barokk tal-knejjes tagħna beda jidher antikwat u marru jimitaw il-Gotiku tan-Nord. Imnalla ħallejna l-Gotiku għaċ-Ċimiteri u komplejna bl-istili tagħna.

Min imur Bruxelles

6.      Beda jinduna li f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa, in-nies birdet mir-Reliġjon. Sfortuntatament, xi wħud ġibdu l-konklużjoni li ladarba dawn jgħaddu mingħajr reliġjon, allura biex tkun progressiv u aġġornat, ma tridx turi li pajjiżek għadu Kattoliku. Biex tkun Ewropew, bħall-oħrajn, xi wħud kienu u għadhom disposti li jwarrbu r-reliġjon minn nofs.  Dan ‘ir-rispett uman huwa wkoll frott ta’ kumpless ta’ inferjorità. Huwa skandlu li tant Ewropej telqu l-fidi, huwa skandlu li tant Ewropej jiddejqu jaraw lill-Misilmin iżommuha. Huwa skandlu li xi Maltin jibdew jistħu mir-reliġjon ta’ pajjiżna.

Dawn il-pajjiżi nieqsa mill-fidi

7.      Sabu li mhux biss il-ħajja spiritwali u kulturali ftaqret; ftaqret ukoll il-ħajja soċjali. Divorzji, aborti, suwiċidji, individwaliżmu sfrenat.  Dawn ma humiex espressjoni tal-libertà. Kont qiegħed naqra x’qal il-filosfu Tedesk Jurgen Habermas, li ċertament ma hux xi abbati tas-sagristiji. Habermas qal li mill-Ateiżmu ma tistenniex l-imħabba. Proprjament huwa qalha iktar b’mod lajk. L-espressjoni tiegħu kienet li mill-Ateiżmu ma toħroġx is-solidarjetà. Kif indunaw meta kellhom is-soċjalismu ateu. Is-solidarjetà soċjali hija rabta li toħroġ mis-sens ta’ dmir morali lejn ħaddieħor: dik li l-Insara, antikwati għal xi wħud, progressivi fil-veru sens tal-kelma, isejħulha “l-imħabba lejn il-proxxmu”, li hi l-ikbar forza għall-progress soċjali. L-imħabba hi l-aqwa virtù. Is-solidarjetà, virtù lajka, hi dik li tgħaqqad is-soċjetà.

Ma għandniex minn xhiex nistħu

8.      Li pajjiżna jiddikjara ruħu Kattoliku. Mingħajr reliġjon tikber il-ħruxija tal-qalb ma’ ħaddieħor. Meta titwarrab ir-reliġjon jikbru l-pjagi kollha soċjali. Tikber il-korruzzjoni fit-tmexxija pubblika, jikber il-qerq fir-relazzjoni ta’ bniedem ma’ ieħor, tinħall ir-rabta mhux biss bejn il-miżżewġin, iżda wkoll dik bejn il-ġenituri u l-ulied, reċiprokament. Mingħajr ir-reliġjon l-etika soċjali tinxef.  Lajkament, mingħajr ir-reliġjon, lanqas l-etika tal-Istat ma tiffjorixxi. Is-suċċess relattiv li għamel pajjiżna fit-tmexxija demokratika tiegħu u fil-bini ta’ Stat Soċjali, relativament ħanin, nafuh sforz it-tagħlim ta’ solidarjetà Nisranija li kkaratterizza lilna s’issa. Mintoff kien jiftaħar li s-soċjaliżmu tiegħu kien Nisrani. Anki meta kellu l-kontroversji mal-Isqfijiet, qatt ma ċaħad li hu Nisrani. Dan biex ma nsemmux lil Boffa. Daqstant ieħor, u b’iktar dikjarar, kienu nsara l-mexxejja kollha tal-Partit tagħna. Biżżejjed insemmi lil Eddie Fenech Adami, biex ma noqgħodx immur lura għal Borg Olivier u ta’ qablu.

Frott r-Religjon.

9.      Ir-Reliġjon hi biss ta’ tfixkil għal min irid joqtol, jisraq, iqarraq, jikkorrompi u jigi korrot, jitkellem ħażin, u jżomm ġidu (li min jaf kif ġabru), marsus ma’ qalbu. L-imħabba tal-proxxmu hija dejjem għajn ta’ progress. L-indifferenza għat-tbatija ta’ ħaddieħor lanqas ma hi ‘business friendly’; verament, ma hix ‘friendly’.  Il-progress li sar f’pajjiżna nafuh għaliex aħna pajjiż ‘friendly’ mal-proxxmu kollu.  Frott tar-Reliġjon tal-imħabba: dik li nżommu għal qalbna miktuba fil-Kostituzzjoni tagħna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...