6.3.18

L-Ordni f’ħajjitna.


 
1.      Fis-sena 543, id-dinja tilfet bniedem mimli intelliġenza li biddel u influwenza l-istorja tal-Ewropa. Ħidmietu għadha, elf, erba’ mija u erbgħa u sebgħin sena wara, tinħass sallum. Għalkemm wieħed irid jgħid li ma tiġix mfakkra biżżejjed. Kien hu li rregola l-ġabriet ta’ bnedmin li ddeċidew jiddedikaw ħajjithom għall-ħajja reliġjuża.

2.      Kien San Benedittu ta’ Norcia, kif inhuwa magħruf, dak iż-żagħżugħ li emmen fir-regola li “żomm l-ordni u l-ordni żżommok”. Bena għalhekk regola li hija waħda bażata fuq il-bniedem. Waħda unika, moderata, bażata fuq ir-raġuni li żżomm l-ordni bejn bnedmin li jinqatgħu mid-dinja u jiddedikaw ħajjithom għat-talb u fil-mixja tagħhom lejn ħajja għas-sewwa, fis-sewwa.

3.      Miegħu nfakkru f’dawni l-jiem lil oħtu, Santa Skolastika, li l-festa tagħha tiġi ċelebrata fid-dinja fl-10 ta’ Frar, però f’pajjiżna, kif nafu, iċċedi b’imħabba l-post għal Missierna San Pawl. Hija wkoll imxiet fil-passi ta’ ħuha u nqatgħet mid-dinja, tgħix il-ħajja li daħal għaliha hu waqt li tixxennaq għall-kumpannija qaddisa tiegħu.

4.      Għax irid jingħad li diversi huma r-reliġjonijiet fid-dinja li għandhom ġabriet ta’ bnedmin, daqqa rġiel u daqqa nisa, li jersqu flimkien biex jgħixu f’daqqa ħajja maqtugħa mid-dinja. Għax irridu f’dan naċċettaw li hemm sejħa interna u naturali li tinħass f’qalb u f’moħħ f’ħafna mal-wiċċ ta’ din l-art, f’kull rokna tagħha.   Biss ħadd ma għandu l-qafas, l-istruttura bilanċjata li assigurat tul dawn is-sekli ħajja f’daqqa ta’ bnedmin taħt l-istess saqaf indirizzata lejn “Ora et labora”: talb u xogħol.

5.      F’pajjizna kunventi ta’ patrijiet Benedittini ma kellniex, però kellna x-xorti li jkollna żewġ kunventi: wieħed l-Imdina, u l-ieħor il-Birgu ta’ sorijiet li ħaddnu, u għadhom iħaddnu sallum din r-regola. Kunventi mill-isbaħ, magħmula minn bnedmin li jqegħdu lilhom nfushom għas-servizz tal-oħrajn. Kull ħin tal-jum immirat lejn s-sewwa. Għax għandu jkun iktar magħruf li meta wieħed igib l-ordni f’ħajtu, ħinu jiżdied, u hemm wieħed jagħti iktar glorja lil Min ħalaqna, billi jaħdem iktar fis-servizz tiegħU.  

6.      Ħidmet Benedittu u Skolastika wasslu sabiex, kif nafu, l-ordnijiet reliġjużi l-oħra ġew kollha, b’xi mod jew ieħor, influwenzati mir-regoli tagħhom.  F’dan, diversi jaqraw, janalizzaw u japprezzaw l-abbiltà ta’ moħħ dan il-bniedem sabiex min irid jiddedika ħajtu għas-sejħa li jgħix u jservi lid-dinja ta’ Nisrani jsegwi dawn il-passi b’attenzjoni u dedikazzjoni u ma jfallix.  Hemm min jikkritika u jmaqdar dawn l-ordnijiet reliġjużi.  Biss, min jagħmel dan, ftit jagħraf il-ġid spiritwali li l-kunventi u l-ordnijiet reliġjużi għamlu fid-dinja u f’pajjiżna.

7.      Il-ġid biss mhuwiex limitat għall-aspett strettament reliġjuż, imma ġej ukoll fl-abbiltà li torganizza x-xogħol li jrid isir fil-kunvent u madwaru.  Ir-regola ta’ San Benedittu ġiebet magħha livell ogħla u differenti ta’ kunċetti li ssoltu mdorrija nisimgħu fid-dinja dominata mill-ekonomija kapitalista.

8.      Biddlet u ġiebet fis-seħħ effiċjenza, prosperità, sostenibilità, responsabbiltà, ambjentaliżmu, għarfien tad-dinja ta’ madwarna aqwa u tqassim ġust, ugwali u komuni tal-ġid.  Il-monasteri Benedittini assiguraw, għall-ewwel darba, li l-bnedmin li jiġbru ħajjithom f’daqqa huma kollha motivati u konxji minn dak li qegħdin iwettqu.  Hemm unjoni f’dak li għandu jinkiseb.  Hemm qbil li dak li qiegħed isir huwa parti minn viżjoni sħiħa u mhux individwali.  Fejn l-altruwiżmu jirbaħ kostantement u naturalment fuq l-egoiżmu.

9.      Hemm għalhekk il-bżonn li nimmarkaw u nirrikonoxxu l-ġid li sar, u għadu jsir, lis-soċjetà tagħna, mitlufa fil-materjaliżmu minn dawk li kitbu u fasslu dawn ir-regoli.  Hemm bżonn nagħrfu u napprezzaw li dak li aħna mhuwiex imwieled mill-prosperità, mill-ekonomija, imma mill-valuri Nsara li aħna writna tul dawn is-sekli.

10.    Għalhekk, waqt li niċċelebraw bil-qalb il-festa ta’ Santa Skolastika, inġibu u nżommu amment li meta soċjetà tinsa l-passat tagħha, tinsa dak li verament hi u dak li bnieha, tkun qegħda ċċekken u tarmi lilha nfisha.  Għalhekk hemm dejjem il-bżonn li nagħrfu dak li aħna u r-raġunijiet għas-sens u s-sustanza ta’ din is-soċjetà: li tibqa’ waħda li tħares lejn il-valuri Nsara tas-sewwa, il-paċi u l-ġustizzja.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...