13.3.18

Importanti għalina wkoll


 
1.   Tul din il-ġimgħa, waqt li kont qiegħed nistenna r-riżultati tal-elezzjonijiet fl-Italja, ġew lura quddiemi dawn il-kliem tal-magħruf George Orwell dwar l-elezzjonijiet u l-bidliet li ċerti drabi jġibu magħhom.  Huwa jgħid hekk: “A real shove from below will accomplish it.  As to who will be in government when it comes, I make no guess.  I only know that the right men will be there when the people really want them, for it is movements that make leaders and not leaders that make movements”.  L-esperjenza politika ta’ dawn is-snin fid-demokraziji tmiss, daqqa ħafna, u daqqa inqas, ma’ dan.

Ir-regoli nbidlu

2.   Ħadd ilu, fil-pajjiż viċin u ġar tagħna kien hemm l-elezzjonijiet ġenerali.  Irid jingħad li dan sar f’xenarju differenti minn dak tal-passat.  Il-Gvern ta’ qabel, immexxi mill-Partit Demokratiku f’allejanza ma’ partit moderat taċ-ċentru, għamel ħames snin sħaħ fil-poter.  Ir-regoli elettorali nbidlu sew.  Prinċiparjament daħlu żewġ prinċipji.  L-ewwel: li l-partit jew il-koalizzjoni li taqbeż l-40% jkollha l-maġġoranza awtomatika fil-Kamra u fis-Senat.  It-tieni: li biex partit jidħol fiż-żewġ Kmamar, jew waħda minnhom, irid iġib almenu 3% tal-vot.  Għal dak li kien hemm qabel, dawn l-elementi servew ta’ bidla kbira għax neħħew ħafna mill-partiti ż-żgħar.

Rabtiet

3.   Jista’ jkun hemm min jaħseb li dak li jseħħ f’dan il-poplu mhuwiex importanti għalina.  Nistgħu nibqgħu għaddejjin mingħajr effett, imma l-esperjenza politika tul dawn l-aħħar ħames snin uriet il-kontra.  Hemm rabtiet, hemm relazzjonijiet, hemm rapport kummerċjali, soċjali, kulturali u politiċi li jmissuna direttament.  Meta jkun hemm gvernijiet stabbli magħna u magħhom l-affarijiet jimxu ‘l quddiem għalina t-tnejn.  Biss, issa li aħna dħalna wkoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea, hemm rabtiet ikbar.  Madwar il-mejda, fil-vuċijiet tagħna fil-kapitolu nagħmlu differenza flimkien.  Mhux biss, imma fuq il-kwistjoni ta’ żvilupp u tal-immigrazzjoni irregolari hemm effetti ferm iktar qawwija.

Ir-riżultati

4.   Ir-riżultat il-Ħadd kien wieħed interessanti ħafna.  Fih rajna, fuq naħa l-partit ġdid ta’ Luigi Di Maio, magħruf bħala l-Movimento Cinque Stelle, joħroġ bħala l-ikbar partit bi 32.7%.  Fuq in-naħa l-oħra, il-koalizzjoni taċ-Centro Destra, iffurmata minn tlett partiti, il-Lega Nord (17.4%), Forza Italia (14%) u Fratelli d’Italia (4.3%), b’kollox 37%.  It-tielet, il-Partit Democratiku, li minn partit tal-Gvern immexxi minn Matteo Renzi, issa niżel minn 40% għal 18.7%.  Dan fisser li fis-Senat, iċ-Ċentru Lemin għandu 188 siġġu u fil-Kamra 263, mentri l-Movimento Cinque Stelle għandu 112 siġġu fis-Senat u 223 fil-Kamra rispettivament, mentri l-Partit Demokratiku 66 u 118.  Riżultat li jindika ċar: l-ewwel, li ebda partit m’għandu maġġoranza waħdu, u t-tieni li ser ikun diffiċli ħafna biex ikun hemm alleanza politika bejn żewġ partiti biex ikun hemm tali.

Il-Movimento Cinque Stelle

5.   Dawn il-figuri juru biċ-ċar li l-affarijiet inbidlu ta’ taħt fuq.  Wieħed ma jistax ma jiddikjarax li r-rebbieħ veru huwa l-Moviment ta’ Luigi Di Maio, li ġieb fuqu kunsens popolari qawwi.  Il-parti ta’ isfel tal-pajjiż ġiet miegħu.  Fi ftit snin irnexxielu juża l-mezzi soċjali ta’ komunikazzjoni li permezz tagħhom ta dawl ġdid u differenti ta’ kif wieħed jista’ jfassal programm politiku.  Sar sforz kbir, li ħadem, sabiex dan il-mexxej ta’ wieħed u tletin sena jwassal messaġġ ta’ bidla nadifa u li hija kompletament differenti minn kull esperjenza politika passata.  Mhux biss, imma rnexxielhom jibnu programm elettorali li jipprova jmiss u jindirizza l-kumplessità tax-xenarju li pajjiż kbir bħall-Italja għandu.

Centro Destra I

6.   Fiċ-Centro Destra rajna bidliet oħra.  Għall-ewwel darba, f’din il-formazzjoni politika (li rajniha drabi oħra) rat il-partit tradizzjonalment moderat u mmexxi minn Silvio Berlusconi flok jiġi konfermat bħala dak l-iktar b’saħħtu, issa sab ruħu wara l-Lega.  Sar ruħu wara l-partit immexxi minn Matteo Salvini, li ċertament huwa t-tieni rebbieħ f’dawn l-elezzjonijiet ġenerali.  Pass iebes, u li jikkomplika iktar il-pożizzjoni li fir-realtà kienet xi ftit inevitabbli.  Berlusconi, b’dak kollu li seta’ pprova jwettaq, ma setax u ma jistax jaħrab mir-realtà li huwa mexxej li qabeż it-tmenin sena.  Ma setax jikkonvinċi, iktar u iktar meta kellu kompetizzjoni qawwija interna u esterna li ż-żmien ma jistax iġib lura.

Centro Destra II

7.   Fir-realtà, il-partit tradizzjonalment fuq iċ-ċentru-lemin bata sew għax ma kellux messaġġ sod ta’ bidla u ta’ futur.  Il-bniedem li jixraqlu jmexxih fil-linja tradizzjonali, kostanti, stabbli u moderat kien Angelino Alfano.  Però, sfortunatament, il-partit akkanixxa ruħu kontra tiegħu meta ddeċieda li jżomm il-kelma tal-allenza politika li kien daħal fil-bidu l-partit mal-Partito Democratico, b’Enrico Letta bħala l-Prim Ministru tal-pajjiż.  Saru wisq attakki personali lejn Alfano, li wassluh biex ma joħroġx.  Mhux biss, imma fil-“vojt” tal-partit il-kbir sfrutta sewwa l-pożizzjoni Salvini, li ġieb il-Lega f’livell għoli.  Kemm Forza Italia ser tibqa’ taħt din is-sitwazzjoni niddubita, għax hija perikoluża, u terġa’, jekk ma jkunx hemm finalment Gvern immexxi minn din l-alleanza jkun hemm ferm iktar kumplikazzjonijiet.

Il-Partito Democratico

8.   Fuq in-naħa tal-Partito Democratico, is-sitwazzjoni hija iktar mimlija ntoppi.  Matteo Renzi rnexxielu jitlef ħafna mis-saħħa illi kellu ftit snin ilu.  Ma kienx qiegħed jifhem li kien sar il-persuna li rrenda ruħu f’antipatija fil-partit u barra minnu.  Il-partit inqasam fix-xejn, u kien hemm emorraġija ta’ voti li marru għand il-Movimento Cinque Stelle.  Ma hemmx dubju li ħareġ wisq bħala “arroganti”, u anke jekk il-pajjiż mexa ‘l quddiem u għamel avvanzi soċjali u ekonomiċi, xorta waħda ma niżilx tajjeb, prinċipalment ngħid għax dehel li tilef kull umiltà.  Issa r-riżultat elettorali juri biċ-ċar li l-elettorat ma jridx lilhom fil-Gvern, u allura l-linja tagħhom għandha tkun li jibqgħu kompletament barra mill-poter biex jorganizzaw ruħhom mill-ġdid.

Lezzjonijiet I

9.   Għalkemm ma hemmx dubju li ser tkun diffiċli biex tiġi ffurmata alleanza li tiggarantixxi stabilità għall-ħames snin li ġejjin, xejn ma huwa impossibbli.  Biss, jidher li hemm ċerti lezzjonijiet li l-politika fl-Unjoni Ewropea llum għandha tieħu.  L-ewwel: l-importanza li formazzjonijiet politiċi għandhom jagħtu lill-programm elettorali li ġej direttament min-nies, u mibni f’dan il-qafas ta’ demokrazija diretta.  Dan huwa evidenti ħafna fir-riżultati taż-żewġ partiti rebbieħa.  It-tieni: tal-bżonn tat-tiġdid politiku mill-partiti hekk imsejħa ‘tradizzjonali’.  Tiġdid f’persuni ġodda li, minn barra l-politika, jidħlu fil-politika bl-ideat tagħhom.  It-tielet: il-bżonn ta’ iktar politiċi onesti, umli u kapaċi jifhmu dak li għaddej fis-soċjetà.

Lezzjonijiet II

10.  F’dan ukoll, iċ-ċentru moderat u li jispira ruħu fil-ħidma t-tajba li kienet għamlet id-Democrazia Cristiana jrid jagħraf li wasal il-mument ta’ bidla u formazzjoni mill-ġdid.  Naħseb li huwa żball, l-ewwel: li wieħed jibqa’ għall-appuntament li ġejjin jiddependi fuq Silvio Berlusconi, li naħseb li għamel l-aħħar sforz tiegħu.  It-tieni, li hemm bżonn li wieħed jifhem li l-biċċiet tal-partit jistgħu jiġu lura flimkien, speċjalment Angelino Alfano, li jibqa’ bniedem nadif, kredibbli fl-istituzzjonijiet b’esperjenza kbira.  It-tielet: li wieħed irid jifhem li l-għażla bejn l-estremiżmu ġiebet tnaqqis fil-voti taċ-ċentru lejn il-partit ta’ Di Maio, għaxil-voti mhumiex weqfin, kif uħud jippretendu, imma jiċċaqilqu minn naħa għall-oħra.

Nawguraw

11.  Pajjiżna, mill-Indipendenza tiegħu sallum dejjem żamm rabta speċjali ma’ dan il-poplu viċin u hekk għandu jagħmel.  Jiġri x’jiġri f’dawn il-ġimgħat u wara, il-Gvern Malti jrid joqgħod attent ħafna.  Irid iħares fit-tul u jifhem li huwa importanti li r-rabtiet jibqgħu tajba u jħarsu lejn il-futur flimkien fil-Mediterran u fl-Unjoni Ewropea.  Għalhekk, waqt li nistgħu nifhmu li jista’ jkun hemm min jipprova jmaqdar jew iċekken lil dan il-poplu, aħana għandna nibqgħu nittamaw li tinsab soluzzjoni sabiex jitwieled Gvern stabbli u jmexxi ‘l quddiem.  Nawguraw, għalhekk, il-ħidma u l-għażliet it-tajba, għax din l-elezzjoni hija importanti għalina wkoll.






         

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...